YouVersion Logo
Search Icon

2 KORINTIN 3

3
Kapitlu 3
Il-ministri tal-Patt il-Ġdid
1Nerġgħu nibdew nirrikkmandaw lilna nfusna? Għandna bżonn aħna, bħal xi wħud, b’xhieda għalina, ittri ta’ rakkomandazzjoni għalikom jew mingħandkom?#Atti 18,27; Rum 16,1; 2 Kor 5,12. 2L-ittra tagħna hi intom, miktuba fuq qlubna, magħrufa u moqrija minn kulħadd.#1 Kor 9,2. 3Intom tidhru li intom l-ittra ta’ Kristu fdata f’idejna, miktuba mhux bil-linka, imma bl-Ispirtu ta’ Alla l-ħaj; mhux fuq it-twavel tal-ġebel, iżda fuq it-twavel tal-laħam ta’ qalbkom.#Eż 24,12; 31,18; 34,1; Dt 9,10-11; Prov 3,3; 7,3; Ġer 31,33; Eżek 11,19; 36,26.
4Tant aħna għandna qalbna qawwija quddiem Alla permezz ta’ Kristu! 5Mhux li aħna minna nfusna għandna l-ħila naħsbu li xi ħaġa ġejja minna nfusna; il-ħila tagħna ġejja mingħand Alla,#2 Kor 2,16. 6li tana l-ħila li nkunu ministri tal-patt il-ġdid, il-patt mhux tal-ittra imma tal-Ispirtu; għax l-ittra toqtol, imma l-Ispirtu jagħti l-ħajja.#Eż 24,8; Ġer 31,31; 32,40; Ġw 6,63; Rum 7,6; 1 Kor 11,25; Lhud 8,8-13.
7Issa jekk il-ministeru tal-mewt imnaqqax fil-ġebel kien hekk imdawwal bil-glorja li wlied Iżrael ma setgħux iżommu għajnejhom f’wiċċ Mosè minħabba fid-dija ta’ wiċċu - u din ma kinitx għal dejjem -#Eż 34,29-30. 8kemm aktar ikun imdawwal bil-glorja l-ministeru tal-Ispirtu! 9Jekk il-ministeru tal-kundanna kien imdawwal bil-glorja, kemm aktar jiddi bil-glorja l-ministeru tal-ġustifikazzjoni!#Dt 27,26; Rum 1,17; 3,21. 10Anzi, minn daqshekk, dak li darba kellu l-glorja ma kellu glorja xejn ħdejn il-kobor bla qjies tal-glorja ta’ issa.#Eż 34,29-30. 11Jekk kien imdawwal bil-glorja l-ministeru li kellu jgħaddi, kemm aktar hu mdawwal bil-glorja dak li għandu jibqa’!
12Meta għandna din it-tama, aħna nagħmlu tassew il-qalb, 13u ma nagħmlux bħal Mosè, li xeħet velu fuq wiċċu biex ulied Iżrael ma jżommux għajnejhom fuq it-tmiem ta’ dak li kellu jgħaddi u jiġi fix-xejn.#Eż 34,33-35. 14Moħħhom iddallam, u sal-ġurnata tal-lum dak l-istess velu għadu fuqhom waqt il-qari tal-Kotba tal-Patt il-Qadim; ma jitneħħiex, għax permezz ta’ Kristu biss jitneħħa. 15Sal-lum stess, kull meta jaqraw il-Liġi ta’ Mosè#3,15: Kull meta jaqraw il-Liġi ta’ Mosè: l-ewwel ħames kotba tal-Bibbja. Letteralment: jaqraw lil Mosè. Dan il-qari kien isir fis-Sinagogi kull nhar ta’ Sibt. hemm velu fuq qalbhom;#Rum 11,25. 16dan il-velu jitneħħa meta jerġgħu lura lejn il-Mulej.#Eż 34,34; Rum 11,23-26. 17Għax il-Mulej huwa l-Ispirtu, u fejn hemm l-Ispirtu tal-Mulej hemm il-ħelsien.#Ġw 7,39; 8,32-36; Rum 8,2; Gal 5,1-13. 18Aħna lkoll, li b’wiċċna mikxuf nirriflettu#3,18: Nirriflettu …: bħalma l-mera tirrifletti d-dawl tax-xemx, hekk wiċċ in-nisrani għandu jirrifletti l-glorja ta’ Alla fuq id-dinja. bħal f’mera l-glorja tal-Mulej, qegħdin ninbidlu fl-istess xbieha minn glorja għal glorja skont ma jagħtina l-Mulej, li hu Spirtu.#Eż 16,7; 24,17.

Currently Selected:

2 KORINTIN 3: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in