YouVersion Logo
Search Icon

DEWTERONOMJU 15

15
Kapitlu 15
Is-sena tal-maħfra
1“Fi tmiem kull seba’ snin tagħmel il-maħfra;#Lev 15,1-7. #Neħ 10,31. 2u l-maħfra tkun din: kull min ikollu jieħu, jaħfer kulma jkun silef lil għajru; ma jitlobx lura l-ħlas minnu malli titnieda l-maħfra f’ġieħ il-Mulej. 3Tista’ titlob lill-barrani, imma lil ħuk erħilu dak li jkollok għandu.#Dt 23,20. 4Ma jkunx hemm fqir f’nofsok, għax il-Mulej ibierkek żgur fl-art li l-Mulej, Alla tiegħek, se jagħtik biex tkun sehmek b’wirt; 5basta tisma’ l-kelma tal-Mulej, Alla tiegħek, u tħares sewwa dawn l-ordnijiet kollha li jien qiegħed nagħtik illum. 6Għax il-Mulej, Alla tiegħek, ibierkek bħalma wiegħdek; u tislef lil ħafna ġnus, imma int ma tissellifx; u ssaltan fuq ħafna ġnus, u fuqek ma jsaltnux.#Dt 23,20-21; 28,12-13.
7“Jekk ikun hemm xi ħadd fil-bżonn minn fost ħutek f’xi waħda minn bliet artek, li l-Mulej, Alla tiegħek, se jagħtik, la twebbisx qalbek u tagħlaqx idek għal ħuk fil-bżonn. 8Imma iftaħ idek miegħu, u isilfu skont ma jkollu bżonn.#Lev 25,35; Sir 29,1-2; Mt 5,42; 1 Ġw 3,17. 9Qis li ma jidħolx xi ħsieb ħażin f’moħħok u tgħid: ‘waslet is-seba’ sena tal-maħfra,’ u tħares b’għajn ħażina fuq ħuk fil-bżonn u ma tagħtihx, għax jgħajjat lill-Mulej kontra tiegħek u int ikollok ħtija. 10Int għandek tagħtih, u la ssewwidx qalbek meta tagħtih, għaliex minħabba f’dan ibierkek il-Mulej, Alla tiegħek, f’kulma tmidd idek għalih. 11Għax qatt ma jonqos xi ħadd fil-bżonn fil-pajjiż; għalhekk jien nordnalek u ngħidlek: Iftaħ idek sewwa lil ħuk, lill-fqir u lill-miskin f’artek.#Dt 15,8; Sir 29,12; Mt 26,11.
12“Jekk ibigħulek lil xi ħadd minn ħutek, Lhudi jew Lhudija, iservik sitt snin, u fis-seba’ sena titilqu ħieles minn miegħek.#Eż 21,2-11; Lev 25,39-46. #Eż 21,2-4; Lev 25,8-9; Ġer 34,14. 13U meta titilqu ħieles minnek, tibagħtux idu f’idu. 14Imma agħtih b’idejk miftuħa tagħmira mill-imrieħel tiegħek, mill-andar u mill-magħsar tiegħek; agħtih milli jkun bierkek bih il-Mulej, Alla tiegħek. 15Ftakar li int ukoll kont ilsir fl-art tal-Eġittu u fdiek il-Mulej, Alla tiegħek; għalhekk illum qiegħed nordnalek dan.#Dt 5,15; 24,18.
16“Jekk huwa jgħidlek: ‘Ma rridx nitlaq minn miegħek,’ għax iħobbok u jħobb lil darek, għax ikun qiegħed tajjeb miegħek,#Eż 21,5-6. 17ħu xifa u taqqablu widintu mal-bieb, u jkun ilsir tiegħek għal dejjem, u agħmel l-istess mal-mara lsira tiegħek.
18“La teħodhiex bi kbira li tħallih jitlaq ħieles minn miegħek; għaliex għal sitt snin ikun ħadimlek darbtejn daqskemm jiswa l-ħlas tal-ħaddiem mikri; u jbierkek il-Mulej, Alla tiegħek, f’kulma tagħmel.
L-ewwel frieħ
19“Kull ferħ raġel li jitwieled l-ewwel mill-baqar jew l-imrieħel tiegħek tikkonsagrah lill-Mulej, Alla tiegħek; ma tagħmel ebda xogħol bl-ewwel ferħ tal-baqar tiegħek u ġġiżżx l-ewwel ferħ tan-nagħaġ tiegħek.#Eż 13,11-12; 22,30; 34,19; Num 18,17-18. 20Minn sena għal sena, dawn il-frieħ tikolhom flimkien mal-familja tiegħek quddiem il-Mulej, Alla tiegħek, fil-post li l-Mulej, Alla tiegħek, ikun għażel.#Dt 14,23. 21Jekk il-ferħ ikun fih xi nuqqas, agħma jew zopp, jew ikollu xi difett kbir ieħor, toffrihx b’sagrifiċċju lill-Mulej, Alla tiegħek.#Lev 22,20; Dt 12,15-16. 22Imniġġes jew safi, tieklu fi blietek, bħalma tieklu l-għażżiela u ċ-ċerva.#Dt 12,15. 23Biss m’għandekx tiekol demmu, iżda xxerrdu fl-art bħall-ilma.

Currently Selected:

DEWTERONOMJU 15: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in