YouVersion Logo
Search Icon

ĠENESI 9

9
Kapitlu 9
Il-barka fuq Noè
1U Alla bierek lil Noè u lil uliedu, u qalilhom: “Nisslu u oktru u imlew l-art.#Ġen 1,22; 8,17; Ġak 3,7. 2U jkun il-biża’ tagħkom fuq kull ħliqa ħajja fuq l-art, u fuq it-tajr kollu tal-ajru, u fuq kulma jitkaxkar fl-art u fuq il-ħut kollu tal-baħar; u jitriegħdu quddiemkom; f’idejkom nerħihom. 3Kulma hu ħaj u jitħarrek fl-art ikun ikel għalikom; u wkoll il-ħaxix aħdar, kollu nagħtikom.#Ġen 1,29; Dt 12,15. 4Imma l-laħam b’demmu ġo fih, li hu ħajtu#9,4: B’demmu ġo fih, li hu ħajtu: in-nies ta’ dak iż-żmien kellhom f’rashom li l-ħajja tal-bniedem qiegħda f’demmu, għalhekk ħaġa qaddisa, u ma kinux jixorbuh (Lev 17,13-14; Atti 15,19). Għalkemm din il-liġi ma għadhiex tgħodd, il-prinċipju li l-ħajja għandha valur kbir għadu jgħodd., la tikluhx.#Lev 7,26-27; 17,10-14; Dt 12,16; 1 Sam 14,33; Atti 15,20. 5U jien nitlob kont ta’ demmkom, li hu ħajjitkom, nitolbu mingħand kull bhima, mingħand kull bniedem; mingħand kull wieħed nitħallas tal-ħajja ta’ bniedem ieħor bħalu.#Ġen 4,10-11; Eż 21,12-13.
6Kull min ixerred demm ta’ bniedem,
minn bniedem ieħor jixxerred demmu.
Għax skont ix-xbieha tiegħu,
ħalqu Alla lill-bniedem.#Ġen 1,26-27; Lev 24,17; Num 35,33.
7U intom nisslu u oktru;
xterdu mal-art u oktru fuqha.”#Ġen 1,28; 8.
Il-patt ma’ Noè
8U Alla kellem lil Noè u lil uliedu miegħu u qalilhom: 9“Arawni, hawn jien se nagħmel il-patt tiegħi magħkom u ma’ nisilkom warajkom;#Ġen 6,8. 10ma’ kull ħliqa ħajja li hemm magħkom, mat-tjur u mal-bhejjem, ma’ kull bhima selvaġġa li hemm magħkom, u mal-bhejjem kollha li ħarġu magħkom mill-arka. 11Jien nagħmel il-patt tiegħi magħkom, li qatt iżjed ma jinqered, ebda laħam ħaj, bl-ilmijiet tad-dilluvju; u qatt iżjed ma jkun hemm dilluvju biex iħarbat l-art.”#Sir 44,18; Is 54,9-10.
12U żied jgħid Alla: “Dan ikun is-sinjal tal-patt li jien qiegħed nagħmel bejni u bejnkom, u bejn kull ħliqa ħajja li hemm magħkom, għall-ġenerazzjonijiet kollha għal dejjem. 13Inqiegħed il-qaws tiegħi fis-sħab, u jkun sinjal tal-patt bejni u bejn l-art.#Sir 43,12. 14Meta niġma’ s-sħab fuq l-art u tfeġġ il-qawsalla fis-sħab, 15jien niftakar fil-patt bejni u bejnkom u bejn kull ruħ ħajja f’kull laħam; u ma jkunx hemm iżjed l-ilma tad-dilluvju biex jeqred kull laħam ħaj.#Is 54,9. 16U meta l-qawsalla tfeġġ fis-sħab, jien inħares lejha u niftakar fil-patt għal dejjem bejn Alla u bejn kull ħliqa ħajja fost il-laħam li hemm fuq l-art.” 17U Alla qal lil Noè: “Dan hu s-sinjal tal-patt li jien għamilt bejni u bejn kull laħam li hemm fuq l-art.”
18U wlied Noè li ħarġu mill-arka kienu: Sem, Ħam u Ġafet; u Ħam kien missier Kangħan.#Ġen 5,32; 10,1. 19Dawn it-tlieta kienu wlied Noè; u minn dawn imtliet l-art kollha.
Is-saħta ta’ Kangħan u l-barka ta’ Sem
20Noè beda jagħmilha ta’ bidwi u ħawwel id-dwieli. 21U xorob l-inbid u siker, u nkixef f’nofs l-għarix tiegħu. 22U Ħam, missier Kangħan, ra l-għera ta’ missieru, u mar jgħid liż-żewġ ħutu li kienu barra. 23U Sem u Ġafet qabdu l-mantar, qegħduh fuq spallejhom it-tnejn, u marru waranijiet u għattew l-għera ta’ missierhom; u billi wiċċhom kien iħares lura ma rawx l-għera ta’ missierhom. 24U meta Noè stenbaħ mis-sakra tiegħu, sar jaf x’kien għamillu ibnu ż-żgħir. 25U qal:
“Misħut Kangħan:
qaddej fost il-qaddejja
jkun ta’ ħutu.#Dt 27,16; Għerf 12,11.
26Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Sem,
u jkun Kangħan il-qaddej tiegħu.
27Iwassa’ Alla lil Ġafet,
u jgħammar dan fl-għerejjex ta’ Sem,
u Kangħan ikun il-qaddej tiegħu.”
28U Noè għex tliet mija u ħamsin sena oħra wara d-dilluvju. 29U għomor Noè laħaq id-disa’ mija u ħamsin sena; u mbagħad miet.

Currently Selected:

ĠENESI 9: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in