YouVersion Logo
Search Icon

ĠENESI 21

21
Kapitlu 21
It-twelid ta’ Iżakk
1U l-Mulej żar lil Sara bħalma kien qalilha, u għamel magħha dak li kien wegħedha.#Ġen 17,19; 18,10. 2U Sara tqalet u wildet iben lil Abraham fi xjuħitu, fiż-żmien li kien qallu Alla.#Gal 4,23; Lhud 11,11. 3U Abraham semma ’l ibnu li twelidlu, li kienet wilditlu Sara, Iżakk.#Mt 1,2; Lq 3,34. 4U Abraham ħaten lil Iżakk meta kellu tmint ijiem, bħalma kien ordnalu Alla.#Ġen 17,10-12; Atti 7,8. 5U Abraham kellu mitt sena meta twelidlu ibnu Iżakk. 6U Sara qalet:
“Ġiebli t-tbissima Alla;
kull min jisma’ jitbissimli.”#Ġen 12,12; 17,17.
7U żiedet tgħid:
“Min kellu jgħidlu lil Abraham,
li Sara kellha t-tfal!
Għax wilidtlu iben fi xjuħitu.”
It-tkeċċija ta’ Ħagar u Ismagħel
8U t-tarbija kibret, u nfatmet. U Abraham għamel ikla kbira f’jum il-ftim ta’ Iżakk.#Ġen 16; Gal 4,22-31. 9U Sara lemħet lil bin Ħagar, l-Eġizzjana, dak li kienet wildet lil Abraham, jilgħab ma’ Iżakk binha. 10U qalet lil Abraham: “Keċċihom ’il barra, lil din il-qaddejja u ’l binha. Għax ma għandux bin din il-qaddejja jaqsam il-wirt ma’ ibni Iżakk.”#Mħ 11,2. 11U din il-ħaġa ma għoġbot xejn lil Abraham minħabba ibnu. 12U Alla qal lil Abraham: “La tinkwetax għaż-żagħżugħ u għall-qaddejja; kulma qaltlek Sara, isma’ minn kliemha, għax b’Iżakk jissemma nislek.#Rum 9,7; Lhud 11,18. 13U bin il-qaddejja wkoll, nagħmel minnu ġens, għax hu nislek.”
14U Abraham bakkar filgħodu, qabad il-ħobż u żaqq ilma, u tahom lil Ħagar, qegħedhomlha fuq spallejha, u bagħatha bit-tifel magħha. U telqet tiġġerra fid-deżert ta’ Birsaba.#1 Slat 19,3-4. 15Meta ntemm l-ilma taż-żaqq telqet it-tifel taħt waħda mis-siġar, 16u marret toqgħod biswitu daqs tefgħa ta’ qaws ’il bogħod, għax qalet: “Ma rridx narah imut.” U kif kienet bilqiegħda biswitu, għolliet leħenha u bkiet.
17U Alla sama’ leħen it-tifel, u l-anġlu ta’ Alla sejjaħ lil Ħagar mis-sema, u qalilha: “X’għandek Ħagar? La tibżax. Alla sama’ leħen it-tifel, minn fejn hu qiegħed. 18Qum. Aqbad it-tifel, u agħmel il-qalb bih, għax jien sa nagħmlu ġens kbir.” 19Imbagħad Alla fetħilha għajnejha u rat bir ilma. U marret u mliet iż-żaqq bl-ilma u sqiet it-tifel. 20U Alla kien maż-żagħżugħ, u dan kiber, u kien jgħammar fid-deżert, u kien jinqala’ għall-qaws. 21Kien jgħammar fid-deżert ta’ Faran. U ommu kisbitlu mara mill-Eġittu.
Il-ftehim bejn Abimelek u Abraham
22U ġara li dak iż-żmien Abimelek u Fikol, il-kmandant tal-eżerċtu tiegħu, kellmu lil Abraham u qalulu: “Alla miegħek f’kulma tagħmel.#Ġen 26,15-33. 23Mela issa: Aħlifli hawn b’Alla li int ma tqarraqx la bija u lanqas b’uliedi jew b’nisli; bħalma jiena mxejt sewwa miegħek, hekk inti issa tagħmel miegħi u ma’ arti, li int qiegħed tgħix fiha bħala frustier.” 24U Abraham wieġeb: “Naħliflek.”
25Imma Abraham tlewwem ma’ Abimelek minħabba bir ilma, li kienu serqulu l-qaddejja ta’ Abimelek. 26U Abimelek qallu: “Ma nafx min għamel ħaġa bħal din. U anqas int ma għarraftni, u jien ma smajtx ħlief illum.”
27U Abraham ħa nagħġa u baqra, u tahom lil Abimelek u t-tnejn għamlu patt bejniethom. 28U Abraham warrab għalihom sebat iħrief mill-merħla. 29U Abimelek qal lil Abraham: “X’inhuma dawn is-sebat iħrief, li int warrabt għalihom?” 30U hu wieġbu: “Dawn is-sebat iħrief li tieħu minn idejja, ikunu ta’ xhieda li jien ħaffirt dan il-bir.” 31Għalhekk semma dak il-post Birsaba#21,31: Birsaba: post fejn hemm sebat ibjar jew il-bir tal-ġurament., għax hemm ħalfu huma t-tnejn. 32U għamlu patt f’Birsaba. U Abimelek u Fikol, il-kmandant tal-eżerċtu tiegħu, qamu minn hemm u reġgħu lura lejn art il-Filistin. 33U Abraham ħawwel tamarisk f’Birsaba, u hemm sejjaħ isem il-Mulej, El-għolam, Alla ta’ dejjem#21,33: El-għolam, Alla ta’ dejjem: l-isem ta’ xi alla tal-Kangħanin fis-santwarju ta’ Birsaba, li Abraham applikah għal Alla tiegħu..#Is 40,28. 34U baqa’ jgħammar hemm għal ħafna żmien bħala frustier f’art il-Filistin.

Currently Selected:

ĠENESI 21: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in