YouVersion Logo
Search Icon

FILIPPIN 2

2
Kapitlu 2
L-umiltà ta’ Kristu u dik tagħna
1Jekk hemm fikom xi faraġ fi Kristu; jekk hemm xi kelma ta’ ħlewwa fl-imħabba; jekk hemm xi xirka fl-Ispirtu; jekk hemm xi ħniena u mogħdrija; kunu fehma waħda 2u imlewni bil-ferħ! Ħa jkollkom l-istess imħabba, u ruħ waħda u ħsieb wieħed. 3Tagħmlu xejn b’pika ta’ partit, anqas għall-ftaħir fieragħ; imma kunu umli u kull wieħed minnkom iqis lill-ieħor aħjar minnu.#Rum 12,10; Gal 5,26. 4Ħadd minnkom ma għandu jfittex li jaqbillu, imma li jaqbel lil ħaddieħor.#1 Kor 10,24-33. 5Aħsbu bħalma kien jaħseb Kristu Ġesù:
6hu li għad li kellu n-natura ta’ Alla,
ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla,#Ġw 1,1-2; 17,5.
7iżda xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir; sar jixbah lill-bnedmin, u deher minn barra bħala bniedem;#Ġw 1,14; Rum 8,3; 2 Kor 8,9; Lhud 2,14-17.
8ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-mewt,
anzi sal-mewt tas-salib.#Ġw 10,17; Lhud 5,8; 12,2.
9Għalhekk Alla għollieh sas-smewwiet u żejnu bl-Isem li hu fuq kull isem,#Atti 2,33; Ef 1,21; Lhud 1,3-4.
10biex fl-isem ta’ Ġesù
- fis-sema, fl-art u f’qiegħ l-art -
il-ħlejjaq kollha jinżlu għarrkupptejhom,#Is 45,23; Rum 14,11.
11u kull ilsien jistqarr:
“Ġesù Kristu hu Mulej”,#2,11: Ġesù Kristu hu Mulej: bil-Grieg Kurios, bil-Lhudi Jaħweh. Għandna referenza għar-rit tal-festa ta’ jum il-maħfra fit-tempju ta’ Ġerusalemm; ara nota Eż 3,14.
għall-glorja ta’ Alla l-Missier”.
Aħna d-dawl tad-dinja
12Għalhekk, għeżież tiegħi, bħalma dejjem obdejtu, mhux biss meta kont magħkom, imma wisq aktar issa li m’iniex magħkom, ħabirku għas-salvazzjoni tagħkom bil-biża’ u t-tregħid.#S 2,11; 1 Pt 1,17. 13Alla hu li jaħdem fikom u jġegħelkom tridu u tħabirku biex tagħmlu dak li jogħġob lilu.#Ġw 15,5; 1 Kor 12,6; 15,10; 2 Kor 3,5; 1 Tess 2,13. 14Agħmlu kollox mingħajr tgemgim u mingħajr tlaqliq,#1 Kor 10,10; 1 Pt 4,9. 15ħalli tkunu nies bla għajb u safja, ulied Alla bla tebgħa f’nofs bnedmin ta’ ħajja mgħawġa u mħassra; fosthom intom għandkom tiddu fid-dinja bħal kwiekeb.#Dt 32,5; Dan 12,3; Mt 5,14; 10,16; Atti 2,40; Ef 5,8. 16U żżommu sħiħ il-kelma tal-ħajja; hekk fil-jum ta’ Kristu jkolli biex niftaħar li ma nkunx ġrejt u tħabatt għal xejn.#Is 49,4; 1 Kor 1,8; Gal 2,2; Fil 1,6-10; 1 Tess 2,19. 17U mqar kieku kelli nxerred demmi#2,17: Inxerred demmi: qabel il-ħruq tal-vittma tas-sagrifiċċju l-Lhud kienu jsawbu l-likwidu fuqha; żejt u nbid; ara Eż 29,40-41; Num 15,1-16; 29,6. fuq il-vittmi u s-sagrifiċċju tal-fidi tagħkom, jiena nifraħ fuq li nifraħ magħkom ilkoll.#Rum 15,16; 2 Tim 4,6. 18U hekk ukoll intom għandkom tifirħu fuq li tifirħu miegħi.#Fil 3,1; 4,4.
Timotju u Epafroditu
19Nittama fil-Mulej Ġesù li nibagħtilkom malajr lil Timotju biex nieħu r-ruħ jiena wkoll b’aħbarkom. 20’Il ħadd ma għandi bħalu li minn qalbu jieħu ħsiebkom sewwa. 21Kulħadd ifittex li jaqbel lilu u mhux dak li hu ta’ Ġesù Kristu.#2 Tim 4,10. 22Intom tafu bit-tiġrib tiegħu; kif bħal iben ma’ missieru ħadem miegħi għat-tixrid tal-Evanġelju. 23Nittama li nibagħtu ma ndumx hekk kif insir naf fiex sa nsib ruħi. 24Għandi qalbi qawwija fil-Mulej li ma ndumx ma niġi għandkom.
25Ħassejt li jeħtieġ nibagħtilkom lil Epafroditu#2,25: Epafroditu: delegat tal-knisja ta’ Filippi li kien ma’ S.Pawl; ara 4,18., ħija, ħaddiem miegħi u sieħbi fit-taqbid; mibgħut minnkom biex jgħinni fil-ħtiġiet tiegħi.#Fil 4,18. 26Għandu ħrara kbira li jarakom u inkwieta ħafna għax intom smajtu li kien marad. 27Tassew li kien marid għall-mewt; iżda Alla ħenn għalih, u mhux biss għalih, imma għalija wkoll u b’hekk ma kellix għali fuq għali. 28Għalhekk fittixt aktar fuq ix-xwiek li nibgħathulkom, ħalli tarawh intom, u tifirħu; u jien neħles mill-għali. 29Ilqgħuh ilkoll ferħana fil-Mulej; għożżuhom nies bħal dawn.#1 Kor 16,16-18; 1 Tim 5,17. 30Ittarraf sal-mewt u kien għoddu miet biex jaħdem għal Kristu, u tarraf ħajtu biex jagħmel tajjeb hu fejn naqset l-għajnuna tagħkom għalija.

Currently Selected:

FILIPPIN 2: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in