YouVersion Logo
Search Icon

DEWTERONOMJU 16

16
Kapitlu 16
Il-festi tas-sena
1“Ħares ix-xahar ta’ Abib#16,1: Ix-xahar ta’ Abib: Abib tfisser żbula, u x-xahar, aktar tard imsejjaħ Nisan, kien l-ewwel xahar tas-sena liturġika, Marzu/April; ara Eż 12,1; 13,4; Neħ 2,1; Est 3,7., u agħmel il-festa tal-Għid f’ġieħ il-Mulej, Alla tiegħek, għax fix-xahar ta’ Abib ħarġek il-Mulej, Alla tiegħek, mill-art tal-Eġittu billejl.#Eż 12; 23,14-17; Lev 23,5-8; Num 28,16-25. 2Oqtol u offri s-sagrifiċċju tal-Għid, nagħaġ u baqar, lill-Mulej, Alla tiegħek, fil-post li jagħżel il-Mulej li jqiegħed ismu fih. 3Ma tikolx ħobż bil-ħmira miegħu; imma għal sebat ijiem tiekol ħobż ażżmu, ħobż in-niket, għax bl-għaġla ħriġt mill-art tal-Eġittu, biex tiftakar jum ħruġek mill-Eġittu, il-jiem kollha ta’ ħajtek.#Eż 13,6-7; 34,18. 4M’għandha tidher ebda ħmira fil-pajjiż kollu tiegħek għal sebat ijiem, u m’għandu jibqa’ xejn għal filgħodu mil-laħam li tkun offrejt b’sagrifiċċju filgħaxija l-jum ta’ qabel. 5Ma tistax toffri s-sagrifiċċju tal-Għid f’ebda waħda mill-ibliet li se jagħtik il-Mulej, Alla tiegħek, 6jekk mhux fil-post li jagħżel il-Mulej, Alla tiegħek, biex iqiegħed ismu fih. Hemm toffri s-sagrifiċċju tal-Għid filgħaxija ma’ nżul ix-xemx, fil-ħin li int ħriġt mill-Eġittu.#Dt 12,11. 7Issajru u tieklu, fil-post li jagħżel il-Mulej, Alla tiegħek. L-għada filgħodu int tista’ ddur lura, u tmur fit-tined tiegħek. 8Għal sitt ijiem tiekol ħobż ażżmu, u fis-seba’ jum ikollok laqgħa f’ġieħ il-Mulej, Alla tiegħek, u ma tagħmel ebda xogħol.
9“Int tgħodd seba’ ġimgħat: tibda tgħodd seba’ ġimgħat minn meta tibda tmidd il-minġel għall-ħsad.#Lev 23,15-21; Num 28,26-31. 10U tagħmel il-festa tal-Ġimgħat f’ġieħ il-Mulej, Alla tiegħek, u toffri minn rajk kemm tista’ tagħti idek, skont ma jkun bierkek il-Mulej, Alla tiegħek.
11“U tifraħ quddiem il-Mulej, Alla tiegħek, int u wliedek, subien u bniet, l-ilsir u l-ilsira tiegħek, il-Levita li jkun fi blietek, u l-barrani, l-iltim u l-armla, li jkunu f’nofsok fil-post li jkun għażel il-Mulej biex iqiegħed ismu fih.#Dt 12,5. 12U ftakar li lsir kont fl-Eġittu, u qis li tħares dawn il-liġijiet.
13“Tagħmel il-festa tal-Għerejjex meta taħżen il-ġabra tal-andar u l-magħsar tiegħek.#Eż 23,16; Lev 23,33-43; Num 29,12-38. 14U fil-festa tiegħek tifraħ int, uliedek, subien u bniet, l-ilsir u l-ilsira tiegħek, il-Levita u l-barrani, l-iltim u l-armla, li jkunu fi blietek.#Dt 16,11. 15Għal sebat ijiem tagħmel il-festa f’ġieħ il-Mulej, Alla tiegħek, fil-post li jkun għażel il-Mulej; għax il-Mulej, Alla tiegħek, ibierkek fil-ġabra tiegħek kollha, u f’kulma jagħmlu idejk, u tkun tassew ferħan.
16“Tliet darbiet fis-sena kull raġel f’nofsok għandu jidher quddiem il-Mulej, Alla tiegħek, fil-post li jkun għażel: fil-festa tal-Ażżmi, fil-festa tal-Ġimgħat, u fil-festa tal-Għerejjex; u m’għandux jidher quddiem il-Mulej idu f’idu.#Eż 23,14-15; 34,23; 2 Kron 8,13. 17Kulħadd jagħti kemm jista’ skont il-barka li jkun tak il-Mulej, Alla tiegħek.
L-imħallfin
18“Int tqiegħed imħallfin u uffiċjali f’kull belt tiegħek li l-Mulej, Alla tiegħek, se jagħtik, għal kull tribù tiegħek, biex jagħmlu l-ħaqq mill-poplu bis-sewwa.#2 Kron 19,5. 19La tgħawwiġx il-ġustizzja, tħarisx lejn l-uċuħ, u taċċettax rigali, għax ir-rigali jagħmu għajnejn l-għorrief u jgħawġu kliem in-nies sewwa.#Eż 23,8; Dt 1,16-17. 20Għandek tfittex il-ġustizzja, u l-ġustizzja biss, biex inti tgħix u żżomm l-art f’idejk, li l-Mulej, Alla tiegħek, se jagħtik.
21“Ma għandek twaqqaf ebda xbieha tal-Asera, u ma tħawwel ebda siġra ħdejn l-artal li tibni lill-Mulej, Alla tiegħek; 22u anqas twaqqaf plieri, għax jobgħodhom il-Mulej, Alla tiegħek.#Eż 23,24; 34,13; 1 Slat 14,15; 2 Kron 23,3.

Currently Selected:

DEWTERONOMJU 16: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in