YouVersion Logo
Search Icon

ĠWANNI 16

16
Kapitlu 16
1“Dawn il-ħwejjeġ għedthomlkom biex ma titfixklux. 2Ikeċċukom ’il barra mis-sinagogi, mhux biss, imma tasal is-siegħa meta min joqtolkom jaħseb li jkun qiegħed jagħti qima lil Alla.#Ġw 9,22. 3Dan jagħmluh għax la għarfu lill-Missier u lanqas lili.#Ġw 15,21. 4Imma dan kollu għedthulkom biex, meta tasal is-siegħa li jagħmlulkom dan, tiftakru li jiena għedthulkom.#Ġw 13,19; 16,25.
Il-ħidma tal-Ispirtu s-Santu
“Dan ma għedthulkomx mill-bidu, għaliex kont għadni magħkom. 5Issa sejjer għand dak li bagħatni, u ħadd minnkom ma jistaqsini, ‘Fejn sejjer?’#Ġw 7,33; 13,36; 14,5. 6Imma għax għedtilkom dan, qalbkom imtliet bin-niket.#Ġw 16,22. 7Madankollu, ngħidilkom is-sewwa, jaqblilkom li jiena mmur; għaliex, jekk ma mmurx, id-Difensur#16,7: Difensur: ara nota 14,16. ma jiġix għandkom; imma jekk immur, nibgħathulkom.#Ġw 14,16.26; 15,26. 8U meta huwa jiġi, juri lid-dinja li għandha żball dwar id-dnub, il-ġustizzja u l-ġudizzju; 9id-dnub, filli huma ma jemmnux fija;#Ġw 5,38; 6,36; 7,5; 10,26; 12,37. 10il-ġustizzja, filli jien sejjer għand il-Missier, u intom m’intomx se tarawni iżjed;#Ġw 13,1; 14,12-28; 16,28; 20,17. 11il-ġudizzju, filli l-Prinċep ta’ din id-dinja huwa ġa kkundannat.#Ġw 12,31.
12“Baqagħli ħafna ħwejjeġ x’ngħidilkom, imma għalissa ma tifilħux għalihom#16,12: Għalissa ma tifilħux għalihom: jiġifieri, ma tifhmuhomx għalissa.. 13Meta jiġi hu, l-Ispirtu tal-verità, iwassalkom għall-verità kollha; għaliex hu ma jgħid xejn minn tiegħu, imma jgħid dak li jisma’, u jħabbrilkom il-ġejjieni.#Ġw 14,17-26; 15,26; 1 Ġw 2,27. 14Hu jagħtini glorja, għaliex jieħu minn dak li hu tiegħi u jħabbru lilkom. 15Dak kollu li għandu l-Missier huwa tiegħi. Għalhekk għedt li jieħu minn dak li hu tiegħi u jħabbru lilkom.#Ġw 17,10.
In-niket tagħkom għad jitbiddel f’hena
16“Ftit ieħor u ma tarawnix aktar; imbagħad ftit ieħor u terġgħu tarawni.”#Ġw 14,19. 17Għalhekk xi wħud mid-dixxipli tiegħu bdew jgħidu bejniethom: “X’ifisser dan li qiegħed jgħid, ‘Ftit ieħor u ma tarawnix aktar; imbagħad ftit ieħor u terġgħu tarawni,’ u li ‘Jiena sejjer għand il-Missier’?” 18Għalhekk qalu: “X’inhu dan il-‘ftit ieħor’ li hu qiegħed jgħid? Ma nafux xi jrid jgħid!” 19Ġesù għaraf li xtaqu jistaqsuh. Għalhekk qalilhom: “Qegħdin tistaqsu lil xulxin fuq dak li għedt, ‘Ftit ieħor u ma tarawnix aktar; imbagħad ftit ieħor u terġgħu tarawni’? 20Tassew tassew ngħidilkom, intom għad tibku u tingħu, iżda d-dinja għad tifraħ; għad iġġarrbu n-niket, imma n-niket tagħkom għad jitbiddel f’hena. 21Il-mara, meta tkun se tiled tħossha mdejqa, għax tkun waslet is-siegħa tagħha; iżda meta tkun twieldet it-tarbija, ma tiftakarx iżjed fl-uġigħ, bil-ferħ li twieled bniedem fid-dinja.#Is 13,8; 21,3; 26,17; Mik 4,9; 1 Tess 5,3. 22Hekk intom, issa tħossukom imdejqa; imma għad nerġa’ narakom u qalbkom tifraħ, u l-ferħ tagħkom ħadd ma jeħodhulkom.#Is 66,14. 23F’dak il-jum xejn ma tistaqsuni. Tassew tassew ngħidilkom, kulma titolbu lil Missieri f’ismi jagħtihulkom.#Ġw 14,13-14; 15,16; 1 Ġw 5,14-15. 24Sa issa ma tlabtu xejn f’ismi. Itolbu u taqilgħu, biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ.#Ġw 15,11.
Jiena rbaħt id-dinja
25“Dan għedthulkom bit-tixbihat. Għad tasal siegħa meta ma nkellimkomx aktar bit-tixbihat, imma bil-miftuħ inħabbrilkom dwar il-Missier.#Mt 13,34; Mk 4,33-34; Ġw 16,4. 26Dak inhar intom titolbu f’ismi, u ma ngħidilkomx li jien nitlob lill-Missier għalikom, 27għax il-Missier stess iħobbkom, billi intom ħabbejtu lili u emmintu li jiena ġejt mingħand Alla.#Ġw 3,2; 8,42; 13,3; 14,21-23; 17,8. 28Ħriġt mingħand il-Missier u ġejt fid-dinja. Se nerġa’ nħalli d-dinja u mmur għand il-Missier.”#Ġw 13,3. 29Id-dixxipli tiegħu qalulu: “Ara, issa qiegħed titkellem bil-miftuħ, u ebda tixbiha ma inti tgħid. 30Issa nafu li int taf kollox, u ma għandekx bżonn li wieħed jistaqsik. Għalhekk aħna nemmnu li inti ħriġt mingħand Alla.”#Ġw 2,24-25. 31Weġibhom Ġesù: “Temmnu issa? 32Ara, għad tiġi siegħa, u ġa waslet, meta tixterdu kull wieħed lejn daru, u lili tħalluni waħdi. Iżda waħdi m’iniex, għax il-Missier huwa miegħi.#Żak 13,7; Mt 26,31-56; Mk 14,27; Ġw 8,29. 33Dawn il-ħwejjeġ għedthomlkom ħalli bija jkollkom is-sliem. Fid-dinja tbatu jkollkom. Iżda agħmlu l-qalb: jiena rbaħt id-dinja!”#Ġw 14,27; 2 Tim 3,12; 1 Ġw 5,4.

Currently Selected:

ĠWANNI 16: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in