SALMI 31
31
Salm 31
Talba fil-hemm u ħajr għall-ħelsien
1Għal mexxej tal-kor. Salm ta’ David.
2Fik, Mulej, jien nistkenn;
ma jkolli qatt għax nirgħex.
Fil-ġustizzja tiegħek salvani,#S 71,1-3.
3agħtini widen u fittex eħlisni.
Kun blata tal-kenn għalija,
fortizza qawwija ta’ salvazzjoni.#S 18,3.
4Inti l-blata u l-fortizza tiegħi;
f’ġieħ ismek mexxini u wassalni.
5Oħroġni mix-xibka li ħbew għalija,
għax inti l-qawwa tiegħi.
6F’idejk jien nerħi ruħi#31,6: F’idejk jien nerħi ruħi: kliem użat minn Ġesù Kristu fuq is-Salib fl-aħħar waqtiet ta’ ħajtu fl-art.;
int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa.#Lq 23,46; Atti 7,59.
7Int tobgħod ’il min iqim allat fiergħa;
imma jien fil-Mulej nittama.
8Nifraħ u nithenna għat-tjieba tiegħek,
int, li rajt l-hemm tiegħi,
li għaraft id-diqa ta’ qalbi.
9Ma tlaqtnix f’idejn l-għedewwa,
imma qegħedtli fil-wisa’ riġlejja.
10Ħenn għalija, Mulej, għax ninsab fil-hemm,
infnew għajnejja minħabba d-dwejjaq,
ruħi wkoll u l-ġewwieni tiegħi.#S 35; 38; 69; 71.
11Infniet ħajti bl-għali,
u bl-ilfiq is-snin ta’ ħajti;
minħabba fil-hemm naqsitni saħħti,
u tmermer għadmi kollu.#S 6,3.
12Minħabba l-għedewwa tiegħi kollha,
jien sirt ħaġa ta’ min ikasbarha;
jitwerwru l-ġirien tiegħi,
u min jafni jibża’ minni.
Dawk li jarawni barra jaħarbu minni.#Ġob 19,13-19; S 38,12.
13Insewni bħal wieħed mejjet,
sirt bħal ġarra mkissra.
14Għax smajt l-għajdut tal-kotra fuqi;
biża’ minn kullimkien madwari.
Jiftiehmu bejniethom kontrija,
jonsbuni biex jeħduli ħajti.#S 38,12; 41,6; Ġer 6,25; 20,3; 46,5; 49,29.
15Imma jien fik nittama, Mulej;
jien ngħidlek: “Alla tiegħi int!”
16F’idejk hi xortija,
eħlisni minn id l-għedewwa,
minn id dawk li jeħduha kontrija.
17Uri d-dawl ta’ wiċċek lill-qaddej tiegħek;
fit-tjieba tiegħek eħlisni.#S 4,7.
18Mulej, tħallinix ninfixel,
lili li qed insejjaħlek;
ħa jinfixlu l-ħżiena,
u jinżlu mbikkma f’art l-imwiet!
19Ħa jisktu x-xufftejn giddieba,
li jmaqdru u jkasbru l-ġust bil-kburija!
20Kemm hu kbir il-ġid tiegħek, Mulej,
li inti rfajt għal min jibża’ minnek,
li int ħejjejt għal min jafda fik,
quddiem il-bnedmin kollha!
21Bil-ħarsien tiegħek tkenninhom
kontra t-tnassis tal-bnedmin;
fl-għarix tiegħek taħbihom
kontra t-tqassis tal-ilsna.#Ġob 5,21; S 27,5; 109,3; Apk 7,15-16.
22Imbierek il-Mulej li minn belt qawwija
għamel miegħi għeġubijiet ta’ tjieba.
23Jien għedt fil-fixla li kelli:
“Ninsab maqtugħ minn taħt għajnejk.”
Imma int smajt leħen it-tħannin tiegħi
meta sejjaħt l-għajnuna tiegħek.#S 60,11; Is 26,1.
24Ħobbu l-Mulej, ħbieb tiegħu kollha.
Lit-twajbin iħarishom il-Mulej,
imma jpattiha sewwa lil min jimxi bil-kburija.#S 37,34-35.
25Issaħħu u qawwu qalbkom,
intom ilkoll li tittamaw fil-Mulej.
Currently Selected:
SALMI 31: MB20
Highlight
Share
Copy
Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.