ĠENESI 20
20
Kapitlu 20
Abraham f’Gerar
1U Abraham telaq minn hemm lejn in-Negeb, u baqa’ jgħammar bejn Kades u Sur; u baqa’ bħal frustier f’Gerar.#Ġen 12,10-20; 26,1-11. 2U Abraham kien jgħid dwar Sara, martu: “Din oħti.” U Abimelek sultan ta’ Gerar bagħat jieħu lil Sara b’martu. 3U Alla ġie billejl fil-ħolm għand Abimelek u qallu: “Arak, int se tmut minħabba l-mara li ħadt, għax hi miżżewġa.” 4Imma Abimelek kien għadu ma resaqx lejha, u għalhekk qallu: “Int teqred ukoll in-nies sewwa? 5Mhux hu qalli ‘Din hi oħti’, u hi stess qalet: ‘Dan hu ħija’? B’qalb safja u b’idejn indaf għamilt dan.” 6U Alla wieġbu fil-ħolma: “Jiena wkoll naf li b’qalb safja għamilt dan, u jien ukoll żammejtek ’il bogħod milli tidneb kontrija. Għalhekk jien ma ħallejtekx tersaq lejha. 7Issa, mela, rodd lura l-mara lil dan ir-raġel, għax hu profeta, u hu jitlob għalik, u int tgħix. U jekk ma troddhiex lura, kun af li tmut żgur, int u min għandek.”
8U Abimelek qam filgħodu kmieni, u sejjaħ il-qaddejja tiegħu kollha, u qal dan kollu quddiemhom li jisimgħuh; u dawn in-nies beżgħu ħafna. 9U Abimelek sejjaħ lil Abraham u qallu: “X’għamiltilna? Fiex inqastek biex ġibt fuqi u fuq saltnati din il-ħtija kbira? Għamiltli ħwejjeġ li ma għandhomx isiru.” 10U kompla jgħid Abimelek lil Abraham: “X’kellek f’rasek biex għamilt dan?” 11U Abraham wieġeb: “Għax jien għedt: ‘Mhawnx biża’ ta’ Alla hawnhekk; għandu mnejn joqtluni minħabba marti.’ 12U fis-sewwa din hi oħti, għax bint missieri hi, imma mhijiex bint ommi, u saret marti. 13U meta Alla ġagħalni noħroġ minn dar missieri jien għedtilha: ‘Agħmilli dan il-favur li kull fejn immorru tgħid fuqi li int oħti.’ ”
14Imbagħad Abimelek ħa nagħaġ u baqar u lsiera, irġiel u nisa, u tahom lil Abraham, u raddlu lura ’l Sara, martu, 15u Abimelek qallu: “Ara, hawn arti quddiemek, oqgħod fejn jogħġbok.” 16U lil Sara qalilha: “Ara, jien lil ħuk tajtu elf biċċa tal-fidda#20,16: Elf biċċa tal-fidda: il-valur tal-bhejjem u l-ilsiera li Abimelek ta lil Abraham (v.14).. Dawn iservu ta’ għamad f’għajnejn dawk kollha li għandek miegħek, u hekk int iġġustifikata quddiem kulħadd.” 17U Abraham talab lil Alla; u Alla fejjaq lil Abimelek, u lil martu u ’l qaddejja tiegħu, u dawn wildu. 18Għax il-Mulej kien għalaq kull ġuf f’dar Abimelek minħabba l-biċċa ta’ Sara, mart Abraham.
Currently Selected:
ĠENESI 20: MB20
Highlight
Share
Copy
Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.