LUQA 17
17
Kapitlu 17
Twissijiet ta’ Ġesù
(Mt 18,6-7; Mk 9,42)
1Darba lid-dixxipli tiegħu qalilhom: “Ma jistax ikun li ma jingħatawx skandli; imma ħażin għalih min ikun ħtija tagħhom! 2Ikun aktar jaqbillu jekk jorbtulu ma’ għonqu ġebla tat-tħin u jitfgħuh il-baħar milli jagħti skandlu lil wieħed minn dawn iċ-ċkejknin. 3Oqogħdu attenti! “Jekk ħuk jaqa’ f’xi dnub, widdbu, u jekk jindem aħfirlu.#Mt 18,15. 4U jekk jonqsok seba’ darbiet f’ġurnata, u jdur lejk seba’ darbiet u jgħidlek, ‘Jisgħobbija,’ aħfirlu.”
5L-appostli qalu lill-Mulej: “Kattar fina l-fidi.”#Mk 9,24. 6Weġibhom il-Mulej: “Kieku kellkom fidi mqar daqs żerriegħa tal-mustarda, kontu tgħidu lil din is-siġra tat-tut, ‘Inqala’ u mur tħawwel fil-baħar,’ u hi kienet tisma’ minnkom.#Mt 17,20; 21,21.
7“Wieħed minnkom ikollu qaddej qiegħed jaħrat jew jirgħa; meta jidħol mill-għalqa x’se jgħidlu? ‘Ejja, isa, u oqgħod għall-ikel’? 8jew, ‘Lestili x’niekol, ilbes il-fardal u newwilli sa ma niekol u nixrob jien, u mbagħad tiekol u tixrob int’? 9Jaqaw se jroddlu ħajr lill-qaddej talli jkun għamel li ordnalu? 10Hekk ukoll intom, meta tagħmlu kulma tkunu ordnati, għidu, ‘Aħna qaddejja li ma niswew għal xejn; għamilna biss dak li kellna nagħmlu.’ ”
Ġesù jfejjaq għaxar lebbrużi
11Ġara li, huwa u sejjer lejn Ġerusalemm, Ġesù għadda minn bejn is-Samarija u l-Galilija. 12Kif kien dieħel f’raħal, iltaqgħu miegħu għaxart irġiel morda bil-lebbra. Waqfu ’l bogħod minnu,#Lev 13,46. 13għollew leħinhom u qalulu: “Ġesù, Mgħallem, ikollok ħniena minna!”#Mt 9,27; 14,22; Lq 18,38. 14Kif rahom, qalilhom: “Morru uru rwieħkom lill-qassisin.” U ġara li, huma u sejrin, fiequ mill-marda tagħhom.#Lev 14,2-3; Lq 5,14. 15Wieħed minnhom, kif ra ruħu mfejjaq, raġa’ lura jgħajjat u jfaħħar lil Alla, 16inxteħet wiċċu fl-art f’riġlejn Ġesù u raddlu ħajr. Issa dan kien Samaritan. 17U Ġesù qabad u qal: “Mhux l-għaxra fiequ mil-lebbra? Fejn huma d-disgħa l-oħra? 18Ma kien hemm ħadd minnhom li raġa’ lura biex jagħti glorja lil Alla ħlief dan il-barrani!” 19Imbagħad qallu: “Qum, mur; il-fidi tiegħek salvatek.”#Lq 7,50; 18,42.
Il-miġja tas-Saltna ta’ Alla
(Mt 24,23-28.37-41)
20Il-Fariżej staqsewh meta kienet se tiġi s-Saltna ta’ Alla, u hu weġibhom: “Is-Saltna ta’ Alla ma tiġix b’sinjali li jidhru;#Ġw 3,3; 18,36. 21lanqas ħadd ma hu se jgħid, ‘Arawha, hawn,’ jew, ‘Hemm’, għax araw, is-Saltna ta’ Alla fostkom qiegħda.” 22Lid-dixxipli tiegħu qalilhom: “Għad jiġi żmien meta tkunu tixtiequ taraw jum wieħed minn żmien Bin il-bniedem u ma tarawhx. 23U jgħidulkom, ‘Arawh, hawn hu,’ jew, ‘Arawh, hemm hu!’ Tmorrux, tiġrux warajhom.#Mk 13,21; Lq 21,8. 24Għax bħalma berqa tleħħ u tiddi minn tarf għal ieħor tas-sema, hekk jidher Bin il-bniedem nhar il-Jum tiegħu. 25Iżda qabel xejn hu għandu jbati ħafna minn dan in-nisel u jkun miċħud minnu.#Mt 16,21; 17,22-23; 20,18-19; Mk 8,31; 9,31; 10,33-34; Lq 9,22; 18,32-33.
26“U bħalma ġara fi żmien Noè, hekk ukoll jiġri fi żmien Bin il-bniedem.#Ġen 6,5-12. 27Kienu jieklu, jixorbu, jiżżewġu u jżewġu, sa dakinhar li Noè daħal fl-arka; imbagħad ġie d-dilluvju u qeridhom ilkoll.#Ġen 7,6-23. 28L-istess bħalma ġara fi żmien Lot; kienu jieklu, jixorbu, jixtru, ibigħu, iħawlu, jibnu,#Ġen 18,20-21; 19,1-14. 29imma dak in-nhar li Lot ħareġ minn Sodoma, Alla bagħat xita ta’ nar u kubrit mis-sema u qeridhom ilkoll.#Ġen 19,15-29. 30Hekk ikun il-Jum li fih jidher Bin il-bniedem. 31F’dak il-Jum, min ikun fuq il-bejt u jkollu ħwejġu ġewwa fid-dar, iqis li ma jinżilx jeħodhom; hekk ukoll min ikun fir-raba’, iqis li ma jerġax lura.#Mt 24,17-18; Mk 13,15-16. #Ġen 19,17-26. 32Ftakru fil-mara ta’ Lot!
33“Min ifittex isalva ħajtu, jitlifha; iżda min jitlifha, isalvaha.#Mt 10,39; 16,25; Mk 8,35; Lq 9,24; Ġw 12,25. 34Ngħidilkom li, f’dak il-lejl, tnejn ikunu f’sodda waħda: wieħed minnhom jittieħed u l-ieħor jitħalla; 35żewġ nisa jkunu jitħnu#17,35: Żewġ nisa jkunu jitħnu: Xi wħud mill-manuskritti jżidu il-v.36: Tnejn ikunu fl-għalqa; wieħed jittieħed u l-ieħor jitħalla; ara Mt 24,40. flimkien; waħda minnhom tittieħed u l-oħra titħalla.” 37Qalulu: “Fejn, Mulej?” U hu weġibhom: “Fejn ikun hemm il-ġisem mejjet, hemm l-isqra jinġabru.”#Ġob 39,30.
Currently Selected:
LUQA 17: MB20
Highlight
Share
Copy
Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.