YouVersion Logo
Search Icon

1 SAMWEL 20

20
Kapitlu 20
Il-ħbiberija ta’ David u Ġonatan
1David ħarab minn Najot ħdejn Rama u sab lil Ġonatan u staqsieh: “X’għamilt jien? X’deni għamiltlu? Fiex offendejtu ’l missierek, biex qiegħed ifittxli ħajti?”#1 Sam 19,1-7. 2U wieġbu: “Ma jkun qatt! Ma tmut qatt! Ara, missieri ma jagħmel xejn, la kbir u la żgħir, mingħajr ma jgħidli; u għala għandu missieri jaħbili din il-biċċa? Ma hemm xejn.” 3U David ħalef u qal: “Missierek jaf żgur li int tħobbni, u qal: ‘Ma ngħidlux b’dan lil Ġonatan, inkella jsewwed qalbu.’ Daqs kemm hu ħaj il-Mulej, u daqs kemm int ħaj int, pass wieħed hemm bejni u bejn il-mewt.”
4U Ġonatan wieġeb lil David: “Għidli x’tixtieq u nagħmilhulek.” 5U David wieġeb lil Ġonatan: “Ara, għada qamar ġdid#20,5: Qamar ġdid: jiġifieri l-ewwel tax-xahar., u jien għandi noqgħod niekol mas-sultan. Ħallini mmur u ninħeba fir-raba’ sat-tielet jum filgħaxija.#Num 10,10; 28,11-15. 6Jekk missierek jintebaħ u jistaqsi għalija, għidlu: ‘David talabni fuq li talabni biex jaqbeż qabża sa daru f’Betlehem, il-belt tiegħu, għaliex hemm kellhom joffru s-sagrifiċċju ta’ kull sena għal niesu kollha.’ 7U jekk iwieġeb: ‘Tajjeb,’ il-qaddej tiegħek salv; imma jekk jinkorla, kun af li hu qatagħha li jagħmilli d-deni. 8Agħmel ħniena mal-qaddej tiegħek, għax int daħħalt il-qaddej tiegħek f’patt miegħek quddiem il-Mulej. Jekk hemm xi ħtija fija, oqtolni int; għaliex teħodni għand missierek?”#1 Sam 23,17-18.
9U Ġonatan wieġeb: “Ma jkun qatt dan minnek! Jekk inkun naf żgur li missieri jkun qatagħha li jagħmillek id-deni, int taħseb li ma ngħidlekx?” 10U David qal lil Ġonatan: “Min se jgħidli, jekk missierek iwieġbek bl-aħrax?” 11U Ġonatan wieġbu: “Ejja noħorġu fir-raba’.” U ħarġu t-tnejn fir-raba’. 12U Ġonatan qal lil David: “Xhud il-Mulej, Alla ta’ Iżrael! Għada bħalissa nistħarreġ lil missieri għat-tielet darba, u jekk ikun tajjeb miegħek jew le, nibgħat ngħidlek.#1 Sam 24,22-23; 2 Sam 9,1-13; 21,7.#Rt 1,17. 13Dan jagħmel il-Mulej lil Ġonatan u aktar; anke jekk stess missieri jkun irid jagħmillek id-deni, jien ngħarrfek u nħallik tmur bis-sliem, u l-Mulej ikun miegħek bħalma kien ma’ missieri. 14U jekk jien inkun għadni ħaj, jien żgur li int turi t-tjieba tal-Mulej miegħi. U jekk jien immut, 15int ma twarrab qatt it-tjieba tiegħek minn ma’ dari, lanqas meta l-Mulej ikun qaċċat kull għadu ta’ David minn wiċċ l-art.” 16U Ġonatan għamel patt mad-dar ta’ David: “Jalla l-Mulej jitħallas mill-għedewwa ta’ David.” 17U Ġonatan ħalef lil David għall-imħabba li kellu għalih, għax kien iħobbu daqs kemm kien iħobb lilu nnifsu.
18U Ġonatan issokta jgħidlu: “Għada qamar ġdid, u jindunaw li postok vojt. 19Għalhekk inżel malajr għat-tielet darba filgħaxija u mur fil-post fejn kont inħbejt nhar il-festa filgħaxija, u oqgħod hemmhekk ħdejn il-borġ tal-ġebel.#1 Sam 19,1-7. 20Jiena mbagħad inwaddab tliet vleġeġ għal ħdejh, bħallikieku qiegħed nieħu l-mira. 21Imbagħad nibgħat il-qaddej ifittex il-vleġeġ. Jekk ngħidlu: ‘Ara, l-vleġeġ qegħdin ’l hawn minnek, ġibhom,’ inti tkun tista’ tiġi, għax ikun kollox sewwa miegħek, u ma jkun hemm xejn kontrik, daqs kemm hu ħaj Alla. 22Imma jekk jien ngħidlu: ‘Ara, il-vleġeġ qegħdin aktar ’l hemm minnek,’ int warrab, għax il-Mulej ikun qiegħed jibagħtek. 23U ta’ kulma għedna, jien u int, il-Mulej xhud tiegħu bejni u bejnek għal dejjem.”
Ġonatan jerġa’ jaqbeż għal David
24David mar jinħeba fir-raba’. U kien il-qamar ġdid, u s-sultan kien fuq il-mejda jiekol, 25bilqiegħda f’postu bħas-soltu n-naħa tal-ħajt; biswitu kien hemm Ġonatan; u Abner kien maġenb Sawl, imma post David kien vojt. 26Sawl dakinnhar ma qal xejn għax ħaseb: “Ġralu xi ħaġa, jew għandu mnejn imniġġes, għax ma tnaddafx#20,26: Għax ma tnaddafx: Sawl ħaseb li David ma setax jieħu sehem fl-ikla b’xejra reliġjuża, billi kien l-ewwel tax-xahar, għax kien imniġġes; ara Lev 15,11; 17,15; 18,22..”#Lev 7,20-21; 15,1-3; 1 Sam 16,5.
27L-għada tal-qamar ġdid, il-post ta’ David baqa’ vojt, u Sawl qal lil Ġonatan ibnu: “Għala bin Ġesse ma ġiex jiekol, la lbieraħ u lanqas illum?” 28U Ġonatan wieġeb lil Sawl: “David talabni fuq li talabni biex jasal wasla sa Betlehem. 29Qalli: ‘Ibagħtuni għax għandna s-sagrifiċċju tal-familja fil-belt; u ħija stess ordnali. Mela jekk jien sibt ħniena f’għajnejk, ħallini mmur, jekk jogħġbok, nara lil ħuti.’ Għalhekk ma ġiex għall-mejda tas-sultan.” 30U Sawl xegħel bl-għadab għal Ġonatan u qallu: “Ja biċċa ta’ bin mara qarrieqa, ma nafx jien li int ħabib ta’ bin Ġesse b’għajb tiegħek u b’għajb tal-għera ta’ ommok? 31Sakemm idum ħaj fuq l-art bin Ġesse, la int u lanqas saltnatek ma tkunu fis-sod. Issa ibgħat u ġibu hawn quddiemi, għax ħaqqu l-mewt.”#2 Sam 12,5. 32U Ġonatan wieġeb lil missieru u qallu: “Għala għandu jmut? X’għamel?” 33U Sawl qabad u xejjer il-lanza biex jidorbu; u Ġonatan sar jaf li missieru qatagħha li joqtol lil David.#1 Sam 18,11. 34U Ġonatan qam minn fuq il-mejda tas-sultan mgħaddab bis-sħiħ, u ma kielx ħobż fit-tieni jum tax-xahar, għax kien mgħolli għal David, u għax missieru avvelieh.
Ġonatan iwissi lil David
35Filgħodu kmieni Ġonatan ħareġ fir-raba’ kif kien ftiehem ma’ David, u kellu tfajjel miegħu. 36U qal lit-tfajjel: “Iġri u ġibli l-vleġeġ li se nwaddab,” u waddab il-vleġeġ ’l hemm minnu. 37Malli t-tfajjel wasal fejn waqgħu l-vleġeġ li Ġonatan kien waddab, dan qabad jgħajjat lit-tifel u qal: “Mhumiex il-vleġeġ ’l hemm minnek?”#1 Sam 20,22. 38U Ġonatan reġa’ għajjat lit-tifel: “Għaġġel, isa, u la tiqafx.” U t-tfajjel ġabar il-vleġeġ ta’ Ġonatan u raġa’ lura lejn sidu. 39U t-tfajjel ma ntebaħ b’xejn. Ġonatan u David biss kienu jafu x’inhi l-biċċa. 40U Ġonatan ta l-armi lit-tfajjel li kellu miegħu u qallu: “Mur, ħudhom il-belt.” 41Xħin telaq it-tfajjel, David qam minn ħdejn il-borġ ġebel u nxteħet wiċċu fl-art, u baxxa rasu għal tliet darbiet; imbagħad biesu lil xulxin, u bkew lil xulxin sewwa, imma l-aktar David. 42U Ġonatan qal lil David: “Mur bis-sliem. Aħna ħlifna lil xulxin b’isem il-Mulej u għedna: ‘Il-Mulej xhud għal dejjem, bejni u bejnek, bejn in-nisel tiegħi u bejn in-nisel tiegħek.’ ”#2 Sam 9,1; 21,7.

Currently Selected:

1 SAMWEL 20: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in