YouVersion Logo
Search Icon

1 SAMWEL 19

19
Kapitlu 19
Ġonatan jaqbeż għal David
1U Sawl qal lil Ġonatan, ibnu, u ’l-qaddejja tiegħu biex joqtlu lil David; imma Ġonatan bin Sawl kellu qalbu marbuta ma’ David.#1 Sam 20.#1 Sam 18,1. 2Ġonatan għarraf lil David u qallu: “Sawl missieri qiegħed ifittex li joqtlok. Issa, mela, qis li tgħasses minn għada filgħodu, u sib xi moħba, u żomm ruħek moħbi. 3Jien mbagħad noħroġ u noqgħod ħdejn missieri fir-raba’ fejn tkun int; jien inkellem lil missieri fuqek, u jekk nara xi ħaġa ngħarrfek.” 4U Ġonatan tkellem tajjeb ma’ Sawl missieru fuq David: “Ma għandux għalfejn is-sultan jagħmel dan lill-qaddej tiegħu David! Għax ma għamillek ebda tort, anzi għamillek ħafna ġid. 5Hu lagħab ħajtu f’idejh u qatel il-Filisti u l-Mulej ta rebħa kbira lil Iżrael kollu. Int rajt dan kollu u fraħt. Għaliex trid tkun ħati ta’ demm innoċenti, u toqtol lil David għal xejn b’xejn?”#Dt 19,10. 6Sawl sama’ minn kliem Ġonatan, u ħalef u qal: “Daqs kemm hu ħaj il-Mulej, ma jmutx żgur.” 7Ġonatan sejjaħ lil David u għarrfu b’dan kollu: imbagħad ressqu quddiem Sawl, u baqa’ miegħu bħal qabel.
Mikal issalva lil David
8U reġgħet qamet il-gwerra; u David ħareġ jitqabad mal-Filistin, u għamel ħerba sħiħa minnhom, u ħarbu minn quddiemu.
9U l-Mulej bagħat spirtu ħażin fuq Sawl, hu u kien bilqiegħda b’lanza f’idu, u David kien qiegħed idoqq l-arpa b’idu.#1 Sam 16,14; 18,10-11. 10U Sawl ipprova jolqot lil David bil-lanza u jsammru mal-ħajt; imma David żgiċċa minn Sawl, u l-lanza baqgħet imwaħħla mal-ħajt; u David ħarab u ħeles.
11Dak il-lejl Sawl bagħat l-għases jgħassulu biex joqtluh mas-sebħ. U Mikal, martu, għarrfet lil David u qaltlu: “Jekk il-lejla ma taħsibx għal rasek, għada filgħodu tkun mejjet.” 12Imbagħad Mikal niżżlet lil David mit-tieqa, u dan qabad u telaq, u ħeles.#Ġoż 2,15; Atti 9,25; 2 Kor 11,33. 13U Mikal, qabdet it-terafim#19,13: Terafim: idolu tad-dar., għattietu u qegħditu fil-friex, ħadet biċċa xagħar tal-mogħoż, u qegħditha ħdejn rasu, u għattietu bil-ħwejjeġ.#Ġen 31,19; Mħ 17,5; 18,14.
14Sawl bagħat messaġġiera biex jaqbdu lil David, u Mikal qaltilhom: “Marid!” 15U Sawl raġa’ bagħat il-messaġġiera jaraw lil David u qalilhom: “Ġibuhuli bil-friex b’kollox, biex noqtlu.” 16Il-messaġġiera daħlu u sabu t-terafim fil-friex bix-xagħar tal-mogħoż ħdejn rasu. 17U Sawl qal lil Mikal: “Għaliex dħaqt bija b’dan il-mod? Għaliex ħallejt l-għadu tiegħi jaħrab u jeħles minni?” U Mikal weġbitu: “Għax hu qalli: ‘Ħallini mmur, inkella noqtlok.’ ”
David u Sawl f’Najot
18U David ħarab u ħeles. U mar għand Samwel f’Rama u għarrfu b’kulma kien għamillu Sawl. Imbagħad telqu t-tnejn, hu u Samwel, u marru joqogħdu f’Najot.
19U għarrfu lil Sawl u qalulu: “Ara, David qiegħed f’Najot, ħdejn Rama.” 20U Sawl bagħat messaġġiera biex jaqbdu lil David, u raw qatgħa profeti mitlufa f’estasi ta’ profeti, u Samwel wieqaf f’nofshom; u niżel l-ispirtu ta’ Alla fuqhom u ntilfu f’estasi huma wkoll.#Num 11,25; 1 Sam 10,5-6; 2 Slat 1,9-14. 21Malli sar jaf, Sawl bagħat messaġġiera oħra, u dawn ukoll intilfu f’estasi; u Sawl raġa’ bagħat messaġġiera oħra għat-tielet darba, u dawn ukoll intilfu f’estasi. 22Imbagħad mar hu stess f’Rama, u malli wasal ħdejn il-ġibjun ta’ Xeku staqsa u qal: “Fejn huma Samwel u David?” U weġbuh: “F’Najot ħdejn Rama.” 23U telaq minn hemm lejn Najot ħdejn Rama, u fuqu wkoll niżel l-ispirtu ta’ Alla, u ntilef f’estasi, u baqa’ sejjer hu u jipprofetizza sakemm wasal f’Najot ħdejn Rama. 24U hu wkoll naża’ ħwejġu u ntilef f’estasi ta’ profeta quddiem Samwel, u baqa’ mixħut fl-art għarwien il-jum u l-lejl kollu. Għalhekk bdew jgħidu: “Sawl ukoll fost il-profeti?”#1 Sam 10,10-12.

Currently Selected:

1 SAMWEL 19: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in