DEWTERONOMJU 17
17
Kapitlu 17
Min jadura allat foloz
1“Toffrix b’sagrifiċċju lill-Mulej, Alla tiegħek, barri jew mogħża, li jkun fiha xi difett jew xi ħsara, għax dan jistkerrhu l-Mulej.#Lev 22,17-24.
2“Jekk jitfaċċa xi ħadd f’nofsok, f’xi waħda minn blietek, li l-Mulej, Alla tiegħek, se jagħtik, raġel jew mara, li jagħmel xi ħaġa ma togħġobx lill-Mulej, Alla tiegħek, u jikser il-patt tiegħu,#Eż 22,20; Dt 13,6-15; 19,15-21. 3u jmur iservi allat oħra - ix-xemx, il-qamar, it-tagħmir kollu tas-smewwiet - u jinxteħet quddiemhom, ħaġa li jien ma ordnajtilkomx li tagħmlu;#Dt 4,19. 4u jgħidulek u tisma’ bihom, stħarreġ sewwa, u jekk ikun minnu, jiġifieri li tkun saret din il-ħaġa mistkerrha f’nofs Iżrael, 5oħroġ lil dan ir-raġel jew mara, li jkunu għamlu din il-ħaġa ħażina, f’bieb beltek, ir-raġel u l-mara, u tħaġġarhom sa ma jmutu.
6“Min hu għall-mewt oqtlu fuq ix-xhieda ta’ tnejn jew tlieta; toqtolx fuq il-kelma ta’ xhud wieħed.#Num 35,30; Dt 19,15; Mt 18,16; Ġw 8,17; 2 Kor 13,1; 1 Tim 5,19; Lhud 10,28. 7L-ewwel ma jmidd idu fuq rasu biex joqtlu jkun ix-xhud stess, imbagħad imidd idu l-poplu kollu, u hekk tkun qridt il-ħażen minn ġo nofsok.#Dt 13,10; 19,19; 1 Kor 5,13.
8“Jekk il-kawża tkun tqila għalik biex tiddeċiedi bejn qtil u qtil, bejn dritt u dritt, bejn drib u drib, qum u itla’ fil-post li jagħżel il-Mulej, Alla tiegħek, biex iqiegħed ismu fih,#Dt 21,5. 9u mur għand il-qassisin Leviti u quddiem l-imħallef li jkun hemm dak iż-żmien, u fittex mingħandhom, u jagħtuk is-sentenza tal-ħaqq.#Dt 21,5; 2 Kron 19,8. 10U agħmel skont il-kelma li jgħidulek f’dak il-post li jagħżel il-Mulej biex iqiegħed ismu fih, u qis li tagħmel skont ma juruk hemmhekk. 11Tagħmel skont it-twissijiet li jagħmlulek u skont is-sentenzi li jagħtuk; ma tilwix minn dak li jgħallmuk, la lejn ix-xellug u lanqas lejn il-lemin.
12“Min imbagħad jazzarda u ma jismax mill-qassis, li qiegħed hemm biex jaqdi lill-Mulej, Alla tiegħek, jew mill-imħallef, dan il-bniedem ikun ħaqqu l-mewt, u hekk tkun qridt il-ħażen minn Iżrael. 13U l-poplu kollu jisma’, u jibża’, u ma jitkabbrux aktar.
Is-sultan
14“Meta int tasal fl-art li l-Mulej, Alla tiegħek, se jagħtik biex teħodha f’idejk u tgħammar fiha, u tgħid: ‘Ħa nagħmel sultan fuqi bħall-ġnus ta’ madwari’; int tista’ tagħmel sultan fuqek, li jkun ħatru l-Mulej, Alla tiegħek.#1 Sam 8,11-18. #1 Sam 8,5. 15Int tista’ tagħmel sultan fuqek lil wieħed minn fost ħutek; ma tistax tqiegħed fuqek wieħed barrani, li ma jkunx ħuk.#1 Sam 9,16; 10,24; 16,12. 16Biss m’għandux iżomm għadd kbir ta’ żwiemel#17,16-17: M’għandux iżomm għadd kbir ta’ żwiemel … anqas għandu jkollu ħafna nisa: twiddiba f’postha kontra l-arroganza, il-lussu u s-senswalità tas-slaten tal-Lvant bħalma kien Salamun; ara Dt 28,68; 1 Slat 10,26; 11,1-8. u anqas m’għandu jieħu l-poplu lura fl-Eġittu biex iżid iż-żwiemel, għax il-Mulej qalilkom: ‘La taqbdux iżjed din it-triq.#Dt 28,68; 1 Slat 10,26; 10,26.’ 17Anqas ma għandu jkollu ħafna nisa, li ma ddurx qalbu; u lanqas ħafna fidda u deheb.#1 Slat 11,3-4; Neħ 13,26. 18Meta joqgħod fuq it-tron ta’ saltnatu, jikteb mill-ġdid din il-liġi fi ktieb minn fuq dik li hemm għand il-qassisin Leviti.#Dt 31,9. 19U jżommha dejjem għandu u jaqraha l-jiem kollha ta’ ħajtu, biex jitgħallem jibża’ mill-Mulej, Alla tiegħu, u jħares il-kliem kollu ta’ din il-liġi u dawn l-istatuti, biex iħarishom; 20u ma jintrefax f’qalbu ’l fuq minn ħutu, u ma jilwix mill-kmandamenti lejn il-lemin jew lejn ix-xellug; biex idum għal żmien twil fuq saltnatu, hu u wliedu, f’nofs Iżrael.
Currently Selected:
DEWTERONOMJU 17: MB20
Highlight
Share
Copy
Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.