ĠENESI 37
37
Kapitlu 37
Il-ħolm ta’ Ġużeppi
1U Ġakobb kien jgħammar fl-art fejn kien jgħammar missieru bħala frustier fl-art ta’ Kangħan. 2Dan hu nisel Ġakobb:
Kellu sbatax-il sena Ġużeppi, meta kien jirgħa n-nagħaġ ma’ ħutu. Kien daqsxejn ta’ tifel għal ħdejn ulied Bilħa u wlied Żilfa, in-nisa ta’ missieru. U Ġużeppi wassal xniegħa ħażina fuqhom lil missierhom. 3Iżrael kien iħobb ’il Ġużeppi aktar minn ħutu kollha, għax kien twelidlu fi xjuħitu; u għamillu libsa twila bil-kmiem.#Ġen 37,23. 4U ħutu ntebħu li missierhom kien iħobbu aktar minn ħutu kollha; u saru jobogħduh u ma kellhomx ħila jkellmuh bis-sliem.
5U Ġużeppi ħolom ħolma u qalha lil ħutu, u dawn aktar bagħduh.#Ġen 42,9. 6U qalilhom: “Isimgħu din il-ħolma li ħlomt. 7Konna qegħdin norbtu l-qatet f’nofs l-għalqa, u, araw, il-qatta tiegħi tqum u baqgħet wieqfa, waqt li daru magħha l-qatet tagħkom u nxteħtu fl-art quddiemha.” 8U qalulu ħutu: “Ma nagħmlux mod li se ssaltan jew taħkem fuqna, hux?” U aktar komplew jobogħduh minħabba l-ħolm tiegħu u kliemu.#Ġen 50,17.
9U raġa’ ħolom ħolma oħra u qalha lil ħutu u qalilhom: “Erġajt ħlomt ħolma: ix-xemx u l-qamar u ħdax-il kewkba nxteħtu fl-art quddiemi.” 10Qalha wkoll lil missieru u lil ħutu; u missieru beda jlumu u jgħidlu: “X’inhi din il-ħolma li ħlomt? Jaqaw sa niġu jien u ommok u ħutek ninxteħtu fl-art quddiemek?”
11Ħutu komplew jgħiru għalih, imma missieru żamm f’moħħu dan il-kliem.#Dan 7,28; Lq 2,19; Atti 7,9.
Il-konfoffa kontra Ġużeppi
12U ħutu marru jirgħu l-imrieħel ta’ missierhom f’Sikem.#Għerf 10,13; Atti 7,9. 13U Iżrael qal lil Ġużeppi: “Ara ħutek qegħdin jirgħu f’Sikem, ejja ħa nibagħtek ħdejhom.” U hu wieġbu: “Hawn jien.” 14U qallu: “Mur u ara jekk humiex tajbin ħutek, u humiex tajbin l-imrieħel, u ejja għidli.” U bagħtu mill-wied ta’ Ħebron u mar Sikem.
15U ltaqa’ miegħu raġel, hu u jiġġerra fir-raba’, u dan staqsieh u qallu: “X’inti tfittex?” 16U wieġbu: “Lil ħuti qiegħed infittex. Għidli, jekk jogħġbok, fejn qegħdin jirgħu?” 17U dak ir-raġel qallu: “Telqu minn hawn, għax smajthom jgħidu: ‘Ħa mmorru Dotan.’ ” U rħielha Ġużeppi għal wara ħutu, u sabhom f’Dotan. 18U huma rawh mill-bogħod u sakemm wasal ħdejhom ftiehmu kif joqtluh. 19U bdew jgħidu lil xulxin: “Arah, ġej il-ħalliem! 20Issa ejjew ħa noqtluh u nixħtuh ġo xi bir, u mbagħad ngħidu li xi bhima selvaġġa kilitu, u naraw x’jiswielu l-ħolm tiegħu.”#Ġen 44,28. 21U Ruben sama’ u ħelsu minn idejhom, u qalilhom: “Ma nneħħulux ħajtu.” 22U żied jgħidilhom Ruben: “La xxerrdux demm. Ixħtuh f’dan il-bir li hawn fid-deżert, u la tmiddux idejkom fuqu.” Dan għamlu biex jeħilsu minn idejhom, u jroddu lil missieru.#Ġen 42,22. 23U ġara li malli Ġużeppi wasal ħdejn ħutu, neżżgħuh mil-libsa li kellu fuqu, il-libsa twila bil-kmiem, u 24qabduh u xeħtuh fil-bir. Il-bir kien battal, mingħajr ilma.
25Imbagħad qagħdu bilqiegħda jieklu l-ħobż. Kif refgħu għajnejhom raw karwana ta’ Ismagħelin ġejja minn Gilgħad bl-iġmla tagħhom mgħobbija bid-dragant, il-balzmu u l-lawdnu, sejrin iħottuhom l-Eġittu.#Ġen 43,11. 26U Ġuda qal lil ħutu: “X’se ndaħħlu jekk noqtlu ’l ħuna u naħbu demmu? 27Ejjew inbigħuh lill-Ismagħelin u ma mmiddux idejna fuqu, għax ħuna u laħamna hu.” U ħutu semgħu minnu.#Ġen 4,10; Ġob 16,18; Is 26,21.
28U għaddew xi neguzjanti Midjanin, u ġibdu lil Ġużeppi u tellgħuh mill-bir, u biegħu lil Ġużeppi lill-Ismagħelin b’għoxrin biċċa tal-fidda; u ’l Ġużeppi ħaduh l-Eġittu.#S 105,17-18; Għerf 10,13; Atti 7,9.
29Meta Ruben raġa’ lura lejn il-bir, sab li Ġużeppi ma kienx għadu hemm, u ċarrat ilbiesu. 30U raġa’ mar ħdejn ħutu u qalilhom: “It-tifel ma għadux hemm, u issa jien fejn se naqbad immur?” 31U qabdu l-libsa ta’ Ġużeppi, qatlu gidi, u ċappsu l-libsa bid-demm. 32U bagħtu l-libsa twila bil-kmiem u ħaduha għand missierhom u qalulu: “Sibna din. Ara jekk hijiex jew le l-libsa ta’ ibnek.” 33U hu raha u qal: “Din il-libsa ta’ ibni. Xi bhima selvaġġa kiefra kilitu u Ġużeppi mqatta’ bċejjeċ.”#Ġen 44,28. 34U Ġakobb ċarrat ilbiesu u geżwer xkora ma’ qaddu u għamel vistu għal ibnu għal żmien twil. 35U wliedu, subien u bniet, qamu biex ifarrġuh, imma hu ma riedx jaf b’faraġ, u qal: “Imnikket sa ninżel taħt l-art ħdejn ibni.” U missieru bkieh!#Ġen 42,38; Ġer 31,15.
36Il-Midjanin bigħuh lil Putifar, uffiċjal tal-Fargħun, kap tal-koki.
Currently Selected:
ĠENESI 37: MB20
Highlight
Share
Copy

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.