YouVersion Logo
Search Icon

ATTI TAL-APPOSTLI 16

16
Kapitlu 16
Timotju jissieħeb ma’ Pawlu u Sila
1Pawlu wasal sa Derbi u Listra. Hemmhekk kien hemm dixxiplu jismu Timotju, bin mara Lhudija li kienet temmen, imma li missieru kien Grieg.#Atti 14,6; 2 Tim 1,5. 2Hu kellu fama tajba mal-aħwa ta’ Listra u Ikonju.#Fil 2,2-22. 3Pawlu ried jieħdu miegħu. Għalhekk qabad u għamillu ċ-ċirkonċiżjoni minħabba l-Lhud ta’ dawk l-inħawi, għax kollha kienu jafu li missieru kien Grieg.#Gal 2,3-5. 4Huma u għaddejjin mill-ibliet, bdew jgħarrfuhom bid-digrieti tal-appostli#16,4: Bdew jgħarrfuhom bid-digrieti tal-appostli: ara 15,23-29. u l-presbiteri ta’ Ġerusalemm u jħeġġuhom biex iħarsuhom.#Atti 15,23-29. 5Hekk il-knejjes kienu jitwettqu fil-fidi u jiżdiedu fl-għadd kuljum.#Atti 2,47; 5,14; 6,7.
Raġel mill-Maċedonja jidher lill-Pawlu
6Qasmu mbagħad il-Friġja u l-art tal-Galazja#16,6: Il-Friġja u l-art tal-Galazja: żewġ distretti fil-qalba tal-Asja Minuri, illum it-Turkija. Ixandru l-kelma fl-Asja: din kienet il-provinċja Rumana tal-Asja, bil-kapitali tagħna l-belt ta’ Efesu. Minnha ħadet isimha l-Asja Minuri kollha., għax l-Ispirtu s-Santu ma ħallihomx ixandru l-kelma fl-Asja. 7Kif waslu fl-inħawi ta’ Misja#16,7: Misja: il-pajjiż fuq il-Majjistral tal-Asja Minuri, illum it-Turkija., ippruvaw jidħlu f’Bitinja, imma l-Ispirtu ta’ Ġesù ma ħallihomx. 8Għalhekk għaddew minn Misja u niżlu Troas. 9Billejl Pawlu kellu viżjoni; ra raġel mill-Maċedonja, wieqaf, jitolbu hekk: “Ejja l-Maċedonja u għinna.” 10Malli ra din il-viżjoni, malajr fittixna nitilqu lejn il-Maċedonja, għax fhimna tajjeb li Alla kien sejħilna biex immorru nxandrulhom l-Evanġelju.
Il-konverżjoni ta’ Lidja
11Għalhekk tlaqna bil-baħar minn Troas u bqajna sejrin lejn Samotraċja, u l-għada wasalna Neapoli#16,11: Neapoli: post in-naħa tat-Tramuntana tal-Baħar Eġew, qrib il-belt ta’ Filippi, kolonja Rumana.. 12Minn hemm morna Filippi, li hi l-belt ewlenija tal-provinċja tal-Maċedonja u kolonja Rumana. Qgħadna għal ftit jiem f’din il-belt. 13Meta wasal is-Sibt, ħriġna barra l-bieb tal-belt, lejn xatt ix-xmara, fejn dehrilna li kien hemm dar tat-talb. Qgħadna bilqiegħda, u bdejna nkellmu lin-nisa li kien hemm miġbura flimkien. 14Waħda minnhom kien jisimha Lidja, mara minn Tijatira, neguzjanta tal-porpra#16,14: Porpra: ara nota Mk 15,17. Kienet tqim lil Alla: ara nota 13,16. u kienet tqim lil Alla. Hija qagħdet tismagħna, u l-Mulej fetħilha qalbha biex tifhem dak li kien jgħid Pawlu. 15Wara li tgħammdet, hi u l-familja tagħha, talbitna u qaltilna: “Jekk jidhrilkom li jiena nemmen fil-Mulej, ejjew oqogħdu d-dar tiegħi.” U ġagħlitna noqogħdu għandha.#Atti 16,33; 18,8.
Pawlu u Sila fil-ħabs ta’ Filippi
16Darba waħda, aħna u sejrin lejn il-post tat-talb, iltaqgħet magħna tfajla lsira, li kellha l-ispirtu biex taqra x-xorti u kienet iġġib ħafna flus lis-sidien tagħha bit-teħbir li kienet tagħmel.#Atti 19,24. 17Din baqgħet miexja wara Pawlu u warajna, tgħajjat u tgħid: “Dawn l-irġiel huma qaddejja ta’ Alla l-Għoli, li jxandrulkom it-triq tas-salvazzjoni.” 18U damet ħafna ġranet tagħmel hekk. Fl-aħħar Pawlu ddejjaq, dar lejn l-ispirtu u qallu: “F’isem Ġesù Kristu, jiena ngħidlek: oħroġ minnha!” U l-ispirtu ħareġ minnha minnufih.#Mk 16,17. 19Xħin is-sidien tagħha raw li taritilhom it-tama tal-qligħ, qabdu lil Pawlu u ’l Sila u kaxkruhom lejn il-pjazza għal quddiem il-kapijiet. 20Ħaduhom quddiem il-maġistrati u qalulhom: “Dawn l-irġiel, li huma Lhud, qegħdin iqanqlulna l-inkwiet fil-belt;#1 Slat 18,17; Atti 17,6. 21qegħdin ixandru drawwiet li aħna, bħala Rumani, la nistgħu nilqgħuhom u lanqas inħarsuhom.” 22Il-folla qamet kontra tagħhom; il-maġistrati ċarrtulhom ħwejjiġhom u ordnaw li jsawtuhom bil-bsaten.#Fil 1,30; 1 Tess 2,2. #2 Kor 11,25. 23Wara li tawhom xebgħa sewwa, tefgħuhom il-ħabs, u taw ordni lill-għassies biex iħarishom tajjeb. 24Kif irċieva ordni bħal din, l-għassies tefagħhom il-ħabs, ’il ġewwa nett, u qaflilhom#16,24: Qaflilhom saqajhom: żewġ blokki tal-injam li fihom kienu jaqflu saqajn il-priġunieri. saqajhom f’ċipp tal-injam.
25Għall-ħabta ta’ nofs il-lejl Pawlu u Sila bdew jitolbu u jfaħħru ’l Alla bl-innijiet, u l-ħabsin jisimgħuhom. 26F’daqqa waħda sar terremot hekk kbir li s-sisien tal-ħabs theżżu, minnufih il-bibien kollha nfetħu beraħ u nħall l-irbit ta’ kulħadd. 27Kif l-għassies stenbaħ u ra l-bibien tal-ħabs miftuħa beraħ, silet is-sejf u kien se jneħħi ħajtu b’idejh, għax stħajjel li l-ħabsin kienu ħarbu.#Atti 12,18-19. 28Imma Pawlu għajjat b’leħen għoli u qallu: “Tagħmel ebda ħsara lilek innifsek, għax aħna lkoll hawn.” 29L-għassies talab id-dawl, daħal jiġri, u mriegħed bil-biża’ nxteħet f’riġlejn Pawlu u Sila. 30Imbagħad ħariġhom barra u qalilhom: “Sinjuri, x’għandi nagħmel biex insalva?”#Atti 2,37. 31Huma weġbuh: “Emmen fil-Mulej Ġesù, u ssalva int u l-familja tiegħek.” 32U ħabbrulu l-kelma tal-Mulej, lilu u lil dawk kollha li kienu f’daru. 33Dak il-ħin stess billejl, l-għassies ħadhom miegħu, ħaslilhom il-ġrieħi, u bla telf ta’ żmien tgħammed hu u niesu kollha.#Atti 16,15. 34Imbagħad tellagħhom id-dar tiegħu, għamlilhom mejda, u feraħ man-nies kollha ta’ daru talli kien emmen f’Alla.
35Meta sebaħ, il-maġistrati bagħtu xi uffiċjali#16,35: Xi uffiċjali: bil-Grieg rabdouchous, bil-Latin lictores, uffiċjali li kienu mqabbdin biex jesegwixxu s-sentenzi tal-qrati; illum insejħulhom pulizija. b’dan il-messaġġ: “Ħallu lil dawn l-irġiel imorru.” 36L-għassies wassal dan il-messaġġ lil Pawlu: “Il-maġistrati bagħtu jgħidulna biex nitilqukom. Mela issa oħorġu u morru bis-sliem.” 37Imma Pawlu qalilhom: “Sawtuna quddiem kulħadd, lilna, ċittadini Rumani#16,37: Lilna, ċittadini Rumani: il-liġi Rumana ma kinitx tippermetti li ċ-ċittadini Rumani jkunu msawta u fflaġellati; ara Atti 22,25-29; 23,27., bla ma raw jekk aħniex ħatja jew le, u tefgħuna l-ħabs; u issa jridu jibagħtuna ’l barra bil-moħbi? Hekk le! Ħa jiġu u joħorġuna huma!”#Atti 22,25. 38L-uffiċjali wasslu dan il-kliem lill-maġistrati, u dawn beżgħu malli saru jafu li kienu Rumani. 39Għalhekk marru u bdew iżiegħlu bihom; ħarġuhom ’il barra, u talbuhom biex iħallu l-belt.#Mt 8,34. 40Kif ħarġu mill-ħabs, marru d-dar ta’ Lidja. Hemm iltaqgħu mal-aħwa, farrġuhom bi kliemhom, u telqu.

Currently Selected:

ATTI TAL-APPOSTLI 16: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in