ĠENESI 35
35
Kapitlu 35
Alla jġedded il-patt ma’ Ġakobb
1U Alla qal lil Ġakobb: “Qum u itla’ lejn Betel, u oqgħod hemm. Tella’ hemm artal lil Alla li deherlek, meta kont maħrub minn quddiem ħuk Għesaw.”#Ġen 28,12-13. 2U Ġakobb qal lin-nies ta’ daru u ’l kull min kien miegħu: “Warrbu lill-allat barranin li hemm f’nofskom, tnaddfu u biddlu ħwejjiġkom. 3Imbagħad inqumu u nitilgħu Betel, u ntellgħu hemm artal lil Alla, li weġibni meta kont fil-hemm u baqa’ miegħi fit-triq li kont qbadt.” 4U taw lil Ġakobb l-allat kollha barranin li kellhom, u l-imsielet li kellhom f’widnejhom, u Ġakobb radamhom taħt il-balluta ta’ ħdejn Sikem.#Ġen 12,6.
5Imbagħad refgħu l-kamp, u l-biża’ ta’ Alla waqa’ fuq l-ibliet ta’ madwarhom, u ħadd ma għamel għal wara wlied Ġakobb.#Ġen 34,30. 6U Ġakobb wasal Luż - li hi Betel - li hemm fl-art ta’ Kangħan, hu u n-nies kollha li kellu miegħu.#Ġen 28,19; Ġoż 18,13; Mħ 1,22-23. 7U bena hemm artal u semma l-post: El-Betel, għax hemm kien deherlu Alla meta ħarab minn quddiem ħuh.#Ġen 28,12-13. 8U mietet Debora, l-imraddgħa ta’ Rebekka, u difnuha ’l isfel minn Betel, taħt il-balluta u semmieha: Allon-bakut. 9U raġa’ deher Alla lil Ġakobb, meta ġie minn Fiddien-aram, u bierku. 10U Alla qallu: “Int jismek Ġakobb, ma jissejjaħx iżjed ismek Ġakobb, imma Iżrael ikun ismek.” U sejjaħlu ismu Iżrael.#Ġen 32,29; 1 Slat 18,31; 2 Slat 17,34. 11U Alla qallu: “Jien El-Xaddaj. Nissel u oktor, għax ġens u ġemgħa ta’ ġnus jitnisslu minnek u slaten joħorġu minn ġenbejk.#Ġen 17,1. 12U l-art li jien tajt lil Abraham, u lil Iżakk, lilek ukoll nagħtiha; u lil nislek nagħtihom din l-art warajk.”#Ġen 12,7; Eż 32,13; Lhud 11,9.
13Imbagħad Alla tala’ ’l fuq minn ħdejh, fejn kien kellmu. 14U Ġakobb waqqaf plier fejn kien kellmu, plier tal-ġebel; u raxxax l-inbid fuqu u sawwab iż-żejt.#Ġen 28,18; 31,45. 15U Ġakobb semma l-post fejn kellmu Alla Betel.
It-twelid ta’ Benjamin u l-mewt ta’ Rakel
16Imbagħad refgħu l-kamp, u telqu minn Betel; u meta kien għad fadlilhom biċċa triq sewwa għal Efrata, Rakel wildet, u kellha ħlas iebes. 17U ġara li xħin kienet qiegħda titħabat biex teħles il-qabla qaltilha: “La tibżax, għax dan ukoll se jkunlek tifel.” 18U hi u ħierġa ruħha - għax kienet qiegħda tmut - sejħet ismu Benoni, iżda missieru semmieh Benjamin. 19U Rakel mietet u difnuha fit-triq ta’ Efrata, li hi Betlehem.#Ġen 48,7; 1 Sam 10,2. 20U Ġakobb waqqaf plier fuq qabarha, li hu l-plier tal-qabar ta’ Rakel, u għadu hemm sal-lum.#Mik 5,1-2.
21Iżrael rafa’ l-kamp u mar waqqaf l-għarix tiegħu ’l hemm minn Migdol-għeder.#Ġen 49,3-4; 1 Kron 5,1. 22U meta Iżrael kien jgħammar f’dik l-art, Ruben mar jimtedd ma’ Bilħa, il-konkubina ta’ missieru, u Iżrael sema’ b’dan.
Il-familja ta’ Ġakobb
Ulied Iżrael kienu tnax.#Ġen 29,31—30,24. 23Ulied Lija: Ruben, il-kbir ta’ Ġakobb, Simgħon, Levi, Ġuda, Issakar u Żebulun.
24Ulied Rakel: Ġużeppi u Benjamin.
25Ulied Bilħa, il-qaddejja ta’ Rakel: Dan u Naftali.
26Ulied Żilfa, il-qaddejja ta’ Lija: Gad u Aser. Dawn ulied Ġakobb li tweldulu f’Fiddien-aram.
Il-mewt ta’ Iżakk
27U Ġakobb ġie għand missieru Iżakk f’Mamri, Kirjat-arba, jiġifieri f’Ħebron, fejn kienu għammru Abraham u Iżakk. 28Iżakk kellu mija u tmenin sena 29meta ħa l-aħħar nifs u miet, xiħ u mimli bil-għomor, u nġabar ma’ niesu. U difnuh uliedu Għesaw u Ġakobb.
Currently Selected:
ĠENESI 35: MB20
Highlight
Share
Copy

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.