YouVersion Logo
Search Icon

ĠENESI 31

31
Kapitlu 31
Ġakobb jaħseb biex jaħrab
1U Ġakobb sama’ x’kienu qegħdin jgħidu wlied Laban: “Ġakobb ħadilna kulma għandu missierna, 2għax dan il-ġid kollu għamlu minn ħwejjeġ missierna.” U Ġakobb beda jara li wiċċ Laban ma kienx għadu miegħu bħal qabel. 3U l-Mulej qal lil Ġakobb: “Erġa’ lura lejn art missirijietek u art twelidek, u jien inkun miegħek.”#Ġen 26,3; 28,15; 32,10. 4U Ġakobb bagħat isejjaħ lil Rakel u lil Lija mill-għalqa ħdejn il-merħla tiegħu. 5U qalilhom: “Jien qiegħed nara li wiċċ missierkom ma għadux miegħi bħal qabel. Imma Alla ta’ missieri kien dejjem miegħi. 6U intom tafu li jien ħdimt għal missierkom b’ħilti kollha; 7imma missierkom qarraq bija u biddilli ħlasi għaxar darbiet, iżda Alla ma ħalliehx jagħmilli d-deni.#Ġdt 8,26. 8Jekk kien jgħidli: ‘L-imnaqqxa jkunu ħlasek,’ l-imrieħel kienu jildu mnaqqxa u jekk jgħidli: ‘L-imżewqa jkunu ħlasek,’ l-imrieħel kollha kienu jildu mżewqa. 9U Alla kien jieħu mill-merħla ta’ missierkom, u jagħtihom lili. 10U ġara li fi żmien is-saħna tal-imrieħel, jien erfajt għajnejja fil-ħolm u rajt l-imtaten jitilgħu fuq in-nagħaġ li kienu mżewqa, imnaqqxa u mtektka. 11U l-anġlu ta’ Alla sejjaħli fil-ħolm: ‘Ġakobb!’ U jien weġibt: ‘Hawn jien.’ 12U qalli: ‘Erfa’ għajnejk u ara l-imtaten kollha li telgħin fuq in-nagħaġ huma mżewqa, imnaqqxa u mtektka, għax jien rajt kulma għamillek Laban. 13Jiena Alla ta’ Betel, fejn int dlikt plier u għamiltli wegħda. Qum issa, oħroġ minn din l-art u erġa’ lura lejn art twelidek.’ ”#Ġen 28,18-22.
14U Rakel u Lija weġbuh u qalulu: “Baqgħalna xi sehem jew wirt f’dar missierna? 15Ma aħniex qisna barranin għalih? Ma begħniex u kiel ukoll flusna#31,15: U kiel ukoll flusna: Dawn kienu l-flus li l-għarus kien iħallas lil missier l-għarusa. Kellhom jibqgħu mwarrba bħala dota għaliha u jibqgħu tagħha.? 16Il-ġid li Alla ħa mingħand missierna tagħna hu u ta’ wliedna. Mela issa kulma ordnalek Alla, agħmlu.”#Għerf 10,10-11.
17U Ġakobb qam u rikkeb lil uliedu u lin-nisa tiegħu fuq l-iġmla. 18U saq l-imrieħel kollha, u l-ġid kollu li kien kiseb - il-bhejjem kollha li kien rawwem f’Fiddien-aram - biex imur għand Iżakk missieru fl-art ta’ Kangħan.
19Laban kien mar iġiżż in-nagħaġ meta Rakel serqet it-terafim#31,19: Rakel serqet it-terafim: it-terafim kienu jservu għat-teħbir tal-ġejjieni. Laban isejħilhom ‘allat tiegħu’. Rakel għandha mnejn ħadithom biex iħarsuha mill-għawġ matul vjaġġ twil u iebes., l-idoli ta’ missierha.#Mħ 17,5; 1 Sam 19,13; 2 Slat 23,24; Hos 3,4. 20U Ġakobb ħeba u qarraq b’Laban l-Arami, għax ma qallux li kien se jaħrab. 21U ħarab b’kulma kellu, u qam u qasam ix-xmara u dawwar wiċċu lejn il-muntanji ta’ Gilgħad. 22Fit-tielet jum Laban waslitlu l-aħbar li Ġakobb kien ħarab. 23U hu ħa ’l qrabatu miegħu u għamel għal warajh għal sebat ijiem mixi u laħqu fuq l-għoljiet ta’ Gilgħad. 24U Alla ġie għand Laban l-Arami fil-ħolm billejl u qallu: “Qis li ma tkellimx lil Ġakobb, la tajjeb u la ħażin.”#Għerf 10,12. 25U Laban laħaq lil Ġakobb. Dan kien waqqaf il-kamp tiegħu fuq l-għoljiet, u Laban bi qrabatu miegħu waqqaf il-kamp tiegħu fuq l-għoljiet ta’ Gilgħad.
26U Laban qal lil Ġakobb: “X’għamilt biex ħbejtli u qarraqt bija, u ħadtli l-bniet tiegħi qishom priġunieri tal-gwerra? 27Għala ħrabt bil-moħbi, u qarraqt bija, u ma għedtlix biex jien kont inqabbdek it-triq bil-ferħ u l-għana, bid-daqq tat-tnabar u taċ-ċetra. 28Lanqas ħallejtni biss inbus is-subien u l-bniet tiegħi. Imxejt tassew ta’ iblah! 29Jien nista’ nagħmlilkom il-ħsara, imma Alla ta’ missierkom kellimni dan il-lejl u qalli: ‘Qis li ma tgħid xejn lil Ġakobb, la tajjeb u la ħażin.’ 30U issa saħħa li tlaqt, la darba int daqshekk miġbud lejn dar missierek, għala sraqtli l-allat tiegħi?” 31U Ġakobb wieġeb lil Laban: “Għax bżajt u għedt li ma tmurx teħodli bilfors il-bniet tiegħek. 32Għand min issib l-allat tiegħek ma jibqax ħaj. Hawn quddiem qrabatna, fittex x’għandi tiegħek u ħudu.” Ġakobb ma kienx jaf li Rakel kienet serqithom.
33U Laban daħal fl-għarix ta’ Ġakobb, fl-għarix ta’ Lija u fl-għerejjex taż-żewġ qaddejja, u ma sab xejn; u ħareġ mill-għarix ta’ Lija, u daħal fl-għarix ta’ Rakel. 34U Rakel qabdet it-terafim u ħbiethom fis-sarġ tal-ġemel, u qagħdet bilqiegħda fuqhom; u Laban teftef mal-għarix kollu, u ma sab xejn.#Ġen 31,19; Lev 15,19-20. 35U hi qalet lil missierha: “Ma jeħodhiex bi kbira sidi, li ma nistax inqum quddiemek, għax bħalissa għandi l-imxija tan-nisa.” U hu fittex, u t-terafim ma sabhomx. 36U xegħel Ġakobb bil-għadab, u ħadha ma’ Laban; wieġbu u qal lil Laban: “Fiex inqastek? X’inhu dnubi, biex ġejt sħun sħun għal warajja? 37Teftift ħwejġi kollha, u x’sibt minn ħwejjeġ darek? Qegħedhom hawn quddiem ħuti u ħutek, ħa jagħmlu ħaqq bejnietna t-tnejn. 38F’dawn l-għoxrin sena li ili miegħek in-nagħaġ u l-mogħoż tiegħek qatt ma korrew fi ħlashom, u jien mill-imtaten tiegħek qatt ma kiltlek. 39Bhima żbranata qatt ma ġibtlek lura; jien kont nagħmel tajjeb għaliha, lili kont tfittex għal kulma kien jinsteraq billejl jew binhar.#Eż 22,11-12. 40Binhar kienet tkiddni s-sħana, u billejl il-ksieħ, u n-ngħas kien itir minn għajnejja. 41Għoxrin sena ili f’darek; għal erbatax-il sena ħdimtlek għaż-żewġ bnietek, u sitt snin għall-imrieħel tiegħek, u għaxar darbiet biddiltli ħlasi. 42Li ma kienx miegħi Alla ta’ missieri, Alla ta’ Abraham, u Alla, il-Biża’ ta’ Iżakk, kieku issa kont tibgħatni b’idi f’idi. Alla ra hemmi u xogħol idejja, u l-lejl li għadda ta s-sentenza.”#Ġen 31,24-29.
43U Laban wieġeb lil Ġakobb u qallu: “Dawn il-bniet huma bnieti; u dawn is-subien huma wliedi, l-imrieħel huma mrieħel tiegħi, u kulma inti qiegħed tara hu tiegħi. X’nista’ nagħmel illum għal dawn il-bniet u l-ulied li huma wildu? 44Issa, ejja nagħmlu patt bejni u bejnek, u jkun xhud bejni u bejnek.”
45U Ġakobb qabad blata, u waqqafha bħala plier.#Ġen 28,18; 35,14. 46U Ġakobb qal lil niesu: “Iġbru l-ħaġar.” U ġabru l-ħaġar u għamluh borġ; u għamlu ikla ħdejn il-borġ. 47Laban sejjaħlu: Ġegar-xaħduta, imma Ġakobb sejjaħlu Galgħed. 48U Laban qal: “Dan il-borġ ikun xhud bejni u bejnek illum,” u għalhekk sejjaħlu: Galgħed; 49u l-plier sejjaħlu Misfa, għassa, għax qal ukoll: “Ħa jgħasses il-Mulej bejni u bejnek, meta nitwarrbu minn xulxin. 50Jekk inti tgħakkes lil bnieti, jew tieħu nisa oħra barra wliedi, għalkemm ma hawn ħadd magħna jarana, Alla xhud bejni u bejnek.”
51U żied jgħid Laban lil Ġakobb: “Ara dan il-borġ u ara dan il-plier li jien waqqaft bejni u bejnek. 52Xhud dan il-borġ u xhud dan il-plier, li jien ma ngħaddix lejk ’l hemm minn dan il-borġ, u li int ma tgħaddix lejja ’l hawn minn dan il-borġ u dan il-plier, biex nagħmlu deni lil xulxin. 53Alla ta’ Abraham u Alla ta’ Naħor u Alla ta’ missierhom jagħmlu ħaqq bejnna,” u ħalef Ġakobb b’Alla, il-Biża’ ta’ missieru Iżakk. 54U offra Ġakobb sagrifiċċju fuq il-muntanja, u stieden lil qrabatu biex jieklu; u huma kielu u għaddew il-lejl fuq il-muntanja.

Currently Selected:

ĠENESI 31: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in