YouVersion Logo
Search Icon

LUQA 22

22
Kapitlu 22
Ftehim kontra Ġesù
(Mt 26,1-5.14-16; Mk 14,1-2.10-11; Ġw 11,45-53)
1Kienet riesqa l-festa tal-Ażżmi, jiġifieri l-Għid.#Eż 21,1-27. 2Il-qassisin il-kbar u l-kittieba, billi kienu jibżgħu mill-poplu, bdew ifittxu l-mod kif joqtlu lil Ġesù.#Mt 21,46; Mk 12,12; 14,1-2; Lq 19,47-48; 20,19; Ġw 5,18; 7,30. 3Imma x-Xitan daħal f’Ġuda, jgħidulu l-Iskarjota, li kien wieħed mit-Tnax,#Ġw 13,27; Atti 1,17. 4u dan mar jiftiehem mal-qassisin il-kbar u l-uffiċjali tat-tempju#22,4: L-uffiċjali tat-tempju: in-nies responsabbli għall-bon ordni fit-tempju; ara nota 10,32. dwar il-mod kif jagħtihom lil Ġesù f’idejhom. 5Huma ferħu ħafna, u ftiehmu miegħu li jagħtuh xi flus. 6U hu tahom kelmtu, u beda jara jsibx okkażjoni tajba biex jagħtihom lil Ġesù f’idejhom bil-moħbi tal-poplu.
Ġesù jħejji għall-ikla tal-Għid
(Mt 26,17-25; Mk 14,12-21)
7U wasal jum l-Ażżmi, il-jum li fih kien ikollhom jissagrifikaw il-ħaruf tal-Għid.#Eż 12,6-15. 8Ġesù bagħat lil Pietru u ’l Ġwanni u qalilhom: “Morru ħejjulna l-ikla tal-Għid ħalli nieklu l-ħaruf.”#Eż 12,8-11. 9“Fejn tridna nħejju?” staqsewh. 10“Araw,” qalilhom: “Intom u deħlin il-belt jiltaqa’ magħkom raġel iġorr ġarra ilma. Morru warajh sa ġod-dar fejn jidħol, 11u għidu lil sid dik id-dar: ‘Qallek l-Imgħallem: Fejn hi l-kamra tal-ikel li fiha nista’ niekol l-ikla tal-Għid mad-dixxipli tiegħi?’ 12U dak jurikom kamra kbira fuq, mgħammra b’kollox. Ħejju hemmhekk.” 13Marru, u sabu kollox kif kien qalilhom; u ħejjew l-ikla tal-Għid.#Lq 19,32.
It-twaqqif tal-Ewkaristija
(Mt 26,26-30; Mk 14,22-26; 1 Kor 11,23-25)
14Meta sar il-ħin, qagħad fuq il-mejda flimkien mal-appostli. 15U Ġesù qalilhom: “Kelli xewqa kbira li nagħmel din l-ikla tal-Għid magħkom qabel ma nbati! 16Għaliex, ngħidilkom, din l-ikla m’iniex se nagħmilha iżjed sa ma tkun seħħet għalkollox fis-Saltna ta’ Alla.”#Lq 13,29. 17U qabad kalċi, radd il-ħajr u qal: “Ħudu dan il-kalċi u aqsmuh bejnietkom. 18Għaliex, ngħidilkom, minn issa ’l quddiem ma nixrobx iżjed mill-frott tad-dielja sa ma tiġi s-Saltna ta’ Alla.” 19Imbagħad ħa l-ħobż, radd il-ħajr, qasmu, newwilhulhom u qal: “Dan hu ġismi li jingħata għalikom; agħmlu dan b’tifkira tiegħi.”#Lq 24,30; Atti 27,35. 20Hekk ukoll wara l-ikla ħa l-kalċi u qal: “Dan il-kalċi huwa l-Patt il-Ġdid b’demmi, id-demm li jixxerred għalikom.#Eż 24,8; Ġer 31,31; 32,40. 21Imma, araw, id dak li se jittradini qiegħda miegħi fuq il-mejda.#S 41,10; Ġw 13,21. 22Għax tassew li Bin il-bniedem imur, kif hemm maqtugħ, imma ħażin għalih dak il-bniedem li jittradih!” 23Huma għalhekk bdew jistaqsu lil xulxin min minnhom kien se jagħmel dan.#Ġw 13,21.
Min hu l-akbar fis-Saltna ta’ Alla
24Inqalgħet ukoll kwistjoni bejniethom dwar min minnhom kellu jinżamm bħala l-akbar wieħed.#Mt 18,1; Mk 9,34; Lq 9,46. 25Imma hu qalilhom: “Fost il-pagani s-slaten jaħkmu fuq in-nies, u dawk li jħaddmu s-setgħa fuqhom isejħulhom benefatturi.#Mt 20,25-27; Mk 10,42-44. 26Intom mhux hekk, imma l-akbar fostkom għandu jġib ruħu tal-iżgħar wieħed, u min hu fuq l-oħrajn iġib ruħu ta’ qaddej.#Mt 23,11; Mk 9,35. 27Għax min hu l-akbar, dak li jkun fuq il-mejda, jew dak li jkun qiegħed jaqdi? Mhux dak li jkun fuq il-mejda? Imma jien qiegħed fostkom nagħmilha ta’ qaddej.#Ġw 13,4-16. 28Intom, imbagħad, intom dawk li żammejtu sħiħ miegħi fit-tiġrib kollu li ġie fuqi; 29u bħalma Missieri ħejja saltna għalija, hekk ukoll jiena nħejji għalikom,#Lq 12,32. 30biex tieklu u tixorbu fuq il-mejda miegħi f’saltnati, u toqogħdu fuq tronijiet biex tagħmlu ħaqq mit-tnax-il tribù ta’ Iżrael.#Mt 19,28.
It-taħbira taċ-ċaħda ta’ Pietru
(Mt 26,31-35; Mk 14,27-31; Ġw 13,36-38)
31“Xmun! Xmun! Ara, ix-Xitan riedkom f’idejh biex jgħaddikom mill-għarbiel bħall-qamħ;#Għam 9,9; 2 Kor 2,11. 32imma jiena tlabt għalik, biex il-fidi tiegħek ma tiġix nieqsa. Inti mbagħad, meta terġa’ lura għas-sewwa, wettaq lil ħutek.” 33Qallu Xmun: “Mulej, jiena lest li miegħek niġi saħansitra l-ħabs, lest li nieħu l-mewt ukoll.”#Lq 22,54. 34Imma Ġesù qallu: “Ngħidlek, Pietru, li llum, qabel ma jidden is-serduk, tkun ċħadt għal tliet darbiet li inti tafni!”#Lq 22,16.
Twissija ta’ Ġesù
35Imbagħad qalilhom: “Naqsitkom xi ħaġa meta bgħattkom bla borża u bla ħorġa u bla qorq!” “Ma naqasna xejn,” weġbuh.#Mt 10,9-10; Mk 6,8-9; Lq 9,3; 10,4. 36“Imma issa,” qalilhom, “min għandu borża jqis li jeħodha miegħu, u min għandu ħorġa wkoll; u min ma għandux sejf, ibigħ il-libsa ta’ fuqu u jixtri wieħed.#Lq 22,49. 37Għaliex ngħidilkom, jeħtieġ li jseħħ fija dak li hemm miktub, jiġifieri, ‘li kien magħdud mal-ħżiena’. Tabilħaqq, dak li hemm miktub fuqi jseħħ.”#Is 53,12; Lq 12,50. 38“Mulej,” qalulu, “ara, hawn żewġt isjuf hawnhekk.” “Biżżejjed!” qalilhom.
Ġesù jitlob fuq l-Għolja taż-Żebbuġ
(Mt 26,36-46; Mk 14,32-42)
39Imbagħad ħareġ u mar bħas-soltu fuq l-Għolja taż-Żebbuġ, u d-dixxipli wkoll marru miegħu.#Lq 21,37; Ġw 18,1. 40Kif wasal hemmhekk qalilhom: “Itolbu li ma tidħlux fit-tiġrib.”#Lq 22,46. 41Imbagħad tbiegħed minnhom daqs tefgħa ta’ ġebla, u nxteħet għarkupptejh jitlob 42u jgħid: “Missier, jekk inti trid, warrab minni dan il-kalċi! Iżda tkun magħmula r-rieda tiegħek, u mhux tiegħi.”#Mt 6,10. 43Deherlu anġlu#22,43: Deherlu anġlu: Xi manuskritti jħallu barra vv. 43-44. mis-sema biex jagħmillu l-qalb, 44imma hu ħass dwejjaq tal-mewt fuqu u beda jitlob b’ħerqa akbar. L-għaraq sarlu bħal qtar tad-demm iċarċar sal-art. 45Imbagħad qam mit-talb, mar ħdejn id-dixxipli u sabhom reqdin minħabba s-swied ta’ qalb. 46“Kif!” qalilhom “Irqadtu? Qumu u itolbu biex ma tidħlux fit-tiġrib!”#Lq 22,40.
Ġesù ttradut u arrestat
(Mt 26,47-56; Mk 14,43-50; Ġw 18,3-11)
47Kif kien għadu jitkellem, waslet ġemgħa nies. Quddiem kien hemm dak li jismu Ġuda, wieħed mit-Tnax, u dan resaq lejn Ġesù biex ibusu. 48Imma Ġesù qallu: “Bewsa għażilt, Ġuda, biex tittradih lil Bin il-bniedem?” 49Dawk ta’ madwaru, meta raw x’kien ġej, qalulu: “Mulej, tridx nagħtu bis-sejf?”#Lq 22,36. 50U wieħed minnhom ta daqqa ta’ sejf lill-qaddej tal-qassis il-kbir u qatagħlu barra widintu l-leminija.#Ġw 18,26. 51Imma Ġesù qal: “Ieqfu! Biżżejjed!” U messlu widintu u fejqu. 52Imbagħad Ġesù qal lill-qassisin il-kbar, lill-uffiċjali tat-tempju u lix-xjuħ li ġew għalih: “Qiskom ħriġtu għal xi ħalliel, armati bis-sjuf u l-bsaten!#Lq 22,37. 53Meta kont inkun magħkom kuljum fit-tempju, ma meddejtux idejkom fuqi. Imma din hi s-siegħa tagħkom u s-setgħa tad-dlamijiet!”#Lq 19,47; 21,37; Ġw 7,30; 8,20.
Pietru jiċħad lil Ġesù
(Mt 26,57-58.69-75; Mk 14,53-54.66-72; Ġw 18,12-18.25-27)
54Imbagħad qabdu lil Ġesù u ħaduh magħhom, u daħħluh fil-palazz tal-qassis il-kbir. Pietru baqa’ miexi warajhom mill-bogħod.#Lq 22,33. 55Meta mbagħad qabbdu n-nar f’nofs il-bitħa u nxteħtu bilqiegħda madwaru, Pietru mar qagħad bilqiegħda f’nofshom. 56Imma kif kien hemm bilqiegħda maġenb in-nar, ratu waħda qaddejja, waħħlet għajnejha fuqu u qalet: “Dan ukoll kien miegħu!” 57Iżda hu ċaħad u qalilha: “Mara, anqas biss nafu!” 58Wara ftit rah xi ħaddieħor, u qallu: “Int ukoll wieħed minnhom.” Imma Pietru wieġbu: “Le, sieħeb, m’iniex!” 59Għaddiet xi siegħa u raġa’ kien hemm ieħor li beda jisħaq u jgħid: “Iva, tassew, dan ukoll kien miegħu, għax dan ukoll mill-Galilija.” 60Iżda Pietru qallu: “Ma nafx x’inti tgħid, sieħeb.” U minnufih, kif kien għadu jitkellem, is-serduk idden. 61U l-Mulej dar u ħares lejn Pietru; u Pietru ftakar fil-kelma li l-Mulej kien qallu, ‘Illum, qabel ma jidden is-serduk, inti tkun ġa ċħadtni tliet darbiet.’#Lq 22,34. 62U ħareġ ’il barra jibki b’qalbu maqsuma.
Ġesù mżeblaħ u msawwat
(Mt 26,67-68; Mk 14,65)
63L-irġiel li kienu qegħdin iżommu lil Ġesù bdew jgħadduh biż-żufjett u jsawtuh, 64u għattewlu wiċċu u bdew jistaqsuh u jgħidulu: “Aqta’ min tahielek din id-daqqa!” 65U qagħdu jgħajruh b’ħafna kliem ieħor.
Ġesù quddiem is-Sinedriju
(Mt 26,59-66; 27,2; Mk 14,55-64; 15,1; Ġw 18,19-24)
66Meta sebaħ, iltaqgħet il-ġemgħa tax-xjuħ tal-poplu, il-qassisin il-kbar u l-kittieba, u ħadu lil Ġesù quddiem is-Sinedriju tagħhom. 67U qalulu: “Jekk inti l-Messija, għidilna.” Iżda hu weġibhom: “Jekk ngħidilkom, ma temmnux;#Ġw 3,12; 8,45; 10,25. 68jekk nistaqsikom, ma tweġbux. 69Imma minn issa ’l quddiem Bin il-bniedem ikun bilqiegħda n-naħa tal-lemin ta’ Alla li jista’ kollox.”#S 110,1; Atti 7,56. 70U lkoll qalulu: “Inti mela l-Iben ta’ Alla?” “Intom stess qegħdin tgħiduh,” qalilhom, “Iva, jien.”#Mt 4,3-6; Lq 4,41. 71“Xi ħtieġa għandna iżjed ta’ xhieda?” qalu huma, “Għax smajnieha aħna minn fommu stess!”

Currently Selected:

LUQA 22: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in