ĠENESI 39
39
Kapitlu 39
Ġużeppi f’dar Putifar
1U ’l Ġużeppi niżżluh l-Eġittu u Putifar, uffiċjal tal-Fargħun u kap tal-koki, raġel Eġizzjan, xtrah mingħand l-Ismagħelin, li kienu niżżluh hemmhekk. 2U l-Mulej kien ma’ Ġużeppi; għalhekk kien bniedem li kellu r-riżq. U baqa’ fid-dar ta’ sidu l-Eġizzjan.#1 Sam 3,19; 10,7; 18,14; 2 Sam 5,10; 2 Slat 18,7; Atti 7,9. 3U sidu ra li l-Mulej kien miegħu, u kulma kien imidd idu għalih il-Mulej kien jagħtih ir-risq. 4U Ġużeppi sab grazzja f’għajnejn sidu, u kien iservih, u hu qiegħdu fuq daru kollha, u fdalu f’idejh kulma kellu.#Dan 1,9. 5U mindu qiegħdu fuq daru u fuq kulma kellu, bierek il-Mulej dar l-Eġizzjan minħabba Ġużeppi; u l-barka tal-Mulej kienet fuq kulma kellu fid-dar u fir-raba’. 6U ħalla kulma kellu f’idejn Ġużeppi u ma kien irid jaf b’xejn mingħandu, ħlief bil-ħobż li hu kien jiekol.
U Ġużeppi kien ta’ sura sabiħa u wiċċu ħelu. 7U ġara li wara dan kollu, mart sidu xeħtet għajnejha fuq Ġużeppi u qaltlu: “Imtedd miegħi.” 8U hu ma riedx, u qal lil mart sidu: “Ara, sidi ma jrid jaf b’xejn mingħandi dwar x’hawn fid-dar, u kulma għandu rħieh f’idejja. 9Ħadd mhawn fuqi f’din id-dar, u hu ma ċaħħadni minn xejn ħlief minnek, għax inti martu. U kif nista’ nagħmel dan il-ħażen hekk kbir u nidneb kontra Alla.” 10U għalkemm hi kienet tkellem hekk lil Ġużeppi jum wara l-ieħor hu qatt ma sama’ minnha li jimtedd ma’ ġenbha jew li joqgħod magħha.#1 Mak 2,53.
11Ġara li darba waħda bħal dari Ġużeppi daħal id-dar jagħmel ix-xogħol tiegħu u ma kien hemm ħadd min-nies tad-dar ġewwa. 12U hi qabditu minn ħwejġu u qaltlu: Imtedd miegħi.” U hu telaq il-libsa f’idha, ħarab u ħareġ ’il barra. 13U ġara li, malli rat li ħalla ħwejġu f’idha u ħarab ’il barra, 14bdiet tgħajjat in-nies ta’ darha u tgħidilhom: “Araw, ġibilna raġel Għebrew biex jgħaddi ż-żmien bina. Resaq lejja biex jimtedd miegħi, u jien għajjatt għajta kbira. 15U hu malli semagħni ngħolli leħni u ngħajjat, ħalla ħwejġu ħdejja, u ħarab u ħareġ ’il barra.” 16U żammet ħwejġu ħdejha sakemm ġie sidu d-dar tiegħu. 17U hi tennietlu dan il-kliem kollu u qaltlu: “Resaq lejja dan l-ilsir Għebrew li int ġibtilna biex jgħaddi ż-żmien bija. 18U ġara li malli għollejt leħni u bdejt ngħajjat ħalla ħwejġu ħdejja, ħarab, u ħareġ ’il barra.” 19U malli sidu sama’ l-kliem li qaltlu martu: “Dawn il-ħwejjeġ għamilli l-ilsir tiegħek,” xegħel bil-qilla. 20U sidu qabad lil Ġużeppi u xeħtu l-ħabs fejn kienu magħluqa l-ħabsin tas-sultan. U hu baqa’ hemm fil-ħabs.#S 105,17-18.
21Imma l-Mulej kien ma’ Ġużeppi u wera tjieba miegħu, u għamel li jsib grazzja f’għajnejn il-kap tal-ħabs.#Atti 7,9-10. 22U l-kap tal-ħabs ħalla f’idejn Ġużeppi l-ħabsin kollha li kien hemm; u kulma kien isir hemm ġew kien jagħmlu hu. 23U l-kap tal-ħabs ma kienx jagħti kas ta’ dak li kien fdat f’idejn Ġużeppi, għax il-Mulej kien miegħu u kulma kien jagħmel il-Mulej kien iġibhulu ’l quddiem.
Currently Selected:
ĠENESI 39: MB20
Highlight
Share
Copy

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.