YouVersion Logo
Search Icon

LUQA 16

16
Kapitlu 16
L-amministratur moħħu jilħaqlu
1Qal ukoll lid-dixxipli tiegħu: “Kien hemm raġel għani li kellu amministratur, u lil dan xlewh lil sidu li kien qiegħed iberbaqlu ġidu. 2Għalhekk is-sid sejjaħlu u qallu, ‘Dan x’inhu li qiegħed nisma’ fuqek? Agħtini kont tal-amministrazzjoni tiegħek, għax ma tistax tibqa’ iżjed amministratur tiegħi.’ 3L-amministratur bejnu u bejn ruħu qal, ‘Issa x’sejjer nagħmel, ladarba sidi se jneħħini mill-amministrazzjoni? Immur nagħżaq? Ma niflaħx. Nittallab? Nistħi. 4Naf x’nagħmel, ħalli meta nitwarrab minn fuq din l-amministrazzjoni, insib lil ħaddieħor li jilqagħni għandu.’ 5U wieħed wieħed bagħat għal dawk li kellhom jagħtu lil sidu. ‘Kemm għandek tagħtih lil sidi?’ staqsa lill-ewwel wieħed. 6‘Mitt barmil żejt,’ wieġbu dak. ‘Oħroġ il-karti tiegħek,’ qallu l-amministratur, ‘oqgħod bilqiegħda malajr u ikteb ħamsin.’ 7Lil ieħor staqsieh, ‘U int, kemm għandek tagħti?’ ‘Mitt xkora qamħ,’ wieġbu. Qallu, ‘Oħroġ il-karti tiegħek u ikteb tmenin.’ 8U s-sid faħħru lil dak l-amministratur ħażin talli ħadem b’rasu. Għax ulied din id-dinja jimxu bil-għaqal aktar minn ulied id-dawl ma’ min hu tal-qatgħa tagħhom.#Ef 5,8; 1 Tess 5,5. 9U jiena ngħidilkom, agħmlu għalikom infuskom ħbieb ta’ qligħ il-ħżunija, ħalli meta jonqoskom, jilqgħukom fl-għerejjex ta’ dejjem. 10Min hu fidil f’ħaġa tassew żgħira, hu fidil ukoll fil-ħafna; min hu diżonest f’ħaġa tassew żgħira, hu diżonest ukoll fil-ħafna.#Mt 25,20-30; Lq 19,17-26. 11Jekk mela ma wrejtux ruħkom fidili fil-qligħ il-ħażin, min se jafdalkom il-ġid veru? 12U jekk ma wrejtux ruħkom fidili f’dak li hu ta’ ħaddieħor, min se jagħtikom dak li hu tagħkom? 13Ebda qaddej ma jista’ jaqdi żewġ sidien, għax jew ikun jobgħod lil wieħed minnhom u jħobb lill-ieħor, jew jintrabat ma’ wieħed u jistmell lill-ieħor. Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus.”#Mt 6,24; Mt 23,28; Lq 18,9-14.
Tagħlim fuq is-Saltna ta’Alla
(Mt 11,12-13)
14Il-Fariżej, li kellhom ir-regħba għall-flus, meta semgħuh jgħid dan kollu qabdu jiddieħku bih. 15Iżda hu qalilhom: “Intom dawk li tagħmluha ta’ nies sewwa f’għajnejn il-bnedmin. Imma Alla qalbkom jafha. Għax dak li f’għajnejn il-bnedmin hu kbir, quddiem Alla hu mistkerrah. 16Sa żmien Ġwanni kien hawn il-Liġi u l-Profeti; minn żmien Ġwanni ’l hawn qiegħda tixxandar is-Saltna ta’ Alla, u kulħadd qiegħed jitħabat bis-sħiħ għaliha.#Mt 11,12-13. 17Hu aktar ħafif li jgħaddu s-sema u l-art milli taqa’ tikka waħda mil-Liġi.#Mt 5,18.
18“Kull min jibgħat lil martu u jiżżewweġ oħra jagħmel adulterju, u min jiżżewweġ waħda mibgħuta minn żewġha jagħmel adulterju.”#Mt 5,32; Mk 10,11-12; 1 Kor 7,10-11.
Il-parabbola tal-għani u Lazzru
19“Mela kien hemm raġel għani, jilbes il-porpra u għażel mill-ifjen; l-hena tiegħu kien li kuljum jagħmel ikla mill-aħjar. 20U wieħed fqir jismu Lazzru, li kellu ġismu ġerħa waħda, kien imur jinxteħet ħdejn il-bieb ta’ daru, 21bix-xewqa li jixba’ b’dak li jaqa’ mill-mejda tal-għani. Sa l-klieb kienu jmorru jilagħqu l-ġrieħi tiegħu.#Mt 15,27; Mk 7,28; Lq 15,16. 22Ġara li l-fqir miet, u l-anġli ħaduh fi ħdan Abraham. Imbagħad miet ukoll l-għani, u difnuh. 23Dan, kif sab ruħu fi tbatijiet ħorox f’Art l-Imwiet, rafa’ ħarstu, u mill-bogħod lemaħ lil Abraham, b’Lazzru fi ħdanu. 24U għolla leħnu u qallu, ‘Missier Abraham, ikollok ħniena minni u ibgħat lil Lazzru jbill tarf sebgħu fl-ilma ħa jtaffili n-nixfa li għandi fi lsieni, għax qiegħed ninħaqar wisq f’ dan in-nar.’ 25‘Ibni,’ qallu Abraham, ‘ftakar li t-tajjeb tiegħek irċevejtu f’ħajtek; hekk ukoll Lazzru, il-ħażin irċevieh f’ħajtu. Imma issa hu hawnhekk qiegħed jitfarraġ, waqt li inti qiegħed tbati. 26Barra minn dan, hemm vojt bla qjies bejnkom u bejnna, biex min ikun irid jaqsam minn hawn għal għandkom ma jkunx jista’, u anqas ma jgħaddu minn hemm għal għandna.’ 27Qallu l-għani, ‘Mela nitolbok, missier, ibagħtu f’dar missieri, 28għax għandi ħames aħwa, ħalli jagħmlilhom twissija kif imiss, li ma jmorrux huma wkoll jiġu f’dan il-post ta’ tbatijiet ħorox!’ 29Qallu Abraham, ‘Għandhom lil Mosè u l-Profeti#16,29: Lil Mosè u l-Profeti: espressjoni biex tfisser it-Testment il-Qadim kollu; ara Atti 26,22; 28,23.; jisimgħu lilhom.’ 30‘Le, missier Abraham,’ qallu dak, ‘imma jekk imur għandhom xi ħadd mill-imwiet, jindmu.’ 31Iżda wieġbu Abraham, ‘Jekk ma jisimgħux lil Mosè u l-Profeti, anqas jekk iqum xi ħadd mill-imwiet ma jemmnu.’ ”#Ġw 5,44-47.

Currently Selected:

LUQA 16: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in