YouVersion Logo
Search Icon

EŻEKJEL 36

36
Kapitlu 36
It-tiġdid ta’ art Iżrael
1“U int, o bniedem, ħabbar lill-muntanji ta’ Iżrael u għidilhom: Muntanji ta’ Iżrael, isimgħu l-kelma tal-Mulej:#Eżek 6,3.
2Dan jgħid Sidi l-Mulej:
Talli l-għadu tagħkom qal għalikom:
‘Ah! Il-muntanji ta’ dejjem saru l-wirt tagħna!’
3Ħabbar għalhekk, u għid:
Dan jgħid Sidi l-Mulej: Sewwasew talli għamlu ħerba minnkom u stmerrewkom minn kull naħa għax sirtu l-wirt tal-bqija tal-ġnus, u ġejtu f’ilsien in-nies u t-tqassis tal-poplu, 4għalhekk: O muntanji ta’ Iżrael, isimgħu l-kelma ta’ Sidi l-Mulej: Dan jgħid Sidi l-Mulej lill-muntanji, lill-għoljiet, lill-ħniedaq, lill-widien, lill-ħerbiet u ’l-ibliet mitluqa, li saru l-priża u d-daħk tal-bqija tal-ġnus madwar.
5“Għalhekk dan jgħid Sidi l-Mulej: Iva! Fil-ħeġġa tal-għira tiegħi tkellimt kontra l-bqija tal-ġnus u kontra Edom kollu. B’qalbhom kollha ferħ u b’ruħhom kollha tmaqdir, lil arti għamluha tagħhom b’wirt, biex qerduha u serquha.
6“Għalhekk ħabbar lill-art ta’ Iżrael, u għid lill-muntanji u ’l-għoljiet, lill-ħniedaq u l-widien: Dan jgħid Sidi l-Mulej, ‘Arawni, jien tkellimt f’għadbi u l-għira tiegħi, għax intom kellkom toqogħdu għat-tagħjir tal-ġnus, 7għalhekk dan jgħid Sidi l-Mulej: Jien nerfa’ idi u naħlef li l-ġnus ta’ madwarkom huma wkoll għad ikollhom joqogħdu għat-tagħjir. 8Intom, muntanji ta’ Iżrael, għad tarmu l-friegħi u tagħmlu l-frott għal Iżrael, il-poplu tiegħi, għax waslu biex jerġgħu lura. 9Arawni, jien niġi u ndawwar wiċċi lejkom, u intom għad jaħdmukom u jiżirgħukom. 10Jien inkattrilkom in-nies, dar Iżrael kollha; l-ibliet jitgħammru u l-ħerbiet jinbnew mill-ġdid. 11Inkattrilkom in-nies u l-bhejjem fuqkom; jitkattru u jnisslu. Ngħammarkom bħalma kontu qabel, u nimliekom bil-ġid aktar minn qatt qabel, u tkunu tafu li jien il-Mulej. 12U nġib fuqkom in-nies, il-poplu tiegħi Iżrael, jeħduk f’idejhom, u tkun int il-wirt tagħhom, u ma ċċaħħadhomx aktar minn uliedhom.
13“Dan jgħid Sidi l-Mulej: Talli marru jgħidulek, ‘Int art tiekol in-nies, u tisraq lil ġensek minn uliedu, 14għalhekk ma tikolx aktar in-nies, u anqas iċċaħħad il-poplu tiegħek minn uliedu, oraklu ta’ Sidi l-Mulej. 15Ma nħallikx tisma’ aktar it-tagħjir tal-ġnus; ma ġġorrx aktar fuqek l-għajb tal-ġnus, u l-poplu tiegħek ma ċċaħħdux aktar minn uliedu, oraklu ta’ Sidi l-Mulej.’ ”
It-tiġdid tal-poplu ta’ Iżrael
16U ġietni l-kelma tal-Mulej u qalli: 17“O bniedem, meta d-dar ta’ Iżrael kienu għadhom f’arthom, huma tebbgħuha bl-imġiba tagħhom u b’għemilhom. Imġibthom quddiemi kienet bħall-ħmieġ ta’ mara mxahhra.#Lev 15,19-27. 18U jiena ferrajt qillti fuqhom minħabba fid-demm li xerrdu fl-art u minħabba fl-idoli li bihom ċappsu l-art. 19Xerridthom fost il-ġnus, u huma xterdu mal-artijiet; għamilt ħaqq minnhom skont imġibthom u skont triqathom. 20Meta marru fost il-ġnus, kull fejn marru, kasbru ismi l-qaddis, hekk li n-nies bdew jgħidu għalihom: ‘Dan hu l-poplu tal-Mulej, li kellhom joħorġu minn artu!’#Is 52,5; Eżek 20,39; Rum 2,24. 21Imma jien bżajt għal ismi l-qaddis li wlied Iżrael kasbru fost il-ġnus fejn marru.
22“Għalhekk għidilhom lid-dar ta’ Iżrael: Dan jgħid Sidi l-Mulej: Mhux minħabba fikom sejjer nagħmel dan, dar Iżrael, iżda minħabba f’ismi l-qaddis li intom kasbartu fost il-ġnus fejn mortu.#S 115,1; Is 48,11; Eżek 16,60-63. 23Jien inqaddes ismi l-kbir, imkasbar minnkom fost il-ġnus, li f’nofshom kasbartuh, u l-ġnus ikunu jafu li jiena l-Mulej, meta nuri qdusiti fikom quddiem għajnejkom, oraklu ta’ Sidi l-Mulej, 24meta neħodkom minn fost il-ġnus u niġmagħkom mill-artijiet kollha, u nerġa’ ndaħħalkom f’artkom#36,24: Nerġa’ ndaħħalkom f’artkom: Alla għad iġedded il-poplu tiegħu minħabba ġieħ ismu..
25“U rroxx fuqkom ilma safi, u tissaffew mit-tinġis kollu tagħkom; mill-idoli kollha tagħkom insaffikom.#S 51,4; Żak 13,1; Ġw 3,5. 26U nagħtikom qalb ġdida, u ruħ ġdida nqiegħed ġo fikom; u nneħħi minn ġisimkom il-qalb tal-ġebel u nagħtikom qalb tal-laħam flokha.#Ġer 4,4; 31,33; Eżek 11,19; 18,31; 2 Kor 3,3. 27U nqiegħed ruħi ġo fikom, u nagħmel li timxu skont il-kmandamenti tiegħi, u li żżommu l-preċetti tiegħi u tħarsuhom.#Is 42,1; 44,3; 59,21; Ġer 31,3; Gal 5,22-25; 1 Tess 4,8; 1 Ġw 3,23-24. 28U tgħammru fl-art li tajt ’il missirijietkom, u intom tkunu l-poplu tiegħi u jiena nkun Alla tagħkom. 29U neħliskom mit-tinġis kollu tagħkom, u nsejjaħ lill-qamħ u nkattru, u ma nibagħtilkomx aktar il-ġuħ. 30Inkattar frott is-siġar u r-raba’ tagħkom, biex ma jkollkomx aktar l-għajb tal-ġuħ fost il-ġnus. 31Imbagħad tiftakru fl-imġiba ħażina tagħkom u fl-għemejjel ħżiena tagħkom. U tistmerru lilkom infuskom għall-ħażen tagħkom u għall-għemejjel mistkerrha tagħkom.#Eżek 6,9; 16,61-63; 20,43. 32U kunu afu li mhux minħabba fikom li qed nagħmel dan, oraklu ta’ Sidi l-Mulej. Istħu u ħammru wiċċkom minħabba l-imġiba tagħkom, dar Iżrael!
33“Dan jgħid Sidi l-Mulej: Fil-jum li fih innaddafkom mit-tinġis kollu tagħkom, ngħammar mill-ġdid l-ibliet tagħkom u nibni mill-ġdid il-ħerbiet tagħkom. 34L-art imħarbta, li kienet saret ħerba għal għajnejn kull min kien jgħaddi, terġa’ tinħadem. 35U kulħadd jgħid: ‘L-art li kienet imħarbta issa qisha l-ġnien tal-Għeden, u l-ibliet imġarrfa, mitluqa u mħarbta issa huma bliet qawwija u mimlija nies.’#Is 51,3. 36U l-ġnus li baqa’ madwarkom jagħrfu li jien, il-Mulej, bnejt mill-ġdid dak li ġġarraf u tellajt mill-ġdid is-siġar fl-art li kienet ħerba. Jien il-Mulej, dan għedt u dan nagħmel.
37“Dan jgħid Sidi l-Mulej: Dan ukoll inħallihom jitolbuni d-dar ta’ Iżrael li nagħmlilhom: inkattrilhom in-nies bħan-nagħaġ.
38“Bħan-nagħaġ ikkonsagrati, bħan-nagħaġ f’Ġerusalemm fil-festi l-kbar tagħha; hekk ikunu mimlija l-ibliet imġarrfa bl-imrieħel tan-nies, u jkunu jafu li jien il-Mulej.”

Currently Selected:

EŻEKJEL 36: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in