YouVersion Logo
Search Icon

LUQA 4

4
Kapitlu 4
It-tiġrib ta’ Ġesù fid-deżert
(Mt 4,1-11; Mk 1,12-13)
1Ġesù, mimli bl-Ispirtu s-Santu, raġa’ lura mill-Ġordan u l-Ispirtu ħadu fid-deżert. 2Hemm għal erbgħin jum Ġesù kien imġarrab mix-Xitan. Matul dawk il-jiem ma kiel xejn; u mbagħad, meta għaddew dawk il-jiem, ħadu l-ġuħ.#Lhud 4,15. 3U x-Xitan qallu: “Jekk inti Bin Alla, għid lil din il-ġebla ssir ħobż.” 4Wieġbu Ġesù: “Hemm miktub li ‘l-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix.’ ”#Dt 8,3. 5Imbagħad ix-Xitan ħadu fl-għoli u wrieh is-saltniet tad-dinja kollha f’daqqa. 6Qallu x-Xitan: “Nagħtik is-setgħa fuq dawn kollha, bil-glorja tagħhom ukoll għax hija ngħatat lili, u jiena nagħtiha lil min irrid.#Mt 28,18. 7Jekk tinxteħet quddiemi tagħtini qima, kollha tiegħek tkun.” 8Ġesù wieġbu u qallu: “Hemm miktub,
‘Lill-Mulej Alla tiegħek tagħti qima,
u lilu biss taqdi.’ ” # Dt 6,13-14.
9Imbagħad ix-Xitan ħadu Ġerusalemm, qiegħdu fuq il-quċċata tat-tempju, u qallu: “Jekk inti Bin Alla, inxteħet minn hawn għal isfel. 10Għax hemm miktub li
‘Lill-anġli tiegħu jordnalhom
biex jieħdu ħsiebek sewwa,’ # S 91,11.
11u li
‘fuq idejhom jerfgħuk,
ħalli ma taħbatx riġlek ma’ xi ġebla.’ ” # S 91,12.
12Wieġeb Ġesù u qallu: “Jingħad, ‘Iġġarrabx lill-Mulej Alla tiegħek.’ ”#Dt 6,16; 1 Kor 10,9. 13Imbagħad ix-Xitan meta temm dan it-tiġrib kollu, telaq minn ħdejh sa ma wasal il-waqt#4,13: Sa ma wasal il-waqt: jew għal xi żmien..#Lhud 4,15.
Il-bidu tal-ministeru ta’ Ġesù fil-Galilija
(Mt 4,12-17; Mk 1,14-15)
14Ġesù, bil-qawwa tal-Ispirtu, reġa’ mar il-Galilija; u l-fama tiegħu xterdet ma’ dawk l-inħawi kollha, 15għax hu kien jgħallem fis-sinagogi tagħhom fost it-tifħir ta’ kulħadd.
In-nies ta’ Nazaret ma jilqgħux lil Ġesù
(Mt 13,53-58; Mk 6,1-6)
16U ġie Nazaret fejn kien trabba. Daħal fis-sinagoga tagħhom, kif kien imdorri jagħmel nhar ta’ Sibt, u qam biex jaqra. 17Tawh f’idejh il-ktieb ta’ Isaija l-profeta, fetħu u sab fejn kien hemm miktub dan li ġej:
18 ‘L-Ispirtu tal-Mulej fuqi,
għax hu kkonsagrani.
Bagħatni nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin,
inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin,
u d-dawl mill-ġdid lill-għomja,
irrodd il-ħelsien lill-maħqurin # Is 58,6; 61,1-2.
19 u nxandar sena tal-grazzja tal-Mulej.’
20Imbagħad raġa’ għalaq il-ktieb, tah lura lill-qaddej u qagħad bilqiegħda. Għajnejn kulħadd fis-sinagoga kienu msammra fuqu. 21U beda jgħidilhom: “Din il-kitba seħħet illum, intom u tisimgħu.” 22U lkoll laqgħu kliemu u stagħġbu għall-kliem mimli ħlewwa li kien ħiereġ minn fommu u bdew jgħidu: “Dan m’huwiex bin Ġużeppi?”#Lq 3,23; Ġw 6,42. 23Iżda hu qalilhom: “Żgur li se tgħidu għalija dan il-proverbju, ‘Tabib, fejjaq lilek innifsek; dak kollu li smajna li ġara f’Kafarnahum agħmlu hawn f’pajjiżek ukoll.”#Mt 4,13; Ġw 2,12. 24U żied jgħidilhom: “Tassew, ngħidilkom, ebda profeta ma jilqgħuh tajjeb f’pajjiżu.#Ġw 4,44. 25Għax, ngħidilkom is-sewwa, kien hemm bosta romol f’Iżrael fi żmien Elija meta s-sema baqa’ tliet snin u sitt xhur magħluq u waqa’ ġuħ kbir fil-pajjiż kollu;#1 Slat 17,1-7; 18,1; Ġak 5,7. 26madankollu għand ħadd minnhom ma ntbagħat Elija, imma għand waħda armla minn Sarefta ta’ Sidon.#1 Slat 17,9. 27U kien hemm bosta lebbrużi f’Iżrael fi żmien il-profeta Eliżew, imma ħadd minnhom ma ġie mfejjaq ħlief Nagħman tas-Sirja.”#2 Slat 5,1-4. 28Meta semgħu dan fis-sinagoga kulħadd imtela bil-korla; 29qamu, u ħarġuh ’il barra mill-belt, ħaduh fuq xifer ta’ rdum tal-għolja li fuqha kienet mibnija l-belt tagħhom, u riedu jixħtuh minn hemm fuq għal isfel. 30Iżda hu għadda minn ġo nofshom u baqa’ sejjer.
Ir-raġel bi spirtu ħażin
(Mk 1,21-28)
31Niżel Kafarnahum, belt tal-Galilija, u f’jum is-Sibt qagħad jgħallem lin-nies,#Mt 4,13. 32li baqgħu mistagħġba bil-mod tat-tagħlim tiegħu, għax id-diskors tiegħu kien ta’ wieħed li għandu s-setgħa.#Mt 7,28-29; Ġw 7,46.
33U kien hemm raġel fis-sinagoga li kellu fih spirtu ta’ xitan imniġġes, u qabad jgħajjat b’leħen għoli:#Mt 8,29; Mk 1,23-24; 5,7; Lq 8,28. 34“Ah! x’għandna x’naqsmu, Ġesù ta’ Nazaret? Ġejt biex teqridna? Jiena naf min int: il-Qaddis ta’ Alla!”#Lq 4,41; Ġw 6,69. 35Imma Ġesù widdbu bis-sħiħ u qallu: “Iskot, u oħroġ minnu!” Imbagħad l-ispirtu xeħtu fin-nofs u ħareġ minnu bla ma għamillu ħsara. 36U kulħadd stagħġeb, u bdew jistaqsu wieħed lil ieħor u jgħidu: “Dan xi kliem hu? Għax hu jordna b’setgħa u qawwa lill-ispirti mniġġsa u huma joħorġu!” 37U l-fama tiegħu xterdet ma’ kullimkien f’dawk l-inħawi kollha.
Ġesù jfejjaq ħafna nies
(Mt 8,14-17; Mk 1,29-34)
38Ġesù qam u telaq mis-sinagoga, u daħal għand Xmun. Issa omm il-mara ta’ Xmun kellha fuqha deni qawwi, u talbuh jgħinha. 39Resaq fuqha, ordna lid-deni, u d-deni ħallieha. U minnufih qamet u bdiet isservihom. 40Hija u nieżla x-xemx, dawk kollha li kellhom il-morda, kien x’kien il-mard tagħhom, ħaduhomlu quddiemu. Hu qiegħed idejh fuq kull wieħed minnhom u fejjaqhom. 41Minn ħafna nies bdew joħorġu wkoll ix-xjaten, jgħajtu u jgħidu: “Inti Bin Alla!” Iżda hu kien jheddidhom u ma ħallihomx jitkellmu, għax huma kienu jafu li hu l-Messija.#Mt 8,29; Mk 3,11-12; Lq 4,34.
Ġesù jdur il-Lhudija u jippriedka
(Mk 1,35-39)
42Meta sebaħ, ħareġ u mar f’post imwarrab. In-nies bdew ifittxuh u marru ħdejh u riedu jżommuh biex ma jitlaqx minn ħdejhom. 43Iżda hu qalilhom: “Jeħtieġli nxandar l-Evanġelju tas-Saltna ta’ Alla lill-ibliet l-oħra wkoll, għax għalhekk kont mibgħut.”#Lq 8,1. 44U kien jippriedka fis-sinagogi tal-Lhudija.#Mt 4,23.

Currently Selected:

LUQA 4: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in