YouVersion Logo
Search Icon

2 KORINTIN 12

12
Kapitlu 12
Viżjonijiet u rivelazzjonijiet
1Ikolli niftaħar. Tassew li xejn mhu se jiswieli, imma niġu għall-viżjonijiet u r-rivelazzjonijiet tal-Mulej. 2Naf wieħed, jemmen fi Kristu, li erbatax-il sena ilu#12,2: Erbatax-il sena ilu: jiġifieri madwar is-sena 42 WK meta Pawlu kien iċ-Ċiliċja jew Antjokja, qabel l-ewwel vjaġġ missjunarju. kien meħud sat-tielet sema#12,2: Sat-tielet sema: il-ġenna skont l-ideat tal-Lhud ta’ dik il-ħabta. - jekk hux bil-ġisem jew mingħajr il-ġisem jien ma nafx, dan Alla jafu. 3U naf li dan il-bniedem kien meħud fil-ġenna#12,3: Dan il-bniedem kien meħud fil-ġenna: espressjoni tradizzjonali biex tfisser l-estasi tal-profeti. - jekk hux fil-ġisem jew mingħajr il-ġisem jien ma nafx, dan Alla jafu - 4u sama’ jingħadu ħwejjeġ li ma jitfissrux bil-kliem u li ebda bniedem ma jista’ jgħidhom. 5B’dan niftaħar jien, imma bija nnifsi ma niftaħarx ħlief b’dak li hu dgħajjef fija.#2 Kor 11,30. 6Għax kieku rrid niftaħar, ma nkunx qed nitbellah, għax inkun qed ngħid is-sewwa. Imma nżomm ruħi lura, biex ma jkunx hemm min jaħseb li jien xi ħaġa aktar minn dak li jilmaħ fija jew minn dak li jismagħni ngħid.#2 Kor 10,8; 11,16. 7U li ma mmurx nintefaħ bija nnifsi minħabba fil-kobor tar-rivelazzjonijiet, tqegħditli xewka f’ġismi#12,7: Xewka f’ġismi: x’aktarx marda li għaliha kien suġġett l-Appostlu; x’kienet ma nafux; ara Gal 4,13-15., messaġġiera tax-Xitan, biex toqgħod tniggiżni ħalli ma nintefaħx.#Ġob 2,6. 8Fuq hekk tliet darbiet tlabt il-Mulej biex hi titbiegħed minni. 9Iżda hu weġibni: “Biżżejjed għalik il-grazzja tiegħi; għax il-qawwa tiegħi tidher fl-aqwa tagħha fejn hemm id-dgħajjef.” Għalhekk niftaħar minn qalbi l-aktar bid-debbulizzi tiegħi biex il-qawwa ta’ Kristu tgħammar fija. 10Mela bil-qalb kollha nitgħaxxaq bid-debbulizzi tiegħi, bit-tagħjir, bl-għaks, bil-persekuzzjonijiet, bid-dwejjaq minħabba Kristu; għax meta nkun dgħajjef, inkun qawwi.#Fil 4,11-13.
Pawlu jaħseb fil-Korintin
11Tbellaht! Imma intom ġegħeltuni. Intom kien imisskom faħħartuni! F’xejn ma jien inqas minn dawn l-appostli l-kbar, għalkemm ma jien xejn.#2 Kor 11,5. 12Is-sinjali tal-appostlu jien għamilthom f’nofskom bis-sabar kollu, b’sinjali u għeġubijiet u għemejjel ta’ qawwa.#Rum 15,19. 13Fiex intom inqas mill-knejjes l-oħra, ħlief li jien qatt ma kont piż għalikom! Aħfruli din il-ħtija.#2 Kor 11,9.
14Araw, jien lest biex niġi għat-tielet darba għandkom u ma nkunx ta’ piż għalikom; m’iniex infittex ħwejjiġkom, iżda lilkom; għax mhux sewwa li l-ulied ifaddlu għall-ġenituri, iżda l-ġenituri jfaddlu għal uliedhom.#2 Kor 13,1. 15Jiena bil-qalb kollha nonfoq u nintefaq għall-ġid ta’ rwieħkom. Tħobbuni inqas għax jien inħobbkom daqshekk?#Fil 2,17. 16Hu x’inhu, jien ma kontx ta’ piż għalikom. Imma billi jien għaqli, ħtaftkom bil-qerq. Ta’ ħażin li kont qarraqt bikom. 17Jaqaw fittixt li naqla’ xi ħaġa minn fuqkom b’xi ħadd minn dawk li bgħatt għandkom? 18Jien tlabt lil Titu u bgħatt miegħu wieħed mill-aħwa. Jaqaw Titu qala’ xi ħaġa mingħandkom? Jaqaw ma ġibniex ruħna t-tnejn bl-istess spirtu? Ma mxejniex fl-istess triq?#2 Kor 8,6-18.
19Intom minn żmien ilu kontu taħsbu li jien qiegħed niddefendi ruħi quddiemkom. Quddiem Alla fi Kristu qegħdin nitkellmu, u dan nagħmlu, għeżież tiegħi, għall-edifikazzjoni tagħkom. 20Nibża’ li meta nerġa’ niġi għandkom, ma nsibkomx kif nixtieq, u intom issibu lili mhux kif tixtiequ; nibża’ li nsib ġlied, għira, korla, partiti, tqassis, qlajja’, tagħjir, u taħwid.#2 Kor 2,1-4. 21Nibża’ li meta nerġa’ niġi għandkom, Alla tiegħi jċekkinni minħabba fikom, u nibki minħabba ħafna minnkom li dinbu u ma kkonvertewx mill-faħx u ż-żina u t-tbahrid li għamlu.#2 Kor 13,2.

Currently Selected:

2 KORINTIN 12: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in