ĠENESI 34
34
Kapitlu 34
It-tkasbir ta’ Dina
1U Dina, bint Lija, li kienet wilditha lil Ġakobb, ħarġet tara n-nies ta’ dik l-art. 2U raha Sikem, bin Ħamor il-Ħiwwi, li kien prinċep ta’ dak il-post, u ħadha u raqad magħha u kasbarha. 3U nġibdet qalbu lejn Dina bint Ġakobb; u ż-żagħżugħ lit-tifla ħabbha u beda jkellimha bil-ħlewwa, u qalilha kliem li laqtilha qalbha. 4Imbagħad Sikem kellem lil missieru Ħamor u qallu: “Ħudli b’marti ’l din it-tifla.” 5U Ġakobb sama’ li tebbgħu lil bintu Dina, waqt li wliedu kienu fir-raba’ bil-merħla tiegħu; imma Ġakobb baqa’ sieket sakemm ġew. 6U Ħamor, missier Sikem, ħareġ ikellem lil Ġakobb. 7Meta wlied Ġakobb ġew lura mir-raba’ u semgħu, għadbu u xegħlu b’qilla kbira, għax Sikem kien mexa ħażin ma’ Iżrael, meta raqad ma’ bint Ġakobb - ħaġa li ma għandhiex issir. 8U Ħamor kellimhom u qalilhom: “Ibni Sikem qalbu ntrabtet ma’ bintkom, żewġuhielu u tħalltu magħna; 9agħtuna l-bniet tagħkom, u ħudu għalikom il-bniet tagħna. 10Oqogħdu magħna; f’idejkom l-art, għammru fiha, inneguzjaw u iksbu l-art fiha.”
11Imbagħad Sikem qal lil missierha u ’l ħutha: “Jekk jien sibt ħniena f’għajnejkom, kulma tgħiduli nagħtihulkom. 12Imqar jekk iżżiduli l-ħlas u r-rigal, jien nagħtikom kemm tgħiduli, imma agħtuni t-tifla b’marti.” 13U wlied Ġakobb wieġbu u qarrqu b’Sikem u b’Ħamor missieru, għax kien tabba’ ’l oħthom Dina. 14U qalulhom: “Ma nistgħux nagħmlu ħaġa bħal din, li nagħtu lil oħtna lil wieħed mhux maħtun, dan ikun għajb għalina. 15Hekk biss naqtgħulkom xewqitkom: jekk issiru bħalna, u kull raġel fostkom jinħaten.#Ġen 17,10. 16Imbagħad nagħtukom il-bniet tagħna u aħna nieħdu l-bniet tagħkom; u ngħammru magħkom u nsiru poplu wieħed. 17Jekk ma tisimgħux minna u ma tinħatnux, naqbdu t-tifla tagħna u nitilqu.”
18Dan kliemhom għoġobhom, lil Ħamor u ’l Sikem bin Ħamor. 19U ż-żagħżugħ ma ddawwarx ma għamel din il-ħaġa, għax kien iħobb tassew lil bint Ġakobb, u hu kien l-iktar miġjub f’dar missieru.
20U Ħamor u ibnu Sikem marru ħdejn il-bieb tal-belt tagħhom biex ikellmu n-nies tal-belt u jgħidulhom:#Mħ 6,24. 21“Dawn in-nies huma ħbieb tagħna; ħa jgħammru f’din l-art u jinneguzjaw fiha. Hemm wisa’ biżżejjed għalihom fl-art kull fejn iddur. Ħa nieħdu l-bniet tagħhom b’nisa tagħna u lilhom nagħtuhom il-bniet tagħna. 22Imma dawn in-nies ħaġa waħda jitolbu mingħandna biex jgħammru magħna, u nsiru poplu wieħed: jiġifieri li kull raġel fostna jinħaten, bħalma huma maħtunin huma. 23L-imrieħel tagħhom, il-ġid tagħhom, u l-bhejjem tagħhom ma jkunux kollha tagħna? Ħa naqtgħulhom xewqithom, u jgħammru magħna.” 24U ’l Ħamor u ’l Sikem tawhom widen dawk kollha li kienu ħerġin mill-bieb tal-belt, u nħatnu l-irġiel kollha li kienu ħerġin minn bieb il-belt.
25U ġara li fit-tielet jum, kif kienu għadhom miġruħa, Simgħon u Levi, ħut Dina, kull wieħed bix-xabla tiegħu, daħlu l-belt b’qalbhom qawwija u qatlu l-irġiel kollha.#Ġen 49,5-7. 26U ’l Ħamor u ’l ibnu Sikem għaddewhom minn xifer is-sejf, u ħarġu ’l Dina minn dar Sikem u telqu ’l barra.#Ġdt 9,2-4. 27Imbagħad ulied Ġakobb intefgħu fuq il-maqtulin u serqu l-belt, għax kienu tebbgħulhom lil oħthom. 28U ħadu l-imrieħel u l-baqar li kellhom, il-ħmir tagħhom u kulma kien hemm fil-belt u kulma kien hemm fir-raba’. 29Ħadulhom ġidhom kollu, u ħadu f’idejhom it-tfal tagħhom u n-nisa tagħhom, b’kulma kien hemm ġewwa d-dar.
30U Ġakobb qal lil Simgħon u lil Levi; “Ħawwadtuni u bgħadtuni man-nies ta’ din l-art, il-Kangħanin u l-Periżżin; in-nies tiegħi huma ftit; jekk jingħaqdu kontrija, u jaħbtu għalija, ninqered jien u dari.”#Ġen 13,7. 31U huma weġbuh: “Forsi kellhom jimxu ma’ oħtna bħallikieku ma’ xi mara żienja?”
Currently Selected:
ĠENESI 34: MB20
Highlight
Share
Copy

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.