EŻEKJEL 37
37
Kapitlu 37
Il-qawmien tal-poplu ta’ Alla
1U ġiet fuqi id il-Mulej u ħaditni fl-ispirtu tal-Mulej u qegħditni f’nofs il-wied. Dan kien miżgħud bl-għadam#37,1: Dan kien miżgħud bl-għadam: l-għadam fil-wied hu figura tal-Lhud eżiljati fil-Babilonja. Ir-riħ hu simbolu tal-ispirtu ta’ Alla li se jidħol fihom u jagħtihom il-ħajja mill-ġdid. L-oriġinalità tax-xbieha, il-qawwa tad-deskrizzjoni u l-istil mirqum letterarju jagħmlu din is-silta waħda mill-isbaħ paġni tal-Bibbja..#Eżek 3,12. 2Huwa għaddieni dawramejt madwarhom, u kien hemm kotra kbira mxerrda mal-wied, u kienu kollha niexfa qoxqox.
3U l-Mulej qalli: “O bniedem, jista’ dan l-għadam jerġa’ jieħu l-ħajja?” Jiena weġibt: “Sidi Mulej, dan inti tafu.” 4U qalli: ‘Ħabbar lil dan l-għadam u għidlu: O għadam niexef, isma’ l-kelma tal-Mulej. 5Hekk qal Sidi l-Mulej: Ara, jien se nġib fik ir-ruħ, inti terġa’ tgħix.#Apk 11,11. 6U nqiegħed fik in-nervi, u ntellagħlek il-laħam, u niksik bil-ġilda, u nqiegħed fik ir-ruħ. U inti terġa’ tgħix, u tkun taf li jiena l-Mulej.”
7Imbagħad ħabbart kif ordnali. U jiena u nħabbar instama’ ħoss, u ara, l-għadam tqanqal, u kollha bdew resqin lejn xulxin, għadma lejn għadma. 8Jien ħarist, u ara, ġew fihom in-nervi, telgħalhom il-laħam, fuqhom infirxet il-ġilda, imma nifs ma kienx hemm fihom. 9U qalli: “Ħabbar lir-ruħ, ħabbar, o bniedem, u għid lir-ruħ: Hekk qal Sidi l-Mulej: Ejja, ruħ, mill-erbat irjieħ tad-dinja, onfoħ fuq dawn il-mejtin, ħa jerġgħu jieħdu l-ħajja.” 10Jien ħabbart kif ordnali, u r-ruħ daħlet fihom, u reġgħu ħadu l-ħajja, u waqfu fuq riġlejhom, eżerċtu kbir fuq li kbir.#Ġen 2,7; S 104,30; Rum 8,11; Apk 11,11; 20,4.
11U qalli: “O bniedem, dan l-għadam huwa d-dar kollha ta’ Iżrael. Ara, huma jgħidu: ‘Nixef għadamna, it-tama tagħna għabet, inqridna għalkollox.’ 12Għalhekk ħabbrilhom u għidilhom: Hekk qal Sidi l-Mulej: Ara, jiena niftaħ l-oqbra tagħkom, poplu tiegħi, u nġibkom lura f’art Iżrael. 13Imbagħad tkunu tafu li jiena l-Mulej, meta niftaħ l-oqbra tagħkom u ntellagħkom mill-oqbra tagħkom, poplu tiegħi. 14U jiena nqiegħed ruħi fikom, u terġgħu tieħdu l-ħajja.
Inqegħedkom f’artkom u tkunu tafu li jiena l-Mulej. Hekk għedt, u hekk nagħmel, oraklu tal-Mulej.”#Eżek 36,27; 1 Tess 4,8.
L-għaqda bejn Iżrael u Ġuda
15U ġietni l-kelma tal-Mulej, u qalli: 16“O bniedem, ħu biċċa injama#37,16: Ħu biċċa injama: iż-żewġ injamiet ifissru ż-żewġ saltniet ta’ Iżrael u Ġuda, li kienu mifrudin, u issa Alla se jerġa’ jiġborhom flimkien u jagħmel minnhom poplu wieħed. u ikteb fuqha, ‘Għal Ġuda u għal ulied Iżrael li hemm miegħu.’ Imbagħad ħu biċċa oħra u ikteb fuqha, ‘Għal Ġużeppi, il-ħatar ta’ Efrajm, u għad-dar kollha ta’ Iżrael li hemm miegħu.’
17“Imbagħad ressaqhom lejn xulxin biex jingħaqdu f’injama waħda f’idejk. 18U meta wlied il-poplu tiegħek ikellmuk u jgħidulek, ‘Ma tfissrilniex xi trid tgħid b’dan?’ 19għidilhom: Dan jgħid il-Mulej Sidi: Araw, se nieħu l-ħatar ta’ Ġużeppi, li hemm f’id Efrajm, u t-tribujiet ta’ Iżrael li hemm miegħu, u nqiegħed miegħu l-ħatar ta’ Ġuda u nagħmilhom ħatar wieħed, biex isiru ħaġa waħda f’idi.’#Żak 11,7-14.
20“Żomm f’idek quddiem għajnejhom iż-żewġ injamiet li fuqhom ktibt, 21u għidilhom: ‘Dan jgħid Sidi l-Mulej: Araw, se nieħu lil ulied Iżrael minn fost il-ġnus fejn marru, niġmagħhom minn kull naħa u nġibhom f’arthom. 22U nagħmilhom ġens wieħed fil-pajjiż, fuq il-muntanji ta’ Iżrael; sultan wieħed ikun is-sultan tagħhom ilkoll. Ma jibqgħux iżjed żewġt iġnus, ma jibqgħux iżjed maqsuma f’żewġ saltniet.#Ġer 3,18. 23Ma jitniġġsux aktar bl-allat foloz u l-ħwejjeġ moqżieża tagħhom, u b’ebda dnub ieħor minn tagħhom. Jien għad insalvahom mid-dnubiet li firduhom minni, jiena nsaffihom; u huma jkunu għalija l-poplu tiegħi, u jiena nkun għalihom Alla tagħhom.
24“Il-qaddej tiegħi David ikun is-sultan tagħhom, u huma lkoll ikollhom ragħaj wieħed fuq kulħadd. Huma jimxu fuq il-preċetti tiegħi, u jħarsu l-liġijiet tiegħi u jżommuhom.#Ġer 23,5; 33,15; Eżek 34,23; Ġw 10,16. 25U jgħammru fl-art li jien kont tajt lill-qaddej tiegħi Ġakobb, l-art li fiha għammru missirijiethom; jgħammru fiha huma u wliedhom u wlied uliedhom għal dejjem. U l-qaddej tiegħi David ikun il-prinċep fuqhom għal dejjem.#Ġer 17,25; Eżek 28,26; Ġoel 4,20. 26Nagħmel magħhom patt ta’ sliem, ikun patt magħhom għal dejjem; inwettaqhom u nkattarhom, u nqiegħed fosthom għal dejjem is-santwarju tiegħi.#S 110,4; Ġer 31,31. 27Fosthom tkun l-għamara tiegħi, u jiena nkun Alla tagħhom, u huma jkunu l-poplu tiegħi.#Eż 25,8; 29,45; Lev 26,12; Ġer 31,1; 2 Kor 6,16; Apk 21,3. 28Imbagħad jagħrfu l-ġnus li jiena l-Mulej li nqaddes lil Iżrael, meta s-santwarju tiegħi jkun fosthom għal dejjem.”
Currently Selected:
EŻEKJEL 37: MB20
Highlight
Share
Copy
Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.