DEWTERONOMJU 18
18
Kapitlu 18
Il-qassisin
1“Il-qassisin Leviti, it-tribù kollha ta’ Levi, ma jkollhomx sehem u wirt mal-poplu ta’ Iżrael; jgħixu mis-sagrifiċċji u l-wirt tal-Mulej.#Num 18,8-9.20-24; 1 Kor 9,13. 2Ma jkollhomx sehem f’nofs ħuthom; il-Mulej hu l-wirt tagħhom, kif wegħedhom.#Eżek 44,28-29.
3“Dan hu li jmiss bi dritt lill-qassisin mingħand il-poplu, mingħand min joffri s-sagrifiċċju, mill-baqar jew min-nagħaġ; għandu jagħti lill-qassis l-ispallejn, ix-xdieq u l-kirxa;#Lev 6—7. 4tagħtih ukoll il-bikri tal-qmuħ tiegħek, tal-inbid ġdid, u taż-żejt tiegħek, u l-bikri tal-ġeżż tan-nagħaġ tiegħek.#Num 18,12; 2 Kron 31,5. 5Għax lilu għażel il-Mulej, Alla tiegħek, mit-tribù kollha ta’ Iżrael, biex jaqdi lill-Mulej, Alla tiegħek, u jservi f’isem il-Mulej, hu u wliedu għal dejjem.
6“Jekk imbagħad jiġi xi Levita fil-post li jkun għażel il-Mulej minn xi waħda minn blietek, jew minn xi mkien f’Iżrael kollu fejn ikun joqgħod, jekk jiġi minn qalbu u minn rajh,#2 Slat 23,9. 7ħallih iservi f’isem il-Mulej, Alla tiegħu, bħal ħutu l-oħra l-Leviti, li jkunu quddiem il-Mulej. 8Ikollu l-istess porzjon ta’ ikel, minbarra dak li jiret mill-ġid ta’ missirijietu.
Il-profeta
9“Meta inti tidħol fl-art li l-Mulej, Alla tiegħek, se jagħtik, titgħallimx timxi fuq id-drawwiet koroh ta’ dawn il-ġnus.#Lev 18,26-30; Dt 12,29-31. 10Ma għandu jkun hemm ħadd f’nofsok li jgħaddi min-nar lil ibnu#18,10: Jgħaddi min-nar lil ibnu: is-sagrifiċċju tat-trabi lill-alla falz Molok tal-Kangħanin; ara Lev 18,21. F’dan il-vers għandna l-kundanna ta’ kull xorta ta’ maġija jew seħer. jew lil bintu, lanqas min jeħber, min jitkixxef il-ġejjieni,#Lev 18,21; 19,31; 20,6-27; 1 Sam 28,7; 2 Slat 17,17; 21,6. 11min jagħmel il-magħmul u s-sħarijiet, min isejjaħ l-erwieħ, min jobsor u jistħarreġ il-mejtin. 12Għax mistkerrah quddiem il-Mulej kull min jagħmel dawn il-ħwejjeġ; u minħabba dawn id-drawwiet koroħ, il-Mulej, Alla tiegħek, se jkeċċihom minn quddiemek.#Dt 9,4. 13Kun perfett quddiem il-Mulej, Alla tiegħek.#Mt 5,48. 14Għax dawn il-ġnus li int se tkeċċi ’l barra, jisimgħu minn dawk li jobsru u jeħbru, imma lilek il-Mulej, Alla tiegħek, ma jħallikx tagħmel hekk.
15“Il-Mulej, Alla tiegħek, iqajjimlek profeta#18,15: Iqajjimlek profeta: minflok il-ħabbara, il-maġi u s-saħħara, u l-orakli tal-pagani, il-Mulej kellu jibagħtilhom il-profeti, wieħed wara l-ieħor, biex juruhom il-volontà ta’ Alla. L-ikbar wieħed kellu jkun Ġesù Kristu. F’dan is-sens din hi profezija messjanika; ara Ġw 6,14; 7,40; Atti 3,32; 7,37. bħali minn ġensek, minn fost ħutek; lilu għandkom tisimgħu.#Atti 3,22-23; 7,37. #Num 12,6; Mt 17,5; Ġw 1,45; 6,14. 16Dan kollu skont ma tlabt inti stess lill-Mulej, Alla tiegħek, fil-Ħoreb f’jum il-laqgħa, meta għedt: ‘Jalla ma nismax aktar leħen il-Mulej, Alla tiegħi, u ma narax aktar dan in-nar iħeġġeġ, ħalli ma mmutx.’#Eż 20,19. 17U l-Mulej qalli: ‘Sewwa għamlu li tkellmu.#Eż 4,12; Ġw 1,21; 12,49-50. 18Jiena nqajmilhom profeta bħalek, minn fost ħuthom; inqiegħed kliemi fuq fommu, u jħabbrilhom kulma nordnalu. 19Min ma jagħtix widen għal kliemi li huwa jħabbar f’ismi, jiena nitolbu kont talli jkun naqas.#Eż 3,19; 33,9. 20U jekk xi profeta jfettillu jgħid f’ismi ħwejjeġ li ma nkunx qabbadtu jgħid, jew inkella jħabbar f’isem allat oħra, dan il-profeta jkun ħaqqu l-mewt.’#Dt 13,2-4. #Ġer 14,14-16.
21“Jekk inti tiġi biex tgħid f’qalbek: ‘Kif nagħrfu l-kelma li ma tkunx tal-Mulej?’ 22Dan jiġri meta l-kelma li jgħid il-profeta f’isem il-Mulej ma sseħħx u ma jiġri xejn; din il-kelma ma jkunx qalha l-Mulej; ikun qalha l-profeta bi preżunzjoni; la tibżax minnu.#1 Slat 22,28; Ġer 28,9; Eżek 2,5; 33,33.
Currently Selected:
DEWTERONOMJU 18: MB20
Highlight
Share
Copy
Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.