YouVersion Logo
Search Icon

ATTI TAL-APPOSTLI 17

17
Kapitlu 17
Irvell f’Tessalonika
1Għaddew minn Amfipoli u Apollonja u waslu Tessalonika, fejn kien hemm sinagoga tal-Lhud.#1 Tess 2,1-2. 2Pawlu daħal magħhom fis-sinagoga, kif kien imdorri jagħmel. Għal tliet Sibtijiet wara xulxin kien jiddiskuti magħhom fuq l-Iskrittura,#Lq 4,16; Atti 9,20; 17,10-17. 3u jfehemhom u jippruvalhom li l-Messija kellu jbati u jqum mill-imwiet. U kien jgħidilhom: “Il-Messija hu dan Ġesù li jien qiegħed inxandar lilkom.”#Lq 24,46; Atti 3,18; 9,22; 18,5-28. 4Xi wħud minnhom emmnu u ssieħbu miegħu u ma’ Sila; fosthom kien hemm għadd kbir ta’ Griegi li kienu jqimu lil Alla#17,4: Kienu jqimu lil Alla: ara nota 13,16., u mhux ftit nisa mill-kbarat.#Atti 13,50; 17,12. 5Imma l-Lhud ġiethom l-għira, ġabru xi rġiel bla kont mit-triqat, ġemgħu l-folla, u qajmu rvell sħiħ fil-belt. Daħlu d-dar ta’ Ġason ifittxu lil Pawlu u ’l Sila biex iressquhom quddiem il-poplu.#1 Tess 5,14. 6Billi ma sabuhomx, kaxkru lil Ġason u ’l xi wħud mill-aħwa quddiem il-kapijiet tal-belt u bdew jgħajtu: “Dawn l-irġiel, li qallbu d-dinja ta’ taħt fuq, ġew hawn ukoll#Atti 16,20. 7u laqagħhom għandu Ġason. Huma lkoll qegħdin jeħduha kontra d-digrieti ta’ Ċesari, għax qegħdin jgħidu li hemm sultan ieħor, li hu Ġesù.”#Lq 23,2; Ġw 19,12. 8Meta semgħu dan il-kliem, il-folla u l-kapijiet tal-belt tħawdu. 9Imbagħad, wara li Ġason u l-oħrajn għamlu tajjeb għalihom, ħallewhom imorru.
Pawlu u Sila f’Berija
10Minnufih billejl l-aħwa qabbdu t-triq lil Pawlu u ’l Sila għal Berija. Kif waslu hemm, baqgħu sejrin lejn is-sinagoga tal-Lhud. 11Dawn il-Lhud kienu nies ta’ qalb kbira aktar minn dawk ta’ Tessalonika; huma laqgħu l-kelma bil-ħeġġa kollha, u kuljum bdew iqallbu l-Iskrittura biex jaraw jekk dak li semgħu kienx minnu.#Ġw 5,39. 12Għalhekk ħafna minnhom emmnu; hekk ukoll għadd ġmielu ta’ Griegi, nisa nobbli u rġiel.#Atti 13,50; 17,4. 13Iżda malli l-Lhud ta’ Tessalonika saru jafu li Pawlu kien xandar il-kelma ta’ Alla f’Berija wkoll, marru hemm ukoll u bdew iqanqlu u jħawdu l-folol.#Atti 14,19. 14Minnufih l-aħwa qabbdu t-triq lil Pawlu sa xatt il-baħar, waqt li Sila u Timotju baqgħu hemm. 15Dawk li marru ma’ Pawlu wassluh sa Ateni. Imbagħad reġgħu lura, bl-ordni għal Sila u Timotju biex imorru ħdejh mill-aktar fis.
Pawlu f’Ateni
16Kemm dam Ateni jistenniehom, Pawlu kien jinkedd fih innifsu jara l-belt mimlija idoli. 17Għalhekk fis-sinagoga kien jiddiskuti mal-Lhud u ma’ dawk kollha li kuljum kienu jinzertaw għaddejjin mill-pjazza tal-belt.#Atti 18,19. 18Resqu wkoll jitħaddtu miegħu xi Epikurin u Stojċi#17,18: Epikurin u Stojċi: dawn kienu żewġ skejjel ta’ filosfi Griegi kontra xulxin. L-Epikurin kienu jgħallmu, fost ħwejjeġ oħra, li d-dinja hi mmexxija mill-fortuna u l-kumbinazzjoni: f’dawn iċ-ċirkustanzi l-bniedem għandu jfittex li jgawdi u jieħu kemm jista’ mid-dinja għax wara din m’hemmx ħajja oħra. L-Istojċi kienu jemmnu li ‘Alla’ hu ħaġa waħda mad-dinja u xejn ma għandu jinkwieta lill-bniedem; ferħ u għali ma għandhomx jagħmlu bih.. Uħud minnhom kienu jgħidu: “X’għandu x’jgħid dan il-lablâb?” U oħrajn: “Donnu messaġġier ta’ xi allat stranġiera.” Għax kien ixandar lil Ġesù u l-qawmien mill-imwiet. 19Għalhekk ħaduh magħhom u marru fl-Arjopagu#17,19: L-Arjopagu: għolja f’Ateni fejn kien jiltaqa’ l-Kunsill tal-belt. u qalulu: “Nistgħu nkunu nafu x’inhu dan it-tagħlim ġdid li qiegħed tgħallem? 20Għax int semmajtna ħwejjeġ li qatt ma smajna bihom, u aħna nixtiequ nkunu nafu x’inhuma dawn.” 21Issa l-Atenin kollha u l-barranin li kienu joqogħdu hemm ma kienu jedhew b’xejn ħlief b’li jgħidu jew jisimgħu xi ħaġa ġdida.
22Imbagħad Pawlu, wieqaf f’nofs l-Arjopagu, qabad jitkellem: “Irġiel ta’ Ateni, qiegħed nara li intom f’kollox nies mill-aktar reliġjużi. 23Jien u għaddej u nħares lejn ix-xbihat qaddisa tal-qima tagħkom, sibt ukoll artal b’din il-kitba fuqu, ‘Lil Alla Mhux Magħruf’. Għalhekk, dak li intom tqimuh bla ma tagħrfuh, inħabbarhulkom jien. 24Alla, li għamel id-dinja u kulma fiha, u li hu sid is-sema u l-art, ma joqgħodx f’tempji maħduma bl-idejn,#1 Slat 8,27; S 146,6; Is 42,5; Mt 11,25; Atti 7,48. 25anqas ma jqimuh b’offerti minn idejn il-bniedem bħallikieku kienet tonqsu xi ħaġa, hu, li jagħti lil kulħadd il-ħajja u n-nifs u kollox.#S 50,12; Is 42,5. 26Minn bniedem wieħed#17,26: Minn bniedem wieħed: Adam; ara Ġen 1,26; 2,7. għamel il-ġens kollu tal-bnedmin biex jgħammru fuq wiċċ l-art kollha, u qassmilhom bil-qjies iż-żminijiet u t-truf tal-art fejn għandhom jgħammru;#Dt 32,8. 27u dan għamlu biex huma jfittxu lil Alla u forsi jħossuh b’idejhom u jsibuh; u tassew, hu mhuwiex ’il bogħod minn kull wieħed minna.#S 145,18; Is 55,6; Ġer 23,23. 28Aħna fih ngħixu, nitħarrku u aħna; u, kif qalu xi wħud mill-poeti tagħkom#17,28: Xi wħud mill-poeti tagħkom: il-poeti Epimenidi u Aratu., ‘Aħna tassew nisel tiegħu.’ 29Mela ladarba aħna nisel ta’ Alla, ma għandniex naħsbu li hu jixbah lid-deheb jew lill-fidda jew lill-ħaġar, qisu xbieha ġejja minn sengħet u moħħ il-bniedem.#Is 40,18-20; 44,10-17; Atti 19,26. 30Alla għalaq għajnejh sakemm il-bnedmin kienu għadhom ma jafux; issa għarrafhom li kulħadd għandu jindem, hu fejn hu.#Atti 14,16; 17,23. 31Għax hu għażel jum li fih għandu jagħmel ħaqq ġust mid-dinja permezz ta’ bniedem li ħatru hu#17,31: Permezz ta’ bniedem li ħatru hu: xi wħud mill-manuskritti jżidu Ġesù, li hi interpretazzjoni flokha.; u ta’ dan kollu ta prova quddiem kulħadd billi lilu qajmu mill-imwiet.”#S 9,8; 96,13; 98,9; Atti 10,42.
32Malli semgħu kliemu fuq il-qawmien mill-imwiet, xi wħud minnhom bdew jidħku; iżda oħrajn qalu: “Nerġgħu nisimgħuk fuq dan darb’oħra.” 33Hekk Pawlu ħareġ minn ġo nofshom. 34Imma xi wħud issieħbu miegħu u emmnu; fost dawn kien hemm ukoll Djonisju l-Arjopagita u waħda mara jisimha Damari u oħrajn magħhom.

Currently Selected:

ATTI TAL-APPOSTLI 17: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in