LUQA 23
23
Kapitlu 23
Ġesù quddiem Pilatu
(Mt 27,1-2.11-14; Mk 15,1-5; Ġw 18,28-38)
1Imbagħad qamet il-ġemgħa kollha u ħaduh għand Pilatu. 2U bdew jakkużawh u jgħidu: “Aħna sibna li dan il-bniedem qiegħed ixewwex lill-ġens tagħna, li mhuwiex iħalli lil min iħallas it-taxxa lil Ċesari, u li qiegħed jgħid li hu l-Messija Sultan.”#Lq 20,25. 3Pilatu staqsieh u qallu: “Inti s-sultan tal-Lhud?” U hu wieġbu: “Inti qiegħed tgħidu.”#1 Tim 6,13. 4Pilatu qal lill-qassisin il-kbar u lill-kotra tan-nies: “Ebda ħtija ma nsib f’dan il-bniedem.” 5Iżda huma baqgħu jinsistu u jgħidu: “Qiegħed ixewwex lill-poplu, u jgħallem fil-Lhudija kollha, ibda mill-Galilija sa hawnhekk stess.”
Ġesù quddiem Erodi
6Kif sama’ dan, Pilatu staqsa jekk dak ir-raġel kienx mill-Galilija, 7u meta sar jaf li hu kien min-naħa li kien jagħmel minnha Erodi#23,7: Erodi: Erodi Antipa bin Erodi l-Kbir., bagħtu quddiemu, għax f’dawk il-jiem Erodi wkoll kien Ġerusalemm.#Lq 3,1. 8Erodi feraħ ħafna meta ra lil Ġesù, għax minn dak li kien sama’ fuqu kien ilu żmien jixtieq jarah, bit-tama li jara li jagħmel xi sinjal.#Lq 9,9. 9U għamillu bosta mistoqsijiet, imma Ġesù ma wieġbu xejn. 10Il-qassisin il-kbar u l-kittieba, b’saħna kbira fuqhom, qagħdu jakkużawh. 11Imma Erodi, flimkien mas-suldati tiegħu, beda jżebilħu u jgħaddih biż-żufjett, libbsu libsa ta’ kulur ilellex u raġa’ bagħtu quddiem Pilatu. 12Issa Erodi u Pilatu fl-imgħoddi kellhom għal xulxin, imma dak in-nhar saru ħbieb.
Ġesù kkundannat għall-mewt
(Mt 27,15-26; Mk 15,6-15; Ġw 18,39—19,16)
13Pilatu sejjaħ flimkien il-qassisin il-kbar, il-kapijiet, u l-poplu, 14u qalilhom: “Ġibtuli quddiemi lil dan il-bniedem bħala wieħed li qiegħed ixewwex lill-poplu. Ara, jiena stħarriġtu quddiemkom fuq l-akkużi li qegħdin iġġibu kontra tiegħu, u ma sibt ebda ħtija fih. 15U anqas Erodi ma sab, għax raġa’ bagħtu quddiemna. Qegħdin taraw, mela, li ma għamel xejn li ħaqqu l-mewt. 16Għalhekk nagħtih is-swat#23,16: Għalhekk nagħtih is-swat: Xi wħud mill-manuskritti jżidu v.17: Issa kellu jitilqilhom lil xi ħadd fil-festa; ara Mt 27,15; Mk 15,6. u nitilqu.”
18Iżda huma qabdu jgħajtu lkoll f’daqqa: “Agħtih il-mewt lil dan! Itilqilna ’l Barabba!” 19Dan Barabba kienu tefgħuh il-ħabs minħabba rewwixta li kienet qamet fil-belt għax kien qatel. 20Pilatu, billi ried jitlaq lil Ġesù, għolla leħnu u raġa’ kellimhom; 21iżda huma qabdu jgħajtu aktar minnu u jgħidu: “Sallbu! Sallbu!” 22Għat-tielet darba qalilhom: “Imma dan x’għamel ħażin? Ma sibt fih ebda ħtija li ħaqqha l-mewt. Mela nagħtih is-swat u nitilqu.” 23Iżda huma b’ħafna għajjat baqgħu jinsistu u jitolbu li jkun imsallab, sakemm fl-aħħar għaddiet tagħhom. 24Għalhekk Pilatu qatagħha li jsir kif talbu huma. 25Telqilhom lil min talbu, jiġifieri lil dak li kien mitfugħ il-ħabs minħabba rewwixta u qtil, u lil Ġesù tahulhom bħalma xtaqu.
Ġesù msallab
(Mt 27,32-44; Mk 15,21-32; Ġw 19,17-27)
26Huma u sejrin bih, qabdu wieħed, jismu Xmun, minn Ċireni, li kien ġej lura mir-raba’, u għabbewh bis-salib biex iġorru wara Ġesù. 27Kotra kbira ta’ nies kienet miexja warajh; fosthom kien hemm xi nisa li bdew iħabbtu fuq sidirhom u jibkuh. 28Imma Ġesù dar lejhom u qalilhom: “Nisa ta’ Ġerusalemm, mhux lili ibku, iżda ibku lilkom infuskom u lil uliedkom. 29Għax, araw, għad jiġi żmien meta jgħidu, ‘Hienja dik li ma għandhiex tfal, hieni l-ġuf li qatt ma wiled u s-sider li qatt ma redda’!#Lq 21,23. 30Imbagħad jibdew jgħidu lill-muntanji, ‘Aqgħu fuqna!’, u lill-għoljiet, ‘Ordmuna!’#Hos 10,8; Apk 6,16. 31Għax jekk dan kollu qegħdin jagħmluh liz-zokk meta għadu aħdar, mela xi jsir minnu meta jinxef?”
32Kien hemm ukoll tnejn oħra, żewġt irġiel ħatja, li ħaduhom għall-mewt miegħu. 33Meta waslu fil-post jgħidulu l-Qorriegħa, sallbuhom hemm, lilu u lill-ħatja, wieħed fuq il-lemin tiegħu u l-ieħor fuq ix-xellug.#Is 53,12. 34U Ġesù qal: “Missier, aħfrilhom, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu.” Imbagħad tellgħu x-xorti u qassmu ħwejġu bejniethom.#S 22,18; Is 53,12; Mt 5,44; Atti 7,60. 35Il-poplu waqaf hemm, iħares, waqt li l-kapijiet bdew jiddieħku b’Ġesù u jgħidu: “Salva lil oħrajn; ħa jsalva lilu nnifsu jekk dan hu l-Messija, il-Maħtur ta’ Alla!”#S 22,7-8. 36Is-suldati wkoll bdew jgħadduh biż-żmien; u resqu lejh, newlulu nbid qares#S 69,21. 37u qalulu: “Jekk inti s-sultan tal-Lhud salva lilek innifsek!” 38Fuq rasu kien hemm ukoll kitba li kienet tgħid, ‘Dan huwa s-sultan tal-Lhud.’
39Wieħed mill-ħatjin li kienu msallbin miegħu beda jgħajru u jgħidlu: “Int m’intix il-Messija? Salva lilek innifsek u lilna.” 40Imma qabeż l-ieħor, ċanfru u qallu: “Anqas minn Alla int ma tibża’, int li qiegħed taħt l-istess kundanna? 41Tagħna hija ġusta, tassew, għax qegħdin nieħdu li ħaqqna ta’ kulma għamilna; imma dan ma għamel xejn ħażin.” 42Imbagħad qal: “Ġesù, ftakar fija meta tidħol fis-Saltna tiegħek.”#Mt 16,28. 43U Ġesù wieġbu: “Tassew ngħidlek, illum tkun fil-Ġenna#23,43: Il-Ġenna: għal xi Lhud ta’ żmien Ġesù, il-Ġenna kienet post fejn il-ġusti kienu qegħdin jistennew il-qawmien mill-imwiet. miegħi.”
Il-mewt ta’ Ġesù
(Mt 27,45-56; Mk 15,33-41; Ġw 19,28-30)
44Għall-ħabta tas-sitt siegħa#23,44: Sitt siegħa sad-disa’ siegħa: ara nota Mk 15,25. waqgħet dalma kbira fuq il-pajjiż kollu sad-disa’ siegħa,#Għam 8,9. 45għax ix-xemx iddallmet. Il-velu tas-santwarju ċċarrat min-nofs.#Eż 26,31-33; 36,35. 46Imbagħad Ġesù għajjat għajta kbira u qal: “Missier, f’idejk jien nerħi ruħi.” U kif qal hekk, ħarġet ruħu.#S 31,5; Atti 7,59. 47Iċ-ċenturjun, meta ra x’ġara, beda jfaħħar lil Alla u jgħid: “Tassew li dan bniedem ġust!” 48U n-nies kollha li kienu nġabru hemm biex jaraw, meta raw dawn il-ġrajja, reġgħu lura jħabbtu fuq sidirhom. 49Dawk kollha li kienu jafuh qagħdu jaraw kollox mill-bogħod; hekk ukoll xi nisa li kienu ġew warajh sa minn meta kien għadu fil-Galilija.#S 38,11; 88,8; Lq 8,2; 23,55.
Id-difna ta’ Ġesù
(Mt 27,57-61; Mk 15,42-47; Ġw 19,38-42)
50U kien hemm wieħed jismu Ġużeppi, membru tal-Kunsill, imma raġel tajjeb u ġust, 51li ma kienx qabel mal-membri l-oħra f’dak li riedu u f’dak li għamlu. Kien minn Arimatija, belt tal-Lhudija, u kien jistenna s-Saltna ta’ Alla.#Lq 2,25-38. 52Dan mar għand Pilatu u talbu l-ġisem ta’ Ġesù; 53niżżlu mis-salib, keffnu f’liżar, u qiegħdu f’qabar maqtugħ fil-blat, li fih kien għadu ma tqiegħed ħadd.#Lq 19,30. 54Dak in-nhar kien Jum it-Tħejjija, u s-Sibt kien għoddu beda. 55In-nisa, li kienu ġew mill-Galilija ma’ Ġesù marru wara Ġużeppi u raw il-qabar u kif kienu qiegħdu l-katavru;#Lq 8,2; 23,49. 56imbagħad reġgħu lura u ħejjew il-fwejjaħ u l-mirra#23,56: Il-fwejjaħ u l-mirra: ara Mk 14,8.. Is-Sibt għaddewh fil-mistrieħ, skont il-preċett tal-Liġi.#Eż 12,16; 20,10; Dt 5,14.
Currently Selected:
LUQA 23: MB20
Highlight
Share
Copy
Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.