LUQA 18
18
Kapitlu 18
Il-parabbola tal-imħallef u l-armla
1Imbagħad qalilhom parabbola biex jurihom li għandhom dejjem jitolbu bla ma jaqtgħu.#Rum 12,12; Kol 4,2; 1 Tess 5,17. 2Qalilhom: “Kien hemm f’belt wieħed imħallef, li la kien jibża’ minn Alla u lanqas iħabbel rasu minn ħadd. 3F’dik il-belt kien hemm waħda armla, u kienet tmur għandu u tgħidlu, ‘Agħmilli ħaqq kontra l-għadu tiegħi.’ 4Hu ma riedx, u dam ħafna hekk; iżda mbagħad bejnu u bejn ruħu qal, ‘Mhux għax nibża’ minn Alla jew għax se nħabbel rasi min-nies, 5imma għallinqas għax din l-armla dejqitni; ħa nagħmlilha ħaqq, biex ma tibqax ġejja u sejra sa ma tifnini.’ ” 6U l-Mulej qal: “Isimgħu ftit x’jgħid l-imħallef il-ħażin. 7Imbagħad Alla, lill-magħżulin tiegħu li jgħajtulu lejl u nhar, sejjer ma jagħmlilhomx ħaqq? Se joqgħod itawwal magħhom? 8Jiena ngħidilkom li malajr jagħmlilhom ħaqq. Imma taħsbu intom li Bin il-bniedem se jsib il-fidi fuq l-art meta jiġi?”
Il-parabbola tal-Fariżew u l-pubblikan
9Kien hemm uħud li kienu jafdaw fihom infushom li huma ġusti u kienu jmaqdru lill-oħrajn. Ġesù qalilhom din il-parabbola: 10“Żewġt irġiel, wieħed Fariżew u l-ieħor pubblikan, telgħu fit-tempju biex jitolbu. 11Il-Fariżew, wieqaf, talab hekk f’qalbu, ‘O Alla, niżżik ħajr li m’iniex bħall-bqija tal-bnedmin, ħalliela, inġusti, żienja, jew ukoll bħal dan il-pubblikan. 12Jiena nsum darbtejn fil-ġimgħa u nħallas l-għexur ta’ kulma ndaħħal.’#Ġen 14,20; Mt 23,23. 13Iżda l-pubblikan, bilwieqfa fil-bogħod anqas biss ried jerfa’ għajnejh lejn is-sema, imma beda jħabbat fuq sidru u jgħid: ‘O Alla, ħenn għalija, għax jien midneb!’#S 51,1; Lq 23,48. 14Ngħidilkom jien li dan, u mhux l-ieħor, niżel id-dar iġġustifikat. Għax kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar.”#Mt 23,12; Lq 14,11.
Ġesù jbierek it-tfal iż-żgħar
(Mt 19,13-15; Mk 10,13-16)
15Ġabulu wkoll quddiemu t-trabi biex iberikhom#18,15: Biex iberikhom: ara nota Mk 10,13.. Imma d-dixxipli, kif raw dan, qabdu jgħajtu magħhom. 16Ġesù sejħilhom u qalilhom: “Ħalluhom lit-tfal iż-żgħar jiġu għandi, u żżommuhomx, għax ta’ min hu bħalhom hija s-Saltna ta’ Alla. 17Tassew ngħidilkom, li min is-Saltna ta’ Alla ma jilqagħhiex bħal tifel ċkejken ma jidħolx fiha.”#Mt 18,3.
Il-kap li kien għani
(Mt 19,16-30; Mk 10,17-31)
18Wieħed kap staqsieh u qallu: “Mgħallem tajjeb, x’għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta’ dejjem?”#Lq 10,25. 19“Għaliex qiegħed issejjaħli ‘tajjeb’?” qallu Ġesù, “Ħadd ma hu tajjeb ħlief Alla waħdu. 20Inti l-kmandamenti tafhom: La tiżnix, la toqtolx, la tisraqx, la tixhidx fil-falz, weġġaħ lil missierek u ’l ommok.”#Eż 12—16; Dt 5,16-20. 21Dak qallu: “Jiena dan kollu ili nħarsu minn żgħożiti.” 22Kif semgħu jgħid hekk, Ġesù qallu: “Ħaġa waħda tonqsok: bigħ kulma għandek, agħtih lill-foqra, u jkollok teżor fis-smewwiet: imbagħad ejja u imxi warajja.”#Sir 29,11; Mt 6,20. 23Iżda dak, meta semgħu jgħid dan, sewwed qalbu ħafna, għax kien tassew għani.
24Ġesù, meta rah li sewwed qalbu, qal: “Kemm hi iebsa għall-għonja li jidħlu fis-Saltna ta’ Alla! 25Għax eħfef li ġemel jgħaddi minn għajn ta’ labra milli wieħed għani jidħol fis-Saltna ta’ Alla!” 26Dawk li semgħuh qalulu: “Mela min jista’ jsalva?” 27Iżda hu weġibhom: “Dak li ma jistax ikun għall-bnedmin, għal Alla jista’ jkun.”#Mk 14,36.
28Qallu Pietru: “Tajjeb! Aħna ħallejna kulma kellna u ġejna warajk.” 29Ġesù qalilhom: “Tassew ngħidilkom, li fost dawk kollha li minħabba s-Saltna ta’ Alla jħallu darhom jew lil marthom jew lil ħuthom jew lill-ġenituri tagħhom jew ’l uliedhom, 30ma hemm ħadd fosthom li f’din id-dinja stess ma jirċevix kollox għal mitt darba iktar, u l-ħajja ta’ dejjem fiż-żmien li ġej.”
It-tielet taħbira tal-mewt u tal-qawmien
(Mt 20,17-19; Mk 10,32-34)
31Ġesù sejjaħ lejh it-Tnax u qalilhom: “Ara, issa aħna telgħin Ġerusalemm, u jseħħ kulma kitbu l-profeti fuq Bin il-bniedem.#Lq 24,25-27.44. 32Għax se jagħtuh f’idejn il-pagani u jiddieħku bih, iżebilħuh u jobżqulu fuqu,#Lq 9,22-44. 33jagħtuh is-swat u joqtluh, u fit-tielet jum iqum mill-imwiet.” 34Iżda minn dan kollu ma fehmu xejn; kien diskors li baqa’ mistur għalihom, u ma fehmu xejn milli qal.#Mk 9,32.
Ġesù jfejjaq l-agħma ta’ Ġeriko
(Mt 20,29-34; Mk 10,46-52)
35Ġara li, huwa u riesaq lejn Ġeriko, kien hemm wieħed agħma bilqiegħda mal-ġenb tat-triq jittallab il-karità. 36Dan sama’ l-kotra tan-nies għaddejja u beda jistaqsi x’ġara. 37U qalulu li kien għaddej Ġesù ta’ Nazaret. 38Hu qabad jgħajjat u jgħid: “Ġesù, Bin David, ikollok ħniena minni!”#Mt 9,27; 15,22; Lq 17,13. 39Dawk li kienu mexjin quddiem bdew iċanfruh u jsikktuh, imma hu aktar issokta jgħajjat: “Bin David, ikollok ħniena minni!” 40Ġesù waqaf u ordna li jressquhulu quddiemu. Meta resaq, staqsieh: 41“Xi tridni nagħmillek?” “Li nara, Mulej,” wieġbu dak.#Mk 10,36. 42U Ġesù qallu: “Ara, iva! Il-fidi tiegħek salvatek.”#Lq 7,50; 17,19. 43U minnufih beda jara, u baqa’ miexi warajh jagħti glorja lil Alla. U l-poplu kollu li ra dan beda jfaħħar lil Alla.
Currently Selected:
LUQA 18: MB20
Highlight
Share
Copy
Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.