LUQA 5
5
Kapitlu 5
Ġesù jsejjaħ l-ewwel dixxipli
(Mt 4,18-22; Mk 1,16-20)
1Darba l-kotra bdiet tross fuqu biex tisma’ l-kelma ta’ Alla. Hu kien qiegħed f’xatt l-għadira ta’ Ġennesaret.#Mt 13,1-2; Mk 3,9-10; 4,1. 2U ra żewġ dgħajjes qegħdin max-xatt; is-sajjieda kienu niżlu minn fuqhom u kienu qegħdin jaħslu x-xbiek. 3Tela’ fuq waħda minnhom, li kienet ta’ Xmun, u talbu jaqla’ kemmxejn ’il barra mill-art; imbagħad qagħad bilqiegħda u beda jgħallem lin-nies mid-dgħajsa. 4Meta temm li kellu jgħid, qal lil Xmun: “Aqdef ’il barra fil-fond, u kalaw ix-xbiek tagħkom għas-sajd.”#Ġw 21,3-8. 5Wieġbu Xmun u qallu: “Mgħallem, għamilna lejl sħiħ nitħabtu u ma qbadna xejn. Imma, la qiegħed tgħid int, ħa nkala x-xbiek.” 6Hekk għamlu, u qabdu kotra hekk kbira ta’ ħut li x-xbiek tagħhom kien għoddu nqasam. 7Għalhekk għamlu sinjal lil sħabhom li kienu fid-dgħajsa l-oħra biex jiġu jgħinuhom. Dawk ġew, u mlew iż-żewġ dgħajjes hekk li għal ftit ma għerqux.
8Xmun Pietru, kif ra dan, inxteħet f’riġlejn Ġesù u qallu: “Tbiegħed minni, Mulej, għaliex jiena raġel midneb!” 9Għax baqgħu tassew mistagħġba, kemm hu u kemm dawk kollha li kienu miegħu, għal dik il-qabda ħut li qabdu. 10U hekk ukoll ġralhom Ġakbu u Ġwanni, ulied Żebedew, li kienu sħab Xmun. Imbagħad Ġesù qal lil Xmun: “Tibżax; minn issa ’l quddiem tkun taqbad in-nies.” 11Meta mbagħad ressqu d-dgħajjes mal-art, telqu kollox u marru warajh.#Mt 19,27.
Ġesù jfejjaq wieħed lebbruż
(Mt 8,1-4; Mk 1,40-45)
12Darba kien qiegħed f’belt#5,12: Kien qiegħed f’belt: ara 4,43.. U jkun hemm raġel marid sewwa bil-lebbra; kif ra lil Ġesù, mar u nxteħet wiċċu fl-art quddiemu jitolbu u jgħidlu: “Mulej, jekk trid, tista’ tfejjaqni.” 13Ġesù medd idu fuqu, messu u qallu: “Iva, irrid; kun imfejjaq,” u minnufih il-lebbra marritlu. 14Ġesù widdbu u qallu: “Qis li ma tgħid xejn lil ħadd. Iżda mur uri ruħek lill-qassis, u agħmel offerta għall-fejqan tiegħek, kif ordna Mosè, biex hekk tagħtihom xhieda li inti fiqt.”#Lev 14,2-32; Mk 7,36; Lq 8,56. 15Il-fama tiegħu bdiet aktar tixtered, u folol kbar ta’ nies kienu jmorru biex jisimgħuh u jfejjaqhom mill-mard tagħhom. 16Iżda hu kien ifittex xi mkien imwarrab u jinġabar fit-talb.
Ġesù jfejjaq wieħed mifluġ
(Mt 9,1-8; Mk 2,1-12)
17Jum fost l-oħrajn Ġesù kien qiegħed jgħallem. Kien hemm bilqiegħda madwaru xi Fariżej u għorrief tal-Liġi li kienu ġew mill-irħula kollha tal-Galilija u l-Lhudija u minn Ġerusalemm. Il-qawwa tal-Mulej#5,17: Il-Mulej: fl-ewwel ħames kapitli ta’ Luqa dan it-titlu hu applikat għal Alla. kienet fih biex ifejjaq. 18U ġew xi rġiel iġorru wieħed mifluġ fuq mitraħ; huma bdew ifittxu li jdaħħluh ġewwa u jqegħduhulu quddiemu, 19iżda minħabba l-folla ma sabux minn fejn setgħu jidħlu bih. Għalhekk telgħu fuq il-bejt, u niżżluh bil-mitraħ b’kollox minn bejn ix-xorok f’nofs in-nies quddiem Ġesù. 20Meta hu ra l-fidi tagħhom, qallu: “Ħabib, dnubietek maħfura.”#Lq 7,48. 21Il-kittieba u l-Fariżej qabdu jaħsbu u jgħidu bejnhom u bejn ruħhom: “Dan min hu biex jitkellem hekk? Din dagħwa! Għax min jista’ jaħfirhom id-dnubiet ħlief Alla waħdu?”#Is 43,25; Lq 7,49. 22Imma Ġesù għaraf ħsibijiethom, u qalilhom: “Għaliex qegħdin taħsbu hekk f’qalbkom?#Mt 16,8; 9,17. 23X’inhu l-eħfef, tgħid ‘Dnubietek maħfura’ jew tgħid ‘Qum u imxi’? 24Mela biex tkunu tafu li Bin il-bniedem għandu s-setgħa jaħfer id-dnubiet fuq l-art” - qal lill-mifluġ: “Qum, qiegħed ngħidlek, aqbad friexek u mur lejn darek.”#Ġw 5,8. 25U dak minnufih qam quddiemhom, qabad il-friex li fuqu kien mixħut, u telaq lejn id-dar ifaħħar lil Alla. 26U lkoll baqgħu mistagħġba u bdew ifaħħru lil Alla; u mtlew bil-biża’ u bdew jgħidu: “Rajna ħwejjeġ tal-għaġeb illum!”
Is-sejħa ta’ Levi
(Mt 9,9-13; Mk 2,13-17)
27Wara dan, ħareġ u lemaħ wieħed pubblikan, jismu Levi, bilqiegħda quddiem il-mejda tat-taxxi, u qallu: “Ejja warajja.” 28Dak telaq kollox, qam u mar warajh. 29Imbagħad Levi għamillu laqgħa kbira f’daru stess, u kien hemm magħhom fuq il-mejda kotra kbira ta’ pubblikani u nies oħra.#Lq 15,1-2. 30Il-Fariżej u l-kittieba sħabhom bdew igemgmu mad-dixxipli tiegħu, u qalulhom: “Dan l-għala tieklu u tixorbu mal-pubblikani u l-midinbin?” 31U Ġesù weġibhom: “Mhux dawk li huma f’saħħithom għandhom bżonn it-tabib, iżda l-morda. 32Jien mhux lill-ġusti ġejt insejjaħ, iżda lill-midinbin għall-indiema.”
Mistoqsija fuq is-sawm
(Mt 9,14-17; Mk 2,18-22)
33Iżda huma qalulu: “Id-dixxipli ta’ Ġwanni sikwit isumu u joqogħdu jitolbu, u dawk tal-Fariżej ukoll, imma tiegħek jieklu u jixorbu!” 34U Ġesù qalilhom: “Jaqaw tistgħu ġġagħlu lill-ħbieb tal-għarus isumu sakemm l-għarus ikun għadu magħhom?#Ġw 3,29. 35Imma għad jasal iż-żmien meta l-għarus jeħduhulhom minn magħhom, u mbagħad isumu dakinhar.” 36Qalilhom ukoll parabbola: “Ħadd ma jaqta’ biċċa drapp minn libsa ġdida biex biha jraqqa’ waħda qadima, għax inkella mhux biss ikun qatta’ l-ġdida, imma anqas il-biċċa meħuda mill-ġdida ma tkun taqbel mal-qadima. 37Anqas ma jqiegħdu l-inbid il-ġdid f’damiġġani qodma tal-ġild, għax inkella l-inbid il-ġdid jifqa’ d-damiġġani, u jixtered hu u jintilfu d-damiġġani. 38Iżda nbid ġdid iqegħduh f’damiġġani ġodda. 39U ħadd ma jkun irid mill-inbid ġdid wara li jkun xorob mill-qadim, għax jgħidlek, ‘Il-qadim tajjeb!’ ”
Currently Selected:
LUQA 5: MB20
Highlight
Share
Copy
Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.