ĠENESI 30
30
Kapitlu 30
Ulied Żilfa u Bilħa
1U Rakel rat li ma wilditx tfal lil Ġakobb, u bdiet tgħir għal oħtha. U qalet lil Ġakobb: “Agħtini t-tfal, għax se mmut.” 2U xegħel Ġakobb bl-għadab għal Rakel u qalilha: “Jaqaw jien flok Alla, li ċaħħdek minn frott il-ġuf?” 3U hi wieġbet: “Ara, hemm il-qaddejja tiegħi Bilħa, ersaq lejha, biex tiled fuq ħoġri#30,3: Biex tiled fuq ħoġri: kif titwieled it-tarbija kienu jeħduha u jqegħduha f’ħoġor missierha biex jagħrafha b’tiegħu. Rakel tinqeda b’dan il-ġest biex tafferma d-dritt legali tagħha fuq it-tarbija: adottat lil bin il-qaddejja bħala binha., u jkolli t-tfal minnha jien ukoll.”#Ġen 16,2-4. 4U tatu lill-qaddejja tagħha Bilħa b’martu, u Ġakobb resaq lejha. 5U Bilħa tqalet u wildet tifel lil Ġakobb. 6U Rakel qalet: “Alla għamel ħaqq miegħi u sama’ leħni, u tani iben.” Għalhekk semmietu Dan. 7U Bilħa, il-qaddejja ta’ Rakel, reġgħet tqalet u wildet għat-tieni darba tifel lil Ġakobb. 8U Rakel qalet: “Ġlieda kbira#30,8: Ġlieda kbira: letteralment “ġlieda tal-allat iġġelidt.” Hu wisq probabbli din l-espressjoni idjomatika kienet tirreferi għat-taqbid kbir bejn l-allat fil-mitoloġija ta’ Kangħan. Fil-Ġenesi tilfet it-tifsira oriġinali li kellha. ġġelidt ma’ oħti, u rbaħt.” U għalhekk semmietu Naftali.
9U Lija rat li waqfet mit-twelid u qabdet lil Żilfa, il-qaddejja tagħha, u tatha lil Ġakobb b’martu. 10U Żilfa, il-qaddejja ta’ Lija, wildet tifel lil Ġakobb. 11U Lija qalet: “B’xortija.” U semmietu Gad. 12U Żilfa, il-qaddejja ta’ Lija, wildet għat-tieni darba lil Ġakobb. 13U Lija qalet: “Ferħana issa! Għax in-nisa jifirħuli.” U semmietu Aser.
14U Ruben, fi żmien il-ħsad tal-qamħ, mar fir-raba’ u sab xi mandragoli#30,14: Mandragoli: ħaxixa b’konnotazzjoni sesswali. Kienu jeħduha n-nisa għaliex kienu jemmnu li setgħet tgħinhom jikkonċepixxu f’ġufhom., u ħadhom lil ommu Lija. U Rakel qalet lil Lija: “Agħtini mill-mandragoli ta’ ibnek.” 15U hi qaltilha: “Mhux biżżejjed li ħadtli ’l żewġi, trid issa teħodli wkoll il-mandragoli ta’ ibni?” U Rakel wieġbet: “Mela llejla jista’ jorqod miegħek bi ħlas għall-mandragoli tiegħek.”
16U Ġakobb, hu u ġej lura mir-raba’, marret tilqgħu Lija u qaltlu: “Ersaq lejja, għax xtrajtek bil-mandragoli ta’ ibni.” U dak il-lejl raqad magħha. 17U Alla sama’ lil Lija, u hi tqalet u wildet għall-ħames darba tifel lil Ġakobb. 18U Lija qalet: “Alla ħallasni talli tajt il-qaddejja tiegħi lil żewġi.” U semmietu Issakar. 19U Lija reġgħet tqalet u wildet tifel għas-sitt darba lil Ġakobb. 20U Lija qalet: “Alla tani dota tajba, issa żewġi jibqa’ miegħi għax wellidtlu sitt subien.” U semmietu Żebulun. 21Imbagħad wildet tifla, u semmietha Dina. 22U Alla ftakar f’Rakel u semagħha u fetħilha ġufha.
23U tqalet u wildet tifel, u qalet: “Neħħieli għajbi minn fuqi Alla!”#Lq 1,25. 24U semmietu Ġużeppi, għax qalet: “Jalla l-Mulej iżidli tifel ieħor.”
Ġakobb jilgħab lil Laban
25Meta Rakel wildet lil Ġużeppi, Ġakobb qal lil Laban: “Ħallini mmur lejn pajjiżi u lejn arti. 26Agħtini n-nisa tiegħi u lil uliedi, għax jien ħdimtlek għalihom, u nitlaq. Għax int taf bix-xogħol li ħdimtlek.” 27U Laban qallu: “Jekk jien sibt għajn tajba fik, bit-teħbir indunajt li l-Mulej berikni minħabba fik.” 28U ssokta jgħidlu: “Għidli x’inhu ħlasek, u nagħtihulek.”
29U Ġakobb qallu: “Inti taf kemm ħdimtlek u kif saret il-merħla tiegħek miegħi. 30Il-ftit li kellek qabel ġejt jien, issa kotor bil-bosta u l-Mulej bierkek mindu ġejt jien. Meta se nibda naħdem jien għal dari wkoll?” 31U Laban qallu: “Xi tridni nagħtik?” U Ġakobb wieġeb: “Tagħtini xejn. Jekk inti tagħmilli li se ngħidlek, jien nerġa’ nirgħa l-merħla tiegħek u nħarisha. 32Jien ngħaddi llum qalb il-merħla tiegħek kollha, u int warrab minnha kull nagħġa mnaqqxa u mtabbgħa, u kull nagħġa sewda minn fost il-ħrief u kulma hu mtabba’ u mnaqqax minn fost il-mogħoż; u dan ikun ħlasi. 33U għada pitgħada meta tiġi biex tħallasni, jixhed għalija s-sewwa tiegħi. Kulma jkun għandi li ma jkunx imnaqqax u mtabba’ fost il-mogħoż u iswed fost il-ħrief, ikun qisu misruq.” 34U Laban wieġeb: “Tajjeb! Ikun kif għedt int.”
35U dak in-nhar Laban warrab fil-ġenb il-bdabad imżewqa u mtabbgħa u kull mogħża mnaqqxa u mtabbgħa - kulma kien fih l-abjad - u kulma kien iswed fost il-ħrief. U telaqhom f’idejn uliedu. 36U mbagħad tbiegħed minnu tlitt ijiem mixi. U Ġakobb baqa’ jirgħa l-merħla l-bajda li kien baqa’.
37U Ġakobb ħa friegħi tal-luq, tal-lewż u tad-dolf u għamel fihom strixxi bojod billi qaxxarhom u kixef l-abjad tal-friegħi. 38Imbagħad qiegħed il-friegħi li kien qaxxar fil-ħwat u l-misqjiet tal-ilma għal quddiem l-imrieħel li kienu jiġu jixorbu hemm; u l-imrieħel kienu jisħnu huma u jixorbu. 39U saħnu l-imrieħel quddiem il-friegħi u wildu friegħ imżewqa, mnaqqxa u mtabbgħa.
40U l-ħrief Ġakobb firidhom għalihom u dawwar wiċċ in-nagħaġ lejn kulma kien imżewwaq u iswed fil-merħla ta’ Laban. U hekk rawwem imrieħel għalih waħdu, u ma ħallathomx mal-merħla ta’ Laban. 41U ġara li kull meta kienu jisħnu n-nagħaġ b’saħħithom, Ġakobb kien iqiegħed il-friegħi fil-ħwat quddiem għajnejhom biex jisħnu huma u jħarsu lejn il-friegħi. 42Imma quddiem in-nagħaġ dgħajfa ma kienx iqegħedhom. U hekk id-dgħajfa kienu jkunu ta’ Laban u dawk b’saħħithom ta’ Ġakobb. 43U r-raġel far b’ġid kbir ħafna u kellu mrieħel kbar, qaddejja rġiel u nisa, iġmla u ħmir.
Currently Selected:
ĠENESI 30: MB20
Highlight
Share
Copy

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.