ĠENESI 18
18
Kapitlu 18
Abraham u t-tliet anġli
1U l-Mulej deher lil Abraham ħdejn il-ballut ta’ Mamri; u hu kien fil-bieb tal-għarix fl-aqwa tas-sħana tal-jum. 2U rafa’ għajnejh u ħares, u ra tlitt irġiel weqfin quddiemu; u malli rahom mar jiġri jilqagħhom mill-bieb tal-għarix u nxteħet wiċċu fl-art quddiemhom.#Lhud 13,1-2. 3U qal: “Sidi, jekk jien sibt ħniena f’għajnejk, tibqax għaddej minn quddiem il-qaddej tiegħek. 4Ħa nġib ftit ilma u aħslu riġlejkom, u strieħu taħt is-siġra, 5sakemm inġibilkom gidma ħobż, biex titrejqu, imbagħad tibqgħu sejrin - għax għalhekk għaddejtu għand il-qaddej tagħkom.” U huma qalulu: “Tajjeb, agħmel kif għedt.”
6U Abraham ħaffef lejn l-għarix, ħdejn Sara, u qalilha: “Fittex lesti tliet sigħan smid, agħġnu u agħmlu ftajjar.” 7U Abraham mar jiġri ħdejn il-baqar u ħa għoġol tari u sabiħ, u tah lill-qaddej; u dan fittex ilestih. 8U ħa l-baqta u l-ħalib u l-għoġol li kien lesta, u qegħedhom quddiemhom. U hu baqa’ bilwieqfa quddiemhom taħt is-siġra, u huma bdew jieklu.
9U staqsewh: “Fejn hi Sara, martek?” U hu weġibhom: “Hemm fl-għarix.”#Ġen 15,2-4; 17,15-21. 10U qallu: “Nerġa’ niġi għandek bħal dan iż-żmien sena, u ara, Sara martek ikollha iben.” U Sara kienet qiegħda tissamma’ minn bieb l-għarix, u hu kien warajh.#Ġen 17,19; 21,1-2; Rum 9,9. 11Abraham u Sara kienu xjuħ imdaħħla fiż-żmien, u kienet waqfitilha l-imxija tan-nisa.#Ġen 17,17; Rum 4,19; Lhud 11,11-12. 12U Sara daħket f’qalbha u qalet: “Wara li dbilt u sidi diġà xjieħ sa jkolli l-pjaċir?”#1 Pt 3,6. 13U l-Mulej qal lil Abraham: “Għala daħket Sara u qalet: ‘Tgħid minnu li sa niled, meta jien xjaħt?’ 14Hemm xi ħaġa iebsa żżejjed għall-Mulej? Bħal dan iż-żmien sena nerġa’ niġi għandek, u Sara jkollha iben.”#Mt 19,26; Mk 10,27; Lq 1,37; 18,27; Rum 4,21. 15U Sara ċaħdet u qalet: “Ma dħaktx.” Għax beżgħet. U hu qalilha: “Le, dħakt żgur.”
16U l-irġiel qamu minn hemm, u dawru wiċċhom lejn Sodoma; u Abraham mar magħhom biex iqabbadhom it-triq.#Eż 32,11; Ġak 5,16. 17U l-Mulej qal: “Se nibqa’ naħbi x’se nagħmel minn Abraham?#Għam 3,7; Ġw 15,15. 18Għax Abraham għad ikun ġens kbir u qawwi, u bih jitbierku l-ġnus kollha tal-art.#Ġen 12,3; Lq 1,55; Atti 3,25; Gal 3,8. 19Jiena ħtartu sabiex iwissi lil uliedu u lil daru warajh biex iżommu fit-triq tal-Mulej u jagħmlu l-ħaqq u s-sewwa, u b’hekk il-Mulej iġib fuq Abraham kulma wiegħdu.” 20U l-Mulej qal: “Hemm l-għajta qawwija ta’ Sodoma u Gomorra u t-toqol kbir ta’ dnubhom.#Ġen 19,13; Is 3,9; Lq 17,28; Ġuda 7. 21U issa se ninżel u nara jekk għamlux għalkollox skont l-għajta tagħhom li waslet għandi. Jekk le, inkun naf.”#Ġen 4,10.
22Dawk l-irġiel kisru minn hemm, u rħewlha lejn Sodoma; imma l-Mulej baqa’ wieqaf quddiem Abraham. 23U Abraham resaq lejn il-Mulej u staqsieh: “U int se teqred it-tajjeb mal-ħażin? 24U jekk hemm ħamsin bniedem ġust f’nofs il-belt, jaqaw lil dawn se teqridhom u ma taħfirx lill-pajjiż minħabba l-ħamsin ġust li hemm f’nofsha? 25Ma jkun qatt li inti tagħmel ħaġa bħal din, li toqtol il-bniedem ġust mal-ħażin, u l-ġust u l-ħażin tmisshom l-istess xorti. Ma jkun qatt minnek, l-imħallef tal-art kollha, li ma tagħmilx ġustizzja.”#Dt 32,4; Ġob 8,3; Għerf 12,15. 26U l-Mulej wieġeb: “Jekk jiena nsib ħamsin bniedem ġust f’nofs il-belt, jien naħfirha lill-post kollu minħabba fihom.” 27U wieġeb Abraham u qal: “Arani, jien issugrajt nitkellem mal-Mulej, għalkemm jien trab u rmied.#Sir 10,9. 28U jekk hemm nieqsa ħamsa għall-ħamsin ġust, minħabba ħamsa u erbgħin se teqred il-belt kollha?” U wieġbu l-Mulej: “Ma neqridhiex jekk insib fiha ħamsa u erbgħin.” 29Imma Abraham kompla jitkellem miegħu u jgħidlu: “U jekk issib hemm erbgħin?” U wieġbu: “Ma nagħmilx dan, minħabba l-erbgħin.” 30U qallu: “La tagħdabx, Sidi, jekk nerġa’ nitkellem: u jekk jinstabu tletin?” U hu wieġeb: “Ma nagħmilx dan, jekk insib hemm tletin.” 31U raġa’ qallu: “Ara kif nissogra nkellem lil Sidi: U jekk jinstabu hemm għoxrin?” U l-Mulej wieġeb: “Ma neqridhiex minħabba l-għoxrin.” 32U wieġeb: “La tagħdabx, Sidi, jekk nerġa’ nitkellem darba oħra biss: U jekk jinstabu hemm għaxra?” U hu qallu: “Ma neqridhiex minħabba l-għaxra.”#Ġer 5,1; Eżek 22,30. 33U malli l-Mulej temm jitkellem ma’ Abraham, il-Mulej telaq, u Abraham raġa’ lura lejn daru.
Currently Selected:
ĠENESI 18: MB20
Highlight
Share
Copy
Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.