YouVersion Logo
Search Icon

ĠWANNI 17

17
Kapitlu 17
It-talba ta’ Ġesù għad-dixxipli
1Wara li qal dan, Ġesù rafa’ għajnejh lejn is-sema u qal: “Missier, waslet is-siegħa; agħti glorja lil Ibnek biex l-Iben jagħti glorja lilek,#Mt 26,45; Ġw 11,41; 12,23; 13,31-32. 2bħalma int tajtu s-setgħa fuq kull bniedem biex jagħti l-ħajja ta’ dejjem lil dawk kollha li inti fdajtlu.#Mt 28,18. 3Din hi l-ħajja ta’ dejjem, li jagħrfu lilek, Alla waħdek veru, u lil Ġesù Kristu, li inti bgħatt.#Għerf 15,3; 1 Ġw 5,20. 4Jien igglorifikajt lilek fuq l-art billi temmejt ix-xogħol li tajtni nagħmel.#Ġw 4,34; 13,31-32; 14,13. 5U issa, Missier, igglorifika lili għandek, bil-glorja li kelli miegħek qabel ma kienet id-dinja.#Ġw 1,1-2; 17,24.
6“Jiena għarraft ismek lill-bnedmin li inti tajtni mid-dinja. Kienu tiegħek, u inti tajthom lili, u huma ħarsu kelmtek.#Ġw 17,26. 7Issa jafu li dak kollu li tajtni ġej minnek; 8għaliex il-kliem li int tajt lili jiena tajtu lilhom, u huma laqgħuh u għarfu tabilħaqq li jiena ħriġt minnek, u emmnu li inti bgħattni.#Ġw 3,2; 16,30. 9Jiena għalihom nitlob; ma nitlobx għad-dinja, imma għal dawk li inti tajtni, għaliex huma tiegħek, 10u dak kollu li hu tiegħi huwa tiegħek, u dak li hu tiegħek huwa tiegħi, u jien igglorifikat permezz tagħhom.#Lq 15,31; Ġw 16,15. 11U jien ma għadnix aktar fid-dinja, iżda huma għadhom fid-dinja, u jiena ġej għandek. Missier qaddis, ħarishom f’ismek dawk li inti tajtni, biex ikunu ħaġa waħda bħalna.#Ġw 10,30; 13,1.3; 16,28; 17,21; Gal 3,28. 12Kemm domt magħhom, jiena ħaristhom fl-isem tiegħek, l-isem li tajtni. U jiena ħadt ħsiebhom, u ħadd minnhom ma ntilef ħlief bin it-telfien#17,12: Bin it-telfien: iddestinat għat-telfien; ara nota Lq 7,35., biex isseħħ l-Iskrittura.#Ġw 6,39; 18,9; 2 Tess 2,3. 13Imma issa jiena ġej għandek, u qiegħed ngħid dan, kif għadni fid-dinja, biex huma jkollhom fihom il-ferħ sħiħ tiegħi.#Ġw 15,11; 1 Ġw 1,4. 14Jiena tajthom il-kelma tiegħek, u d-dinja bagħdithom, għaliex huma mhumiex tad-dinja, kif jiena m’iniex tad-dinja.#Ġw 8,23; 15,18-19. 15Ma nitolbokx li twarrabhom mid-dinja, imma li tħarishom mill-Ħażin#17,15: Mill-Ħażin: jew mid-deni..#Mt 6,13; 2 Tess 3,3; 1 Ġw 5,18. 16Huma mhumiex tad-dinja bħalma jiena m’iniex tad-dinja. 17Qaddishom permezz tal-verità#17,17: Qaddishom permezz tal-verità: Din hi l-kelma teknika li biha kienu jifhmu il-preżentazzjoni ta’ xi ħadd jew xi ħaġa għas-servizz ta’ Alla, speċjalment xi vittima għas-sagrifiċċju. Fil-v.19 Ġesù jgħid: Jiena minħabba fihom nagħti ħajti; letteralment: nitqaddes. Ġesù, mela, qiegħed joffri lilu nnifsu b’sagrifiċċju u jitlob lill-Missier biex jikkonsagra lill-appostli għas-servizz tiegħu bl-Ispirtu tiegħu tal-verità.; il-kelma tiegħek hi l-verità. 18Kif inti bgħatt lili fid-dinja, hekk jiena bgħatt lilhom fid-dinja.#Ġw 20,21. 19U jien minħabba fihom nagħti ħajti, biex huma wkoll ikunu mqaddsin permezz tal-verità.
20“M’iniex nitlob għal dawn biss, imma wkoll għal dawk li għad jemmnu fija bis-saħħa tal-kelma tagħhom;#Ġw 17,9. 21nitolbok li jkunu lkoll ħaġa waħda. Kif inti fija, Missier, u jiena fik, ħa jkunu huma wkoll ħaġa waħda fina, biex hekk id-dinja temmen li inti bgħattni.#Ġw 10,38; Gal 3,28. 22Il-glorja li int tajt lili jiena tajtha lilhom, biex ikunu ħaġa waħda bħalma aħna ħaġa waħda:#Ġw 17,11. 23jiena fihom u inti fija, biex isiru ħaġa waħda għalkollox, ħalli d-dinja tagħraf li inti bgħattni u li ħabbejt lilhom kif ħabbejt lili. 24Missier, irrid li dawk li tajtni jkunu huma wkoll miegħi fejn inkun jien, biex jaraw il-glorja tiegħi, il-glorja li tajtni int, għaliex int ħabbejtni sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja.#Ġw 1,14; 12,26; 17,5. 25Missier ġust, tassew li d-dinja ma għarfitekx, imma jien għaraftek, u dawn għarfu li inti bgħattni.#Mt 11,27; Lq 10,22; Ġw 1,10; 8,55. 26U jiena għarrafthom ismek u għad ngħarrafhulhom iżjed, biex l-imħabba li biha ħabbejtni tkun fihom u jiena fihom.”#Ġw 17,6.

Currently Selected:

ĠWANNI 17: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in