LUQA 19
19
Kapitlu 19
Ġesù u Żakkew
1Ġesù daħal Ġeriko u kien għaddej mit-triq. 2Mela jkun hemm raġel, jismu Żakkew; dan kien wieħed mill-kapijiet tal-pubblikani, u kien għani. 3Kellu xewqa li jara min kien Ġesù, imma ma setax minħabba l-folla, billi kien raġel qasir. 4Għalhekk mar jiġri ’l quddiem u xxabbat ma’ siġra tat-tin selvaġġ, għax minn dik in-naħa kien se jgħaddi. 5Ġesù, kif wasal hemm, ħares ’il fuq u qallu: “Żakkew, isa, inżel minn hemm, għax illum jeħtieġli noqgħod għandek.” 6Dak niżel bla telf ta’ żmien, u kollu ferħan laqgħu għandu. 7In-nies, meta rawh, ilkoll bdew igemgmu bejniethom u jgħidu li għand wieħed midneb daħal jistrieħ.#Lq 5,30; 15,2. 8Imma Żakkew, wieqaf, qal lill-Mulej: “Ara, Mulej, nofs ġidi se nagħtih lill-foqra, u jekk jien qarraqt b’xi ħadd irroddlu għal erba’ darbiet iżjed.”#Eż 22,1. 9Qallu Ġesù: “F’din id-dar illum daħlet is-salvazzjoni, għax dan ir-raġel ukoll huwa bin Abraham.#Lq 13,16; Atti 16,31-34. 10Għax Bin il-bniedem ġie jfittex u jsalva l-mitluf.”#Eżek 34,16; Lq 15,6-9.
Il-parabbola tal-għaxar miniet
(Mt 25,14-30)
11Huma u jisimgħu dan, Ġesù żied jgħid parabbola, għax kien qrib Ġerusalemm, u n-nies kien mingħalihom li s-Saltna ta’ Alla kienet se tidher minnufih. 12Mela qal: “Wieħed raġel nobbli siefer f’pajjiż fil-bogħod biex jagħmluh sultan u mbagħad jerġa’ lura.#Mk 13,34.
13Sejjaħ għaxar qaddejja tiegħu, tahom għaxar miniet#19,13: Miniet: biċċa flus, is-sittin parti ta’ talent; kienet il-paga ta’ ħaddiem għal tliet xhur. u qalilhom: ‘Ħaddmuhom, sa ma nerġa’ niġi.’ 14Issa n-nies ta’ pajjiżu kienu jobogħduh, u bagħtu ambaxxata warajh biex jgħidu, ‘Ma rriduhx lil dan isaltan fuqna.’ 15Ġara li, meta ħa s-saltna u raġa’ lura, bagħat isejjaħ lil dawk il-qaddejja li kien tahom il-flus, biex ikun jaf kif ħaddmuhom u x’qalgħu. 16Resaq l-ewwel wieħed u qallu, ‘Sinjur, bil-mina tiegħek qlajt għaxar miniet.’ 17Qallu, ‘Sewwa, qaddej tajjeb! Ladarba kont fidil f’ħaġa tassew żgħira, ħu f’idejk is-setgħa fuq għaxart ibliet.’#Lq 16,10. 18Ġie t-tieni wieħed u qallu, ‘Sinjur bil-mina tiegħek daħħalt ħames miniet.’ 19Lil dan ukoll qallu, ‘U int ħu taħt idejk ħamest ibliet.’ 20U ġie ieħor u qallu, ‘Sinjur, hawn ara l-mina tiegħek li jien żammejt merfugħa f’maktur. 21Għax jien bżajt minnek billi inti bniedem aħrax, li tfittex dak li ma ħżintx, u taħsad dak li ma żrajtx.’ 22Qallu, ‘Fuq kliemek stess nagħmel ħaqq minnek, ja qaddej ħażin! Kont taf li jiena bniedem aħrax, infittex dak li ma ħżintx u naħsad dak li ma żrajtx. 23Mela għax ma mortx tqiegħed flusi l-bank biex meta niġi kont niġbidhom bl-imgħax?’ 24Imbagħad qal lil ta’ madwaru, ‘Ħudulu l-mina u agħtuha lil dak li għandu l-għaxar miniet.’ 25‘Imma, sinjur,’ qalulu, ‘għandu għaxar miniet!’ 26‘Ngħidilkom li kull min għandu, jingħatalu; iżda min ma għandux, jitteħidlu saħansitra dak li għandu.#Mt 13,12; Mk 4,25; Lq 8,18. 27Lil dawk l-għedewwa tiegħi mbagħad li ma ridunix insaltan fuqhom, morru ġibuhom hawn u agħtuhom il-mewt quddiemi.’ ”
Id-daħla messjanika f’Ġerusalemm
(Mt 21,1-11; Mk 11,1-11; Ġw 12,12-16)
28Kif qal dan, Ġesù qabad it-triq u beda tiela’ lejn Ġerusalemm, miexi quddiem l-oħrajn. 29U meta wasal qrib Betfaġe u Betanja, ħdejn l-għolja li jgħidulha taż-Żebbuġ, bagħat tnejn mid-dixxipli tiegħu 30u qalilhom: “Morru fir-raħal ta’ biswitna; kif taslu, issibu felu marbut li ħadd qatt għadu ma rikeb fuqu. Ħolluh u ġibuh. 31Jekk xi ħadd jistaqsikom għalfejn qegħdin tħolluh, għidulu li l-Mulej għandu bżonnu.” 32Dawk li kienu mibgħuta marru u sabu kollox kif kien qalilhom.#Lq 22,13. 33Huma u jħollu l-felu, is-sidien tiegħu qalulhom: “Għalfejn qegħdin tħolluh il-felu?” 34U huma wieġbu: “Għax il-Mulej jeħtieġu.” 35Imbagħad ġiebu l-felu lil Ġesù, qiegħdu l-imnatar tagħhom fuq il-felu, u rikkbu lil Ġesù fuqu. 36Huwa u għaddej, firxu l-imnatar tagħhom fit-triq.#2 Slat 9,13. #S 118,26; Lq 2,14. 37Xħin imbagħad kien qorob lejn in-niżla tal-Għolja taż-Żebbuġ, il-kotra kollha tad-dixxipli bdiet tfaħħar lil Alla b’għajjat ta’ ferħ u b’leħen għoli għall-għeġubijiet kollha li kienu raw, 38u bdew jgħidu:
“Imbierek is-Sultan
li ġej f’isem il-Mulej!
Sliem fis-sema,
u glorja fl-ogħla tas-smewwiet!”
39Xi wħud mill-Fariżej li kienu qalb il-folla qalulu: “Mgħallem, ċanfarhom lid-dixxipli tiegħek!” 40Iżda hu weġibhom u qal: “Ngħidilkom li, jekk jisktu huma, jgħajjat il-ġebel.”
41Wasal qrib il-belt u, kif raha, beda jibkiha#Ġw 11,35. 42u jgħid: “Mhux li għaraft imqar int ukoll f’dan il-jum x’inhu ta’ ġid għalik! Imma issa! Dan hu moħbi minn għajnejk!#Dt 32,29; Is 6,9-10; Lq 8,10; Atti 28,26-27; Rum 11,8-10. 43Għax għad jiġi żmien fuqek meta l-għedewwa tiegħek idawruk b’rampa u jagħlquk minn kullimkien u jrossu fuqek minn kull naħa; 44u jġarrfu lilek u lil uliedek fik, u ma jħallux fik ġebla fuq oħra, talli ma għaraftx iż-żmien taż-żjara li saritlek!”#Mt 24,2; Mk 13,2; Lq 1,68; 21,6.
Il-qdusija tat-tempju
(Mt 21,12-17; Mk 11,15-19; Ġw 2,13-22)
45Imbagħad daħal fit-tempju, u qabad ikeċċi ’l barra l-bejjiegħa 46u jgħidilhom: “Hemm miktub,
‘Id-dar tiegħi tkun dar it-talb.’
Iżda intom għamiltuha għar tal-ħallelin!” #
Is 56,7; Ġer 7,11.
47U kien jgħallem kuljum fit-tempju. Il-qassisin il-kbar u l-kittieba u l-kbarat tal-poplu kienu jfittxu li jeqirduh;#Lq 21,37; 22,53; Ġw 18,20. #Mt 21,46; Mk 12,12; 14,1-2; Lq 20,19; 22,2; Ġw 5,18; 7,30. 48iżda ma kinux jafu x’jaqbdu jagħmlu, għax il-poplu kollu kien imqabbad miegħu biex jisimgħu.
Currently Selected:
LUQA 19: MB20
Highlight
Share
Copy
Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.