YouVersion Logo
Search Icon

LUQA 21

21
Kapitlu 21
L-offerta tal-armla
(Mk 12,41-44)
1Rafa’ għajnejh u ra l-għonja jitfgħu l-offerti tagħhom fit-teżor tat-tempju. 2U ra wkoll waħda armla fqira titfa’ biċċtejn żgħar tal-flus, 3u qal: “Ngħidilkom is-sew, din l-armla fqira tefgħet iktar minnhom ilkoll.#2 Kor 8,12. 4Għax dawn kollha għamlu offerti miż-żejjed tagħhom, imma hi, fil-faqar tagħha, tefgħet dak kollu li kellha biex tgħix.”
Il-qerda tat-Tempju u l-persekuzzjonijiet
(Mt 24,1-14; Mk 13,1-13)
5Kien hemm xi wħud li bdew jgħidu fuq kemm it-tempju kien imżejjen b’ġebel sabiħ u għotjiet#21,5: Imżejjen b’ġebel sabiħ u għotjiet: offerti b’wegħda; dawn setgħu kienu mdendla jew mibnija fl-istess ħajt.; iżda Ġesù qalilhom: 6“Kulma qegħdin taraw, għad jiġi żmien li ma tibqax ġebla fuq oħra minnu li ma tiġġarrafx.”#Lq 19,44.
7U huma staqsewh u qalulu: “Mgħallem, issa dan meta għad jiġri? U x’se jkun is-sinjal li dawn il-ħwejjeġ ikunu waslu biex iseħħu?” 8Qalilhom: “Araw li ma titqarrqux. Għax għad jiġu ħafna f’ismi u jgħidu, ‘Jien hu,’ u, ‘Iż-żmien wasal.’ Tmorrux warajhom!#Dan 7,22; Fil 4,5. 9Meta tisimgħu min jitkellem fuq gwerer u taqlib fil-pajjiżi, tinħasdux għax jeħtieġ li l-ewwel jiġri dan, iżda t-tmiem ma jasalx minnufih.”#Dan 2,28. 10Imbagħad qalilhom: “Għad iqum ġens kontra ġens u saltna kontra saltna,#2 Kron 15,6; Is 19,2. 11l-art titheżeż bil-kbir, f’ħafna bnadi jkun hemm il-ġuħ u mard li jittieħed, u fis-sema jidhru ħwejjeġ tal-biża’ u sinjali tal-għaġeb. 12Imma qabel dan kollu jixħtu idejhom fuqkom u jippersegwitawkom, jagħtukom f’idejn il-mexxejja tas-sinagoga u jitfgħukom il-ħabs, u jeħdukom quddiem slaten u gvernaturi minħabba f’ismi.#Mt 10,18; Lq 12,11. 13Dan ikun jiswielkom biex tistgħu tagħtu xhieda. 14U żommu sewwa f’moħħkom: toqogħdux taħsbu minn qabel kif se tiddefendu ruħkom,#Mt 10,19; Lq 12,11-12. 15għax jien nagħtikom kliem u għerf li kull min ikun kontra tagħkom ma jkunx jista’ jiqaflu jew imerih.#Atti 6,10. 16U jittradukom saħansitra l-ġenituri tagħkom u ħutkom u qrabatkom u ħbiebkom, u lil xi wħud minnkom joqtluhom,#Mt 10,21-22. 17u kulħadd isir jobgħodkom minħabba f’ismi. 18Imma xagħra waħda minn raskom ma tintilifx.#1 Sam 14,45; Lq 12,7. 19Jekk tibqgħu sħaħ sal-aħħar issalvaw ħajjitkom!
Ġesù jħabbar il-qerda ta’ Ġerusalemm
(Mt 24,15-22; Mk 13,14-19)
20“Meta mbagħad taraw lil Ġerusalemm magħluqa minn kullimkien bl-eżerċti, tkunu tafu li l-qerda tagħha tkun waslet. 21Ħa jaħarbu mbagħad lejn il-muntanji dawk li jkunu fil-Lhudija u jitbiegħdu minnha dawk li jkunu ġo nofsha, u ma jerġgħux lura fiha dawk li jkunu fir-raba’; 22għax dawk ikunu jiem il-kastig li fihom iseħħ kulma hemm miktub.#Dt 32,35; Ġer 46,10; Hos 9,7. 23Jaħasra għalihom in-nisa li f’dawk il-jiem ikunu tqal jew ireddgħu! Għax hemm kbir jaqa’ fuq il-pajjiż, u korla fuq dan il-poplu. 24In-nies jaqgħu taħt il-qilla tas-sejf, u jittieħdu lsiera fost il-pagani kollha; u Ġerusalemm tibqa’ tintrifes taħt saqajn il-ġnus sa ma jkun għadda żmien il-ġnus.#Esd 9,7; Tob 14,5; 1 Mak 3,45-51; S 79,1; Sir 28,18; Is 63,18; Ġer 21,7; Dan 9,26; 12,7; Rum 11,25; Apk 11,2.
Il-miġja ta’ Bin il-bniedem
(Mt 24,29-31; Mk 13,24-27)
25“U jkun hemm sinjali fix-xemx u l-qamar u l-kwiekeb. Il-ġnus fuq l-art, b’qalbhom ittaqtaq, ma jafux x’jaqbdu jagħmlu minħabba l-ħsejjes tal-baħar u tal-imwieġ;#S 46,2-3; Għerf 5,22; Is 13,10; Eżek 32,7; Ġoel 3,3-4; Apk 6,12-13. 26in-nies ruħhom ħierġa bil-biża’ billi jobsru x’ikun ġej fuq id-dinja, għax il-qawwiet tas-smewwiet jitqallbu.#Ħag 2,6-21. 27Imbagħad jaraw lil Bin il-bniedem ġej fi sħaba, b’qawwa u glorja kbira.#Dan 7,13; Mt 26,64; Apk 1,7. 28Meta jibda jseħħ dan kollu, qawwu qalbkom u erfgħu raskom, għax il-fidwa tagħkom#21,28: Il-fidwa tagħkom: jew il-ħelsien tagħkom. hi fil-qrib.”#Rum 13,11.
Tagħlima mis-siġra tat-tin
(Mt 24,32-35; Mk 13,28-31)
29U qalilhom parabbola: “Ħarsu lejn is-siġra tat-tin u s-siġar l-oħra. 30Malli tarawhom jarmu, intom stess tintebħu li s-sajf diġà fil-qrib. 31Hekk ukoll meta taraw dan jiġri, kunu afu li s-Saltna ta’ Alla hi fil-qrib. 32Tassew ngħidilkom, li ma jgħaddix dan in-nisel sa ma jiġri dan kollu. 33Is-sema u l-art jgħaddu, imma kliemi ma jgħaddix.#Lq 16,17.
Ishru
34“Oqogħdu attenti, u qisu li l-ikel u x-xorb żejjed u s-sokor ma jmewtulkomx qalbkom, u tħallux li l-ħafna tħassib għall-ħtiġiet tal-ħajja jeħdilkom raskom, li ma ssibuhx dak il-Jum fuqkom għal għarrieda.#Mt 24,48-50; Lq 17,27; 1 Tess 5,3. 35Għax hu Jum li għad jaqa’ bħal nassa fuq kull min jgħammar fuq wiċċ l-art kollha.#Is 24,17. 36Ishru, mela, u itolbu l-ħin kollu, biex tkunu tifilħu tgħaddu minn kulma għandu jiġri u tieqfu quddiem Bin il-bniedem.”#Mk 13,33; Apk 6,17.
37Matul il-jum Ġesù kien joqgħod jgħallem fit-tempju, iżda filgħaxija kien joħroġ barra mill-belt lejn l-Għolja taż-Żebbuġ biex jgħaddi l-lejl hemmhekk.#Lq 19,47; 22,39. 38Filgħodu mbagħad il-poplu kollu kien imur kmieni fit-tempju biex jisimgħu.

Currently Selected:

LUQA 21: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in