ĠENESI 19
19
Kapitlu 19
L-anġli fid-dar ta’ Lot
1U ż-żewġ anġli waslu Sodoma filgħaxija; u Lot kien qiegħed fil-bieb ta’ Sodoma. Malli Lot rahom qam u mar jilqagħhom, u nxteħet wiċċu fl-art quddiemhom. 2U qalilhom: “Ara, sidien tiegħi, jekk jogħġobkom, duru lejn id-dar tal-qaddej tagħkom; għaddu l-lejl hemm, aħslu riġlejkom u mbagħad bakkru u morru għal triqtkom.” U qalulu: “Le! ngħaddu l-lejl fil-misraħ.”#Lhud 13,1-2. 3U hu baqa’ jissikkahom, u huma lwew lejn daru u marru għandu. U lestielhom ikla, ħmielhom ħobż bla ħmira, u kielu. 4Qabel ma raqdu, in-nies tal-belt, in-nies ta’ Sodoma, miż-żgħir sal-kbir, il-poplu kollu minn kull naħa, dawru d-dar.#Mħ 19,22-24; Ġuda 7. 5U sejħu lil Lot u qalulu: “Fejn huma n-nies li daħlu għandek illejla? Oħroġhomlna, ħalli ninqdew bihom.”#Lev 20,13. 6Lot ħareġ għalihom ħdejn il-bieb, u għalaq il-bieb warajh. 7U mbagħad qalilhom: “Le, ħuti, tagħmlux id-deni. 8Araw, jien għandi żewġt ibniet li għadu ma għarafhom ħadd, ħa noħroġhomlkom it-tnejn u għamlulhom kulma jogħġobkom f’għajnejkom. Imma lil dawn l-irġiel la tagħmlulhom xejn, la darba daħlu għall-kenn tas-saqaf tiegħi.” 9Imma huma qalulu: “Warrab minn hawn.” U bdew jgħidu: “Dan ġie frustier f’nofsna, u issa jrid jagħmilha ta’ mħallef! Nagħmlulek agħar minnhom.” U ħebbu għal Lot b’kemm kellhom saħħa, u kienu għoddhom kissru l-bieb.#Ġen 13,12; 2 Pt 2,7-8. 10Imma l-irġiel meddew idejhom, u daħħlu lil Lot fid-dar, u sakkru l-bieb. 11U l-irġiel li kienu ħdejn il-bieb għamewhom ilkoll, miż-żgħir sal-kbir, u dawn għejew ifittxu l-bieb.#2 Slat 6,18. 12U l-irġiel qalu lil Lot: “Lil min fadallek aktar? Ħatnek, uliedek, subien u bniet, u kulma għandek fil-belt, oħroġhom minn dan il-post.#2 Pt 3,9. 13Għax aħna se neqirdu dan il-post, għax l-għajta tagħhom kbira waslet quddiem il-Mulej u għalhekk bagħatna l-Mulej biex neqirduha.”#Is 1,7; Sof 2,9; Lq 17,29. 14U ħareġ Lot u qal liż-żewġt irġiel, li kienu żżewġu liż-żewġt ibniet tiegħu: “Qumu, oħorġu minn hawn, għax il-Mulej se jeqred il-belt.” Imma ħtienu dehrilhom li qiegħed jiċċajta.
15Malli beda jisbaħ, l-anġli bdew jgħaġġlu lil Lot u jgħidulu: “Qum, aqbad lil martek u ż-żewġt ibniet tiegħek, li hawn miegħek, li ma tinqeridx fil-kastig tal-belt.” 16U beda jitnikker; imma l-irġiel qabduh minn idu, lilu, lil martu u ż-żewġt ibniet tiegħu, minħabba l-ħniena tal-Mulej għalih; u ħarġuh, u wassluh ’il barra mill-belt. 17U malli ħarġuhom ’il barra qalulhom: “Aħrab, għax hemm ħajtek fin-nofs. La tħarisx warajk u anqas tieqaf imkien f’dawn l-inħawi. Aħrab lejn l-għoljiet li ma tinqeridx.”#Għerf 10,6. 18U Lot qalilhom: “Le, Sidi. 19Ara, s’issa sab ħniena f’għajnejk il-qaddej tiegħek, u kbira l-ħniena li wrejt miegħi biex salvajtli ħajti. Imma jiena ma nistax naħrab lejn l-għoljiet bla ma tilħaqni l-ħsara u mmut. 20Ara, hawn din il-belt fil-qrib, ħa nistkenn hemm, belt żgħira hi. Ħalli naħrab u nistkenn hemm - mhix belt żgħira? - u nsalva ħajti.”
21U wieġbu: “Ara jien se naqtagħlek xewqtek f’din il-ħaġa wkoll; m’iniex se neqred il-belt li għedtli. 22Fittex aħrab hemmhekk, għax ma nista’ nagħmel xejn qabel ma tasal hemm.” Għalhekk semmew dik il-belt Sogħar#19,22: Sogħar: tfisser żgħira..#Għerf 10,6.
Il-qerda ta’ Sodoma u Gomorra
23U x-xemx kienet tielgħa fuq l-art, meta Lot wasal Sogħar. 24U l-Mulej bagħat ix-xita fuq Sodoma u Gomorra, xita ta’ kubrit u nar mis-smewwiet mingħand il-Mulej.#Għerf 10,7; Is 1,9; Lam 4,6; Lq 17,29; 2 Pt 2,6. 25U qered dawk l-ibliet u l-inħawi kollha ta’ madwarhom, u ’l kull min kien jgħammar fihom, u l-ħdura kollha tal-art.#Dt 29,22; Ġer 50,40; Għam 4,11. 26U l-mara ta’ Lot ħarset lura, minn warajh, u saret plier tal-melħ.#Għerf 10,7; Lq 17,32.
27U Abraham qam filgħodu kmieni u rħielha lejn il-post fejn kien qagħad quddiem il-Mulej. 28U ħares lejn Sodoma u Gomorra#19,28: U ħares lejn Sodoma u Gomorra: Abraham kien fuq il-muntanji fuq il-Punent tal-Baħar il-Mejjet mnejn seta’ jara taħt għajnejh l-ibliet tal-wita, in-naħa l-oħra tal-Baħar., u fuq l-art kollha ta’ madwarhom, u ra li kien tiela’ duħħan mill-art, bħad-duħħan ta’ forn.#Ġen 18,16-33; Is 34,9-10; Apk 9,2; 14,10-11.
29Meta Alla qered l-ibliet tal-wita, Alla ftakar f’Abraham u ħareġ lil Lot minn nofs il-qerda, meta qered l-ibliet, li fihom kien jgħammar Lot.
Nisel il-Mowabin u l-Għammonin
30U Lot tala’ minn Sogħar, u mar jgħammar fuq l-għoljiet maż-żewġ uliedu bniet, għax baża’ jgħammar f’Sogħar. U kienu jgħixu f’għar, hu u ż-żewġt ibniet tiegħu.
31U l-kbira qalet liż-żgħira: “Missierna xjieħ, u ma hawn ebda raġel biex jersaq lejna skont id-drawwa tal-art kollha. 32Ejja nisqu l-inbid lil missierna u norqdu miegħu, u nżommu n-nisel ħaj minn missierna.” 33U sqew l-inbid lil missierhom dak il-lejl stess, u l-kbira resqet lejh, u mteddet ma’ missierha, u dan ma ntebaħx biha, la meta mteddet u lanqas meta qamet. 34U l-għada l-kbira qalet liż-żgħira: “Ara, jien imteddejt ma’ missieri l-lejl l-ieħor, ħa nisquh l-inbid illejla wkoll, u mur inti mtedd miegħu, u hekk inżommu n-nisel ħaj minn missierna.” 35U dak il-lejl ukoll sqew l-inbid lil missierhom, u ż-żgħira qamet u marret imteddet miegħu, u hu ma ntebaħx biha, la meta raqdet u lanqas meta qamet. 36U ż-żewġt ibniet ta’ Lot tqalu minn missierhom. 37U l-kbira wildet iben u semmietu Mowab - missier il-Mowabin sal-lum.#Dt 2,9. 38U ż-żgħira wkoll wildet iben u semmietu Bin-għammi - missier l-Għammonin sal-lum.#Dt 2,19.
Currently Selected:
ĠENESI 19: MB20
Highlight
Share
Copy
Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.