YouVersion Logo
Search Icon

ĠENESI 29

29
Kapitlu 29
1Imbagħad Ġakobb iċċaqlaq, u telaq lejn art in-nies tal-Lvant. 2U ħares, u lemaħ bir f’għalqa, u kien hemm tliet imrieħel nagħaġ mimduda ħdejh; għax minn dak il-bir kienu jisqu l-imrieħel; imma l-blata fuq il-ħerża tal-bir kienet kbira wisq.#Ġen 24,11-12. 3U kienu jinġabru hemm l-imrieħel kollha, u mbagħad jaqilbu l-blata minn fuq ix-xifer tal-bir, u jisqu l-imrieħel, u jerġgħu jqiegħdu l-blata f’postha fuq xifer il-bir.
4U Ġakobb qalilhom: “L-aħwa tiegħi, minn fejn intom?” U huma weġbuh: “Minn Ħaran aħna!” 5U staqsiehom: “Tafu intom lil Laban bin Naħor?” U huma weġbuh: “Nafuh.”#Tob 7,4. 6U qalilhom: “Jinsab tajjeb?” U qalulu: “Tajjeb. Ara, bintu Rakel ġejja bil-merħla!” 7U qalilhom: “Araw il-jum għadu fl-aqwa tiegħu, mhux ħin li jinġabru l-imrieħel. Isqu n-nagħaġ, u morru irgħuhom.” 8U huma qalulu: “Ma nistgħux qabel ma jinġabru l-imrieħel kollha, u jaqilbu l-blata minn fuq il-ħerża tal-bir, u mbagħad nisqu l-imrieħel.”
9Kien għadu jitkellem magħhom, meta Rakel waslet bin-nagħaġ ta’ missierha, għax kienet ragħajja. 10U malli Ġakobb ra lil Rakel bint Laban, ħu ommu, u l-imrieħel ta’ Laban, ħu ommu, Ġakobb resaq u qaleb il-blata minn fuq il-ħerża tal-bir, u seqa l-merħla ta’ Laban, ħu ommu. 11U Ġakobb bies lil Rakel, u għolla leħnu u beka. 12U Ġakobb għarraf lil Rakel li hu kien ħu missierha u bin Rebekka. U hi telqet tiġri tagħti l-aħbar lil missierha. 13U ġara li malli Laban sama’ bl-aħbar ta’ Ġakobb bin oħtu, mar jiġri jilqgħu, għannqu u biesu, u ħadu d-dar tiegħu. U Ġakobb beda jgħid lil Laban dawn il-ħwejjeġ kollha. 14U Laban qallu: “Tassew int għadmi u laħmi.”
Iż-żwieġ ta’ Ġakobb
15Kien ilu xahar joqgħod miegħu, meta Laban qal lil Ġakobb: “Għax int ħija, se taħdimli b’xejn? Għidli x’għandu jkun ħlasek.” 16U Laban kellu żewġt ibniet: il-kbira kien jisimha Lija, u ż-żgħira Rakel. 17Għajnejn Lija kienu mitfija, imma Rakel kien fiha mara sabiħa f’suritha u ħelwa fl-għajn. 18U Ġakobb ħabb lil Rakel u qal lil Laban: “Naħdimlek għal seba’ snin għal Rakel, bintek iż-żgħira.” 19U Laban wieġbu: “Aħjar nagħtiha lilek milli lil ħaddieħor. Mela oqgħod miegħi.” 20U Ġakobb baqa’ għal seba’ snin jaħdem għal Rakel; u kienu qishom għalih ftit jiem, daqs kemm kien iħobbha.#Hos 12,13.
21U Ġakobb qal lil Laban: “Agħtini lil marti, għax għalaq iż-żmien, ħa nersaq lejha.” 22U Laban ġabar in-nies kollha tal-post u għamel ikla. 23Filgħaxija, imbagħad, qabad lil bintu Lija, u ħadha għand Ġakobb, u dan resaq lejha. 24U Laban ta l-qaddejja tiegħu Żilfa lil bintu Lija bħala qaddejja tagħha. 25Filgħodu, imbagħad, Ġakobb ra li kienet Lija#29,25: Ġakobb ra li kienet Lija: ma ntebaħx qabel, għax l-għarusa kienu jressquha lejn żewġha bil-velu fuqha. u qal lil Laban: “X’inhu dan li għamiltli? Għal Rakel qgħadt naħdem miegħek. Għala qarraqt bija?” 26U Laban wieġbu: “Għax f’dawn l-inħawi ma jagħmlux hekk, li jagħtu ż-żgħira qabel il-kbira. 27Temm il-ġimgħa ma’ din, u nagħtik lil dik ukoll, bi ħlas tax-xogħol li tagħmilli għal seba’ snin oħra.”
28U Ġakobb għamel hekk: temm il-ġimgħa ma’ dik, u l-ieħor tah lil bintu Rakel b’martu. 29U Laban ta ’l Bilħa, il-qaddejja tiegħu, lil bintu Rakel, b’qaddejja tagħha. 30U Ġakobb resaq ukoll lejn Rakel; u kien iħobb lil Rakel aktar minn Lija. U baqa’ jaħdem miegħu għal seba’ snin oħra.#Dt 21,15-17.
31U l-Mulej ra li Ġakobb lil Lija ma kienx iġibha, għalhekk fetħilha ġufha; iżda Rakel baqgħet bla tfal. 32U Lija tqalet u wildet iben u semmietu Ruben, għax qalet: “Għax ra l-Mulej hemmi#29,32: U semmietu Ruben, għax qalet “Għax ra l-Mulej hemmi”: l-ispjegazzjonijiet ta’ dan l-isem, u ta’ oħrajn li ġejjin, huma bbażati fuq l-assonanza u l-etimoloġija popolari. L-isem kellu valur simboliku qawwi; hu u l-persuna li ġġibu kienu ħaġa waħda., u issa żewġi jibda jħobbni.”#Ġen 49,3. 33U reġgħet tqalet, u wildet iben u qalet: “Sama’ l-Mulej li miniex miġjuba, u tani ’l dan ukoll.” U semmietu Simgħon. 34U reġgħet tqalet, u wildet iben u qalet: “Din id-darba jinġibed żewġi lejja, għax wilidtlu tlitt itfal.” Għalhekk semmietu Levi. 35U reġgħet tqalet u wildet iben u qalet: “Issa din id-darba nfaħħar lill-Mulej.” Għalhekk semmietu Ġuda. U ma wilditx iżjed.#Mt 1,2; Lq 3,33.

Currently Selected:

ĠENESI 29: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in