YouVersion Logo
Search Icon

GALATIN 2

2
Kapitlu 2
L-appostli jilqgħu lil Pawlu
1Wara erbatax-il sena rġajt tlajt Ġerusalemm#2,1: Tlajt Ġerusalemm: ara Atti 15. flimkien ma’ Barnaba u ħadt miegħi lil Titu wkoll.#Atti 15,2. 2Tlajt hemmhekk wara li kelli rivelazzjoni; u jiena qegħedt quddiemhom, lill-mexxejja ewlenin weħidhom, u wrejthom l-Evanġelju li qiegħed inxandar fost il-ġnus, biex ma nkunx ġrejt jew qiegħed niġri għalxejn. 3Madankollu anqas Titu li kien miegħi, hu li hu Grieg, ma kien imġiegħel li jkun ċirkonċiż. 4Iżda minħabba f’xi wħud li riedu jiżżattu, aħwa foloz li ndaħlu bla jedd biex jissindikaw il-libertà tagħna li għandna fi Kristu Ġesù ħalli jitfgħuna fil-jasar#2,4: Jitfgħuna fil-jasar…: sentenza mhix mitmuma. Fl-entużjażmu tiegħu l-appostlu kien jiġri minn idea għal oħra bla kontroll ta’ xejn.#Atti 15,1-24; Gal 1,7.5lilhom anqas għal waqt wieħed biss ma rħejnielhom iwaqqgħuna għalihom, ħalli b’hekk il-verità tal-Evanġelju tibqa’ sħiħa għalikom. 6Min-naħa tagħhom, il-mexxejja - kienu x’kienu, lili xejn ma jimpurtani; Alla lejn wiċċ ħadd ma jħares - dawk li kellhom isem, ma żiduli xejn ġdid lili;#Dt 10,7. 7anzi, għall-kuntrarju, meta raw li lili kien fdat ix-xandir tal-Evanġelju fost il-Ġentili bħalma kien lil Pietru fost il-Lhud -#Atti 9,15; 22,21. 8għax Dak li ħadem b’Pietru u għamlu appostlu għal fost il-Lhud ħadem ukoll bija għal fost il-Ġentili - 9meta għarfu l-grazzja li kienet mogħtija lili, Ġakbu, Kefa u Ġwanni, li kienu meqjusin bħala l-kolonni, taw lili u ’l Barnaba l-id il-leminija tagħhom b’sinjal tal-għaqda ta’ bejnietna, biex aħna naħdmu fost il-Ġentili u huma fost il-Lhud; 10talbuna biss, li min-naħa tagħna nibqgħu niftakru fil-fqar#2,10: Niftakru fil-fqar: il-fqar ta’ Ġerusalemm; ara 2 Kor 8,4., ħaġa li fittixt nagħmilha minn qalbi.#Atti 11,29-30.
Pawlu jċanfar lil Pietru
11Meta Kefa ġie Antjokja#2,11: Antjokja: belt ewlenija tal-Provinċja tas-Sirja., jiena waqaftlu f’wiċċu, għaliex kellu tort. 12Għax qabel ma waslu xi wħud mingħand Ġakbu, hu kien qiegħed jiekol mal-Ġentili; iżda mbagħad lil dawn beda jaħrabhom u jitwarrab minnhom meta waslu dawk, għaliex baża’ mil-Lhud ċirkonċiżi.#Atti 11,3. 13Il-Lhud l-oħra bdew jimxu bl-uċuħ bħalu, u saħansitra Barnaba ħalla ruħu jitħajjar minnhom fil-wiri ta’ ħaġa b’oħra. 14Imma meta rajt li ma kinux miexja sewwa skont il-verità tal-Evanġelju, jiena għedt lil Kefa quddiem kulħadd: “Jekk inti, li int Lhudi, qed iġġib ruħek bħall-Ġentili u mhux ta’ Lhudi li int, kif qiegħed iġġiegħel il-Ġentili jġibu ruħhom ta’ Lhud?”
Lhud u Ġentili jsalvaw bil-fidi
15Aħna, Lhud minn twelidna u mhux midinbin mill-Ġentili, 16aħna li nafu li l-bniedem ma jkunx iġġustifikat bl-opri tal-Liġi imma bil-fidi f’Ġesù Kristu#2,16: Bil-fidi f’Ġesù Kristu: jew: bil-fidi ta’ Ġesù Kristu; ara Gal 2,20; 3,22., aħna wkoll emminna f’Ġesù Kristu, sabiex inkunu ġġustifikati bil-fidi fi Kristu u mhux bl-opri tal-Liġi, għaliex bl-opri tal-Liġi ebda bniedem ma jkun iġġustifikat.#S 143,2; Atti 15,10-11; Rum 3,20-28; 4,5; 11,6; Ef 2,8; Gal 3,11. 17Jekk aħna, li nfittxu l-ġustifikazzjoni permezz ta’ Kristu, aħna stess midinbin ukoll, allura Kristu qaddej tad-dnub? Ma jkun qatt! 18Għax jekk jiena nerġa’ nibni dak li nkun ħattejt, inkun qed nagħti prova li jiena ħati.
19Imma jien permezz tal-Liġi mitt għal-Liġi biex ngħix għal Alla; issallabt ma’ Kristu.#Rum 7,6. 20Ngħix, imma mhux iżjed jien, iżda jgħix fija Kristu. Il-ħajja li issa ngħix fil-ġisem qiegħed ngħixha bil-fidi fl-Iben ta’ Alla, li ħabbni u ta lilu nnifsu għalija.#Ġw 13,1; 17,23; Gal 1,4; 1 Tim 2,6; Tit 2,14; 1 Ġw 3,16. 21M’iniex inġib fix-xejn il-grazzja ta’ Alla; għax kieku l-ġustifikazzjoni kellha tiġi mil-Liġi, Kristu kien ikun miet għal xejn.

Currently Selected:

GALATIN 2: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in