YouVersion Logo
Search Icon

SALMI 104

104
Salm 104
Tifħir lil Alla l-ħallieq
1Bierek ruħ tiegħi, il-Mulej!
Mulej, Alla tiegħi, inti kbir bil-bosta!
Bis-sebħ u l-ġmiel inti mlibbes,#Ġen 1; Atti 17,28.
2bid-dawl, bħal b’mantell, inti mkebbeb.
Inti frixt is-smewwiet#104,2: Inti frixt is-smewwiet: Alla juri l-qawwa u s-setgħa, il-ġmiel u l-għerf tiegħu fil-ħolqien ta’ madwarna. Waħda mill-isbaħ għanjiet li qatt inkitbu dwar il-ħolqien. Tħares lejn il-ħolqien skont kif jidher f’għajnejn is-salmista, u mhux skont ir-realtà oġġettiva kif nafuha llum. bħal tinda,#S 19,2-3.
3waqqaft fuq l-ilma#104,3: Waqqaft fuq l-ilma: l-ilma ta’ fuq, mnejn tiġi x-xita; Alla hu ogħla minnu; ara Ġen 1,6-7; S 29,9-10. l-għamajjar għolja tiegħek.
Inti tagħmel is-sħab mirkeb tiegħek,
fuq ġwienaħ ir-riħ tiġġerra.#S 68,5; Għam 9,6.
4L-irjieħ tagħmilhom ħabbara tiegħek,
u l-ilsna tan-nar#104,4: L-ilsna tan-nar: il-beraq; ara Lhud 1,7. qaddejja tiegħek.#Lhud 1,7.
5Int waqqaft l-art fuq is-sisien tagħha#104,5: L-art fuq is-sisien tagħha: kienu jaħsbu li d-dinja kienet wieqfa fuq pedamenti fissi.,
b’mod li qatt ma titħarrek;
6bl-ibħra, bħal b’libsa, inti ksejtha;
u l-ilmijiet waqfu fuq qċaċet l-għoljiet.
7Malli inti ċċanfarhom, jaħarbu;
malli jriegħed leħnek, jitkexkxu.#Ġob 7,12.
8Mal-għoljiet jogħlew, fil-widien jinżlu;
posthom, li int tajthom, jieħdu.#Ġen 9,1-15; Ġob 38,8-11.
9Ma jaqbżux it-tarf li int ħażżiżtilhom,
biex qatt aktar ma jerġgħu jgħattu l-art.
10L-għejun tiftħilhom għal ġol-widien,
u huma jiġru qalb l-għoljiet.
11Jisqu l-bhejjem kollha tar-raba’,
u l-ħmir selvaġġi jaqtgħu l-għatx tagħhom.
12Ħdejhom jgħammru l-għasafar tal-ajru,
minn qalb il-friegħi jsemmgħu l-għana tagħhom.#Eżek 31,6-13; Mt 13,32; Mk 4,32; Lq 13,19.
13Inti ssaqqi l-muntanji mill-imħażen għolja tiegħek#104,13: Mill-imħażen għolja tiegħek: skont kif kienu jaħsbu l-antiki, ix-xita kienet ġejja mill-ilma maħżun ’il fuq mis-sħab; ara Ġen 7,11; Ġob 38,22; Sir 43,14.,
u tixba’ l-art bil-frott ta’ għemilek.
14Inti tnibbet il-ħdura għall-bhejjem,
u l-ħxejjex li bihom jinqeda l-bniedem,
biex joħroġ il-ħobż mill-art,#Ġen 2,15; 3,17-19; 5,29; 9,20.
15inbid li jferraħ qalb il-bniedem,
żejt li jsebbħilhom wiċċhom,
u ħobż li jsaħħilhom qalbhom.#Mħ 9,13; 19,5-8; Sir 31,27; Żak 10,7.
16Jixbgħu bl-ilma s-siġar tal-Mulej,
iċ-ċedri tal-Libanu li hu ħawwel.
17Fihom ibejtu l-għasafar,
iċ-ċikonja tgħammar fil-qċaċet tagħhom.
18Fl-għoljiet il-kbar joqogħdu ċ-ċriev,
l-irdum jagħti l-kenn lill-fniek tax-xagħri.
19Il-qamar int għamilt biex juri ż-żmien,
u lix-xemx urejtha xħin għandha tinżel.#Sir 43,6-8.
20Titfa’ d-dlam, u jsir il-lejl;
fih jiġġerrew il-bhejjem kollha tal-bosk.
21Frieħ l-iljun jgħajtu biex jaħtfu,
jittallbu mingħand Alla l-ikel tagħhom.#Ġob 38,39.
22Malli titla’ x-xemx jinġabru,
fl-għerien tagħhom jitgeddsu.#Ġob 37,8.
23U l-bniedem joħroġ għax-xogħol,
u jibqa’ jaħdem sa filgħaxija.
24Kemm huma kotrana l-għemejjel tiegħek, Mulej!
Kollha bl-għerf għamilthom;
Mimlija l-art bil-ħlejjaq tiegħek.#S 92,6; Prov 8,22-31.
25Dan il-baħar ta’ kobor u wisa’ bla tarf,
li fih jimraħ ħut bla għadd;
bhejjem żgħar u bhejjem kbar.
26Id-dgħajjes jimxu fuq il-mewġ tiegħu,
fih jitliegħeb il-Levjatan#104,26: Il-Levjatan: ara Ġob 40,25; S 74,14., li int għamilt.#Ġob 3,8; 40,25.
27Minnek jistennew il-ħlejjaq kollha
li tagħtihom ikilhom f’waqtu.
28Inti tagħtihom, u huma jiġbru;
tiftaħ idejk, u jixbgħu bil-ġid.
29Jekk taħbi wiċċek, huma jinfixlu;
jekk teħdilhom nifishom, imutu,
u lejn it-trab jerġgħu jmorru.#Ġen 3,19; Ġob 34,14-15; S 90,3; Koħ 12,7.
30Malli tibgħat in-nifs tiegħek#104,30: In-nifs tiegħek: in-nifs jew l-ispirtu ta’ Alla hu l-qawwa kreattiva ta’ Alla fil-ħolqien, ara Ġen 1,2; 2,7. Hekk wkoll l-Ispirtu s-Santu hu l-għajn tal-ħajja spiritwali. Il-Knisja tinqeda b’dan il-vers għall-ħidma tat-tielet Persuna tat-Trinità Mqaddsa., jinħolqu,
u inti ġġedded il-wiċċ tal-art.#Ġen 1,2; 2,7; Atti 2,2-3.
31Jibqa’ sebħ il-Mulej għal dejjem!
Jifraħ il-Mulej bl-għemejjel tiegħu!#Ġen 1,31.
32Kif hu jħares lejn l-art titheżżeż;
kif imiss l-għoljiet, idaħħnu.#S 144,5; Ħab 3,6.
33Ngħanni lill-Mulej tul ħajti kollha,
indoqq lil Alla tiegħi kemm indum ħaj.#S 7,18; 146,2.
34Ħa togħġbu l-għanja tiegħi,
għax jiena fil-Mulej l-hena tiegħi.
35Jintemmu minn fuq l-art il-midinbin, u jgħibu l-ħżiena.
Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej.
Hallelujah!

Currently Selected:

SALMI 104: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in