YouVersion Logo
Search Icon

LUQA 20

20
Kapitlu 20
Il-Lhud jistaqsu dwar is-setgħa ta’ Ġesù
(Mt 21,23-27; Mk 11,27-33)
1Ġara li, jum wieħed, huwa u jgħallem lin-nies fit-tempju u jxandar l-Evanġelju, resqu fuqu l-qassisin il-kbar u l-kittieba flimkien max-xjuħ 2u staqsewh u qalulu: “Għidilna, int b’liema setgħa qiegħed tagħmel dan kollu? U min hu dak li tahielek din is-setgħa?” 3Hu weġibhom u qal: “Ħa nagħmlilkom mistoqsija jien ukoll. Għiduli, 4il-magħmudija ta’ Ġwanni kienet ġejja mis-sema jew mill-bnedmin?”#Mt 3,6-11; Mk 1,4-8; Lq 3,3.16; Ġw 1,25-26; Atti 1,22; 10,37; 13,24; 18,25; 19,3-4. 5Dawk bdew jirraġunaw bejniethom u jgħidu: “Jekk inweġbuh, ‘Mis-sema,’ jgħidilna, ‘Mela għaliex ma emmintuhx?’ 6U jekk ngħidulu, ‘Mill-bnedmin,’ il-poplu kollu jħaġġarna!” Għax kulħadd kien jemmen li Ġwanni kien profeta. 7Għalhekk weġbuh li ma kinux jafu minn fejn. 8U Ġesù qalilhom: “Mela anqas jien ma ngħidilkom b’liema setgħa qiegħed nagħmel dan.”
Il-parabbola tal-għalqa u l-bdiewa
(Mt 21,33-46; Mk 12,1-12)
9Imma lin-nies beda jgħidilhom din il-parabbola: “Kien hemm raġel li ħawwel għalqa dwieli, qabbilha lil xi bdiewa, u mar jagħmel safra twila f’art oħra.#Is 5,1. 10Meta wasal iż-żmien, bagħat qaddej għand il-bdiewa biex jagħtuh is-sehem li kien imissu mill-frott tal-għalqa. Iżda l-bdiewa sawtuh u reġgħu bagħtuh lura idu f’idu.#2 Kron 36,15-16. 11Għal darb’oħra bagħtilhom qaddej ieħor, imma lil dan ukoll darbuh u xeħtuh ’il barra idu f’idu. 12Għat-tielet darba bagħtilhom ieħor, imma lil dan ukoll ferewh u xeħtuh ’il barra. 13‘X’naqbad nagħmel?’ qal sid l-għalqa; ‘ħa nibagħtilhom lil ibni l-għażiż; nittama li minn dan jistħu’. 14Iżda kif rawh il-bdiewa bdew jiftiehmu bejniethom u jgħidu lil xulxin: ‘Ara l-werriet! Ejjew noqtluh, biex il-wirt tiegħu jaqa’ fuqna.’ 15U xeħtuh ’il barra mill-għalqa tad-dwieli u qatluh. Issa x’jagħmlilhom sid l-għalqa? 16Jiġi u jeqred lil dawk il-bdiewa, u l-għalqa tad-dwieli jqabbilha lil ħaddieħor.” “Ma jkun qatt!” qalulu meta semgħuh jgħid hekk. 17Iżda Ġesù ħares lejhom u qalilhom: “Mela xi jfisser dak li hemm miktub,
‘Il-ġebla li warrbu l-bennejja
saret il-ġebla tax-xewka’? # S 118,22.
18Min jaqa’ fuq din il-ġebla jitfarrak, u fuq min taqa’ tgħaffġu taħtha.” 19Il-kittieba u l-qassisin il-kbar riedu kieku jmiddu idejhom fuqu dak il-ħin stess, imma beżgħu mill-poplu. Fehmu li dik il-parabbola kien qalha għalihom.#Mt 21,46; Mk 12,12; 14,1-2; Lq 19,47-48; 22,2; Ġw 5,18; 7,30.
It-taxxi lil Ċesari
(Mt 22,15-22; Mk 12,13-17)
20Imbagħad huma qagħdu għassa tiegħu u bagħtu għandu lil xi wħud taparsi nies sewwa biex jonsbuh u forsi jaqbduh f’xi kelma, u hekk ikunu jistgħu jagħtuh f’idejn il-gvernatur li kellu s-setgħa u l-awtorità.#Lq 11,54. 21Dawk staqsewh u qalulu: “Mgħallem, aħna nafu li inti tgħid u tgħallem is-sewwa bla ma tħares lejn wiċċ ħadd, imma t-triq ta’ Alla tgħallimha kif tassew hi.#Ġw 3,2. 22Sewwa jew le li aħna nħallsu t-taxxa lil Ċesari?”#Rum 13,7. 23Iżda hu ntebaħ bil-ħażen tagħhom u qalilhom: 24“Uruni dinar#20,24: Dinar: biċċa flus tal-fidda Rumana, li kienet il-paga ta’ ġurnata xogħol.. Il-wiċċ u l-kitba ta’ min huma?” Qalulu: “Ta’ Ċesari.” 25Imbagħad qalilhom: “U mela agħtu lil Ċesari dak li hu ta’ Ċesari, u lil Alla dak li hu ta’ Alla.” 26U hekk ma seħħilhomx jaqbduh fil-kelma quddiem il-poplu, u kollhom mistagħġba għalqu ħalqhom għat-tweġiba tiegħu.
Il-qawmien mill-imwiet
(Mt 22,23-33; Mk 12,18-27)
27Mela resqu fuqu xi wħud mis-Sadduċej, dawk li jiċħdu l-qawmien mill-imwiet, u staqsewh:#Atti 23,8. 28“Mgħallem,” qalulu, “Mosè ħallielna miktub, ‘Jekk wieħed imutlu ħuh miżżewweġ u dan ikun bla tfal, dak ikollu jiżżewweġ l-armla biex inissel ulied lil ħuh.’#Ġen 38,8; Dt 25,5. 29Issa jkun hemm sebat aħwa, u l-kbir iżżewweġ u miet bla tfal. 30It-tieni wieħed, 31u mbagħad it-tielet, f’kelma waħda, is-sebgħa li kienu, ħadu l-armla, u mietu bla ma ħallew tfal. 32Fl-aħħar mietet il-mara wkoll. 33Issa din, fil-qawmien tal-imwiet, mart min minnhom tkun? Għax is-sebgħa jkunu żżewġuha.” 34Weġibhom Ġesù: “Il-bnedmin f’din id-dinja jiżżewġu u jżewġu; 35imma dawk li jkun jistħoqqilhom jgħaddu għad-dinja l-oħra u jqumu mill-imwiet, dawn la jżewġu u lanqas jiżżewġu. 36Għax anqas jistgħu jmutu iżjed, għaliex ikunu bħall-anġli, u huma wlied Alla ladarba qamu mill-imwiet#20,36: Ladarba qamu mill-imwiet: letteralment: ulied il-qawmien: ara nota 7,35..#Gal 3,5-7. 37U li l-mejtin iqumu, Mosè wkoll urieh, fir-rakkont tax-xitla tal-għollieq, għax lill-Mulej isejjaħlu Alla ta’ Abraham, Alla ta’ Iżakk, u Alla ta’ Ġakobb.#Eż 3,2-6. 38Issa hu mhuwiex Alla tal-mejtin, iżda tal-ħajjin, għax għalih kulħadd jgħix.”#Rum 14,8-9. 39Qabżu xi wħud mill-kittieba u qalulu: “Mgħallem, sewwa qiegħed tgħid.” 40Għax xejn iżjed ma kellhom il-wiċċ jistaqsuh.
Mistoqsija dwar Bin David
(Mt 22,41-46; Mk 12,35-37)
41Imbagħad qalilhom: “Din kif inhi li jgħidu li l-Messija huwa bin David? 42Għax David stess jgħid fil-Ktieb tas-Salmi,
‘Il-Mulej qal lil Sidi:
Oqgħod fuq il-lemin tiegħi, # S 110,1.
43 sa ma nkun qegħedt l-għedewwa
tiegħek taħt riġlejk.’
44Jiġifieri, David sejjaħlu Sidu; mela kif inhu ibnu?”
Ġesù jikkundanna l-kittieba
(Mt 23,1-36; Mk 12,38-40; Lq 11,37-54)
45Waqt li l-poplu kollu kien qiegħed jisma’, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: 46“Iftħu għajnejkom mill-kittieba, li jridu biss iduru mat-toroq bi lbiesi twal, u jħobbu t-tislim fil-pjazez u s-siġġijiet ta’ quddiem fis-sinagogi u l-postijiet ewlenin fil-pranzijiet, 47iberbqu ġid ir-romol, u mbagħad għal wiċċ in-nies idumu ħafna jitolbu. Dawn jieħdu kundanna aktar iebsa.”

Currently Selected:

LUQA 20: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in