ĠENESI 8
8
Kapitlu 8
Il-ħruġ mill-arka
1Imma Alla ftakar f’Noè, fl-annimali selvaġġi u l-bhejjem kollha miegħu fl-arka; u Alla qajjem riħ fuq l-art, u l-ilmijiet bdew jonqsu. 2U ngħalqu l-għejun tal-qiegħ u bwieb is-smewwiet, u waqfet ix-xita mis-smewwiet. 3U l-ilmijiet bdew rieġgħa lura minn fuq l-art, u baqgħu sejrin lura sakemm naqsu għalkollox wara mija u ħamsin jum. 4U waqfet l-arka fis-seba’ xahar, fis-sbatax-il jum tax-xahar, fuq il-muntanja ta’ Ararat. 5U l-ilmijiet baqgħu sejrin lura u jonqsu sal-għaxar xahar; u fl-għaxar xahar, fl-ewwel tax-xahar, dehru l-qċaċet tal-muntanji.
6U wara erbgħin jum Noè fetaħ it-tieqa tal-arka li kien għamel. 7U telaq iċ-ċawlun, u dan ħareġ u baqa’ ġej u sejjer sakemm nixef l-ilma minn fuq l-art. 8U Noè bagħat il-ħamiema minn ħdejh biex jara jekk naqasx l-ilma minn fuq wiċċ l-art. 9U l-ħamiema ma sabitx fejn isserraħ qiegħ riġilha, u reġgħet lura għal għandu fl-arka, għax l-ilma kien għadu fuq wiċċ l-art kollha. U Noè ħareġ idu u qabadha u daħħalha miegħu fl-arka. 10U stenna sebat ijiem oħra u reġa’ bagħat il-ħamiema mill-arka. 11U l-ħamiema reġgħet lura filgħaxija b’werqa friska taż-żebbuġ f’munqarha. U Noè ntebaħ li l-ilmijiet kienu naqsu minn fuq wiċċ l-art. 12U stenna sebat ijiem oħra, u bagħat il-ħamiema, u din ma reġgħetx lura iżjed għandu. 13Fis-sena sitt mija u wieħed, fl-ewwel xahar, fl-ewwel jum tax-xahar, nixef għalkollox l-ilma minn fuq wiċċ l-art. U Noè bexxaq l-għatu tal-arka, u ħares, u ra li wiċċ l-art kien nixef.
14U fit-tieni xahar, fis-sbatax-il jum tax-xahar, nixfet l-art. 15U Alla kellem lil Noè u qallu: 16“Oħroġ mill-arka, int u martek, uliedek u n-nisa tagħhom miegħek. 17U kull ħliqa ħajja li hemm miegħek, minn kull ġens, tjur u bhejjem, u kulma jitkaxkar fuq l-art; oħroġhom miegħek ħalli jixterdu mal-art, u jnisslu u joktru fl-art.”#Ġen 1,22-28. 18U Noè ħareġ b’uliedu u martu, u n-nisa ta’ wliedu miegħu. 19Ħarġu wkoll mill-arka l-bhejjem kollha, il-ħniex, it-tjur u kulma jitkaxkar fl-art, skont in-nisel tagħhom.
Il-wegħda ta’ Alla
20U Noè bena artal lill-Mulej, u ħa minn kull annimal safi u mit-tajr safi, u offra sagrifiċċju tal-ħruq fuq l-artal. 21U l-Mulej xamm ir-riħa ħelwa u għoġbitu; u l-Mulej qal f’qalbu: “Ma nerġax iżjed nisħet l-art minħabba l-bniedem, għax qalb il-bniedem miġbuda għall-ħażen sa minn ċkunitu, u ma nerġax iżjed naħbat għall-ħlejjaq ħajjin kollha bħalma għamilt.#Sir 44,18; Is 54,9; Rum 7,18.
22Sakemm iddum l-art,
żrigħ u ħsad,
bard u għomma,
sajf u xitwa,
lejl u nhar,
ma jonqsu qatt.”#Ġer 33,20-25.
Currently Selected:
ĠENESI 8: MB20
Highlight
Share
Copy
Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.