YouVersion Logo
Search Icon

DEWTERONOMJU 14

14
Kapitlu 14
Riti tal-mejtin pagani
1“Intom ulied il-Mulej, Alla tagħkom: la tqattgħux ġisimkom, lanqas taqtgħu xagħarkom ta’ bejn għajnejkom minħabba xi mejjet.#Lev 19,27-28. 2Għaliex int poplu qaddis għall-Mulej, Alla tiegħek; u lilek għażel il-Mulej biex tkun poplu tiegħu, il-magħżul fost il-popli kollha fuq wiċċ l-art.#Eż 19,6; Dt 7,6; 26,19; Tit 2,14; 1 Pt 2,9; Apk 1,6; 5,10.
Bhejjem safja u bhejjem imniġġsa
3“Ma għandek tiekol xejn mistkerrah.#Lev 11,2-23. #Eżek 4,14; Atti 10,14. 4Dawn huma l-bhejjem li tistgħu tieklu laħamhom: il-gendus, in-nagħġa, il-mogħża, 5iċ-ċerv, l-għażżiela, u ċ-ċerv u l-mogħoż selvaġġi, l-antilop, il-buflu u l-kamoxx. 6Tistgħu tieklu minn kull bhima bid-dwiefer, jew bid-difer maqsum fi tnejn u tixtarr; din tistgħu tieklu laħamha. 7Imma minn dawk li jixtarru, u minn dawk b’difrejhom mhumiex maqsumin, tiklux: il-ġemel, il-liebru, u l-fenek; dawn jixtarru, imma difrejhom mhumiex maqsumin; intom għandkom tqisuhom imniġġsa. 8Il-ħanżir ukoll hu mniġġes għax, għalkemm difrejh maqsumin, ma jixtarrx. M’għandkomx tieklu laħamhom, u ġisimhom mejjet la tmissuhx.#Lev 11,26.
9“Minn kulma jgħix fl-ilma tistgħu tieklu dawn: tistgħu tieklu minn dawk li għandhom il-ġwienaħ u l-qxur; 10imma m’għandkomx tieklu minn dawk li m’għandhomx ġwienaħ u qxur, għax dawn huma mniġġsa għalikom.
11“Tistgħu tieklu kull għasfur safi. 12Ma tistgħux tieklu mill-ajkla, il-bugħadam, il-kuċċarda, 13is-seqer, kull xorta ta’ bies; 14kull xorta ta’ għareb; 15in-nagħma, il-kokka, il-gawwija, u s-seqer ta’ kull xorta; 16il-barbaġann, omm is-sibjien, iż-żinna; 17il-qwaqq, it-tiġieġa tal-baħar, 18il-margun; il-laqlâq u kull xorta ta’ russett; id-daqquqa tal-pinnaċċ u l-farfett il-lejl. 19Kull dud li jtir qisuh imniġġes għalikom; tiklux minnu. 20Tistgħu tieklu minn kull tajra safja.
21“Tiklux mill-ebda bhima mejta: tista’ tagħtiha lill-frustier li jkun jgħammar fi blietek biex jiekol minnha, jew tbigħha lill-barrani. Għax int poplu kkonsagrat lill-Mulej, Alla tiegħek. La tgħallix gidi f’ħalib ommu!#Eż 22,30; 23,19; 34,26; Lev 11,39-40; 17,15.
L-għexur
22“Ħu mill-għaxra waħda mill-frott tal-miżirgħa tiegħek, minn kulma trodd l-art kull sena.#Lev 27,30-33; Num 18,21-32. 23U tiekol quddiem il-Mulej, Alla tiegħek, fil-post li hu jagħżel fejn jgħammar ismu, mill-għaxra waħda tal-qmuħ, tal-inbid ġdid tiegħek, taż-żejt tiegħek, l-ewwel frieħ tal-baqar u l-imrieħel tiegħek, biex titgħallem tibża’ mill-Mulej, Alla tiegħek, għal dejjem.#Dt 12,5-7.
24“Jekk imbagħad ikollok triq twila żżejjed u ma tkunx tista’ ġġorru, għax il-post li l-Mulej, Alla tiegħek, ikun għażel biex iqiegħed ismu fih ikun ’il bogħod minnek, meta l-Mulej, Alla tiegħek, ikun bierkek, 25bigħ l-għexur tal-frott, u l-flus sorrhom u ħudhom miegħek fil-post li l-Mulej, Alla tiegħek, ikun għażel. 26Hemm tonfoq il-flus f’kulma tixtieq qalbek; baqar, nagħaġ, inbid, xorb, u kulma tgħidlek qalbek, u tikolhom hemm quddiem il-Mulej, Alla tiegħek, u tifraħ, int u l-familja tiegħek.
27“Imma tinsiex il-Levita li jkun fi blietek, għax dan ma għandu ebda sehem u wirt miegħek.#Dt 12,12. 28Kull tliet snin, fl-aħħar tas-sena, tiġbor mill-għaxra waħda tal-frott ta’ dik is-sena u tqegħedha ħdejn bwieb blietek,#Dt 26,12; Num 18,20. 29u mbagħad jiġi l-Levita, li ma għandux sehem u wirt miegħek, il-barrani, l-iltim u l-armla, li jkunu fi blietek, u jieklu u jixbgħu, biex ibierkek il-Mulej, Alla tiegħek, f’kulma tagħmel idek.

Currently Selected:

DEWTERONOMJU 14: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in