ĠENESI 7
7
Kapitlu 7
Id-dħul fl-arka
1U l-Mulej qal lil Noè: “Idħol int, u darek kollha fl-arka, għax quddiemi jiena lilek sibt ġust fost in-nies ta’ dan iż-żmien.#Għerf 10,4; Sir 44,17; 2 Pt 2,5. 2Mill-bhejjem kollha safjin daħħal miegħek seba’ pari, kull par ir-raġel u l-mara tiegħu. U mill-bhejjem li mhumiex safjin par wieħed, ir-raġel u l-mara.#Lev 11. 3U mit-tjur tal-ajru wkoll daħħal seba’ pari, kull par ir-raġel u l-mara, biex jibqa’ nisel fuq l-art kollha. 4Għax minn hawn u sebat ijiem oħra se nibgħat xita fuq l-art għal erbgħin jum u erbgħin lejl, u neqred mill-wiċċ kollu tal-art kull ħliqa li jien għamilt.”#Ġen 6,17; 2 Pt 2,5. 5U Noè għamel skont ma ordnalu l-Mulej.
6U Noè kellu sitt mitt sena meta d-dilluvju għarraq l-art. 7U daħal Noè u miegħu wliedu, martu, u n-nisa ta’ wliedu, fl-arka, minħabba l-ilma tad-dilluvju.#Għerf 14,6; Mt 24,38; Lq 17,27; 1 Pt 3,20; 2 Pt 2,5. 8Mill-bhejjem safjin u mill-bhejjem mhumiex safjin, u mit-tjur u minn kulma jitkaxkar fl-art, 9daħlu tnejn tnejn, ir-raġel u l-mara, fl-arka ma’ Noè, kif kien ordna Alla lil Noè.#Ġen 6,19. 10U malli għaddew is-sebat ijiem beda nieżel l-ilma tad-dilluvju fuq l-art.
Id-dilluvju
11Fis-sitt mitt sena ta’ għomor Noè, fit-tieni xahar, fis-sbatax-il jum tax-xahar, f’dan il-jum infaqgħu l-għejun tal-qiegħ il-kbir u nfetħu bwieb is-smewwiet.#S 104,2-16; Is 24,18. 12U baqgħet nieżla x-xita fuq l-art għal erbgħin jum u erbgħin lejl. 13Sewwasew f’dan il-jum daħlu fl-arka Noè u Sem, Ħam u Ġafet, ulied Noè, u l-mara ta’ Noè, u t-tliet nisa ta’ wliedu magħhom; 14huma u l-annimali kollha skont ġenshom, u l-bhejjem skont ġenshom u kulma jitkaxkar fl-art skont ġensu u kull tajra skont ġensha, u kull xorta ta’ għasafar. 15Daħlu fl-arka ma’ Noè, tnejn tnejn minn kull laħam li kien fih nifs il-ħajja. 16U dawk li daħlu ġew, raġel u mara, minn kull ġens; daħlu bħalma kien ordnalu Alla. U l-Mulej sakkar warajh.
17U d-dilluvju baqa’ sejjer fuq l-art għal erbgħin jum; u l-ilmijiet bdew joktru u jgħollu l-arka, u din għoliet ’il fuq minn wiċċ l-art. 18U l-ilmijiet tqawwew u kotru ħafna fuq l-art, u l-arka kienet tgħum f’wiċċ l-ilma. 19U tqawwew bis-sħiħ l-ilmijiet fuq l-art, u għattew il-muntanji għoljin kollha taħt is-sema. 20Ħmistax-il driegħ ’il fuq għola l-ilma u tgħattew il-muntanji. 21U mietu l-ħlejjaq ħajjin kollha li jgħixu fuq l-art, tjur, bhejjem tad-dar, annimali selvaġġi, kulma jitkaxkar mal-art, u l-bnedmin kollha.#Ġob 22,16; Mt 24,39; Lq 17,27; 2 Pt 3,6. 22Kulma kellu nifs il-ħajja f’imnifsejh, kulma kien jgħix fl-inxif, miet. 23U qered il-ħlejjaq kollha minn wiċċ l-art: mill-bniedem sal-bhejjem, mill-ħlejjaq li jitkaxkru sat-tajr tal-ajru, kollha nqerdu minn wiċċ l-art, u baqa’ biss Noè u dawk li kienu miegħu fl-arka. 24U l-ilmijiet baqgħu jgħarrqu l-art għal mija u ħamsin jum.
Currently Selected:
ĠENESI 7: MB20
Highlight
Share
Copy
Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.