YouVersion Logo
Search Icon

2 SAMWEL 2

2
Kapitlu 2
David sultan f’Ħebron
1Wara dawn il-ġrajja David staqsa lill-Mulej u qallu: “Nitla’ jien f’waħda mill-ibliet ta’ Ġuda!” U l-Mulej wieġbu: “Itla’.” U David issokta: “Fejn nitla’?” U wieġbu: “F’Ħebron.” 2U David tela’ hemm, hu u ż-żewġ nisa tiegħu, Aħinogħam il-Ġeżragħelija, u Abigajl, mart Nabal il-Karmeli.#1 Sam 25,42-43. 3David ħa miegħu wkoll in-nies li kienu ngħaqdu miegħu bil-familji tagħhom, u nġabru fl-ibliet ta’ Ħebron. 4U ġew in-nies ta’ Ġuda, u hemm dilku ’l David sultan fuq id-dar ta’ Ġuda.#1 Sam 31,11-13.
U għarrfu lil David u qalulu: “In-nies ta’ Ġabes-gilgħad difnu lil Sawl.” 5U David bagħat messaġġiera f’Ġabes-gilgħad u qalilhom: “Imberkin intom mill-Mulej, għax għamiltu din il-ħniena ma’ sidkom Sawl u dfintuh. 6U issa jagħmel il-Mulej il-ħniena u s-sewwa magħkom, u jien min-naħa tiegħi nagħmlilkom il-ġid, la darba għamiltu hekk. 7U issa ħa jissaħħu dirgħajkom u kunu nies ta’ ħila; sidkom Sawl miet, imma d-dar ta’ Ġuda dilkuni sultan fuqha.”
Il-ġlied bejn David u dar Sawl
8Abner bin Ner, li kien il-kmandant tal-eżerċtu ta’ Sawl, qabad lil Isboset#2,8: Isboset: dan l-isem fl-oriġinal kien Isbagħal, il-bniedem tas-Sid (il-Mulej), iżda billi Bagħal kien l-isem ta’ alla falz, l-iskribi tat-test Lhudi biddluh f’boset, għajb. L-istess għandna Mefiboset flok Mefibagħal, 2 Sam 4,8; ara wkoll 1 Kron 8,33; 9,39. bin Sawl, u ħadu f’Maħanajm,#1 Sam 14,40-49. 9u hemm għamlu sultan fuq Gilgħad, fuq l-Asurin, fuq Ġeżragħel, fuq Efrajm, fuq Benjamin, u fuq Iżrael kollu. 10U Isboset bin Sawl kellu erbgħin sena meta sar sultan fuq Iżrael, u dam isaltan sentejn. Dar Ġuda biss baqgħet ma’ David. 11Seba’ snin u sitt xhur dam David isaltan fuq dar Ġuda f’Ħebron.#2 Sam 5,5; 1 Slat 2,11.
12Abner bin Ner ħareġ bil-qaddejja ta’ Isboset bin Sawl, minn Maħanajm lejn Gibgħon. 13U ħareġ ukoll Ġowab bin Seruja bil-qaddejja ta’ David, u ltaqgħu flimkien ħdejn il-menqgħa ta’ Gibgħon; u dawn qagħdu fuq naħa, u dawk fuq oħra.
14U Abner qal lil Ġowab: “Ħa joħorġu għan-nofs iż-żgħażagħ u jitqabdu quddiemna.” U Ġowab wieġeb: “Ħa joħorġu!” 15U ħarġu bl-għadd: tnax mit-tribù ta’ Benjamin min-naħa ta’ Isboset bin Sawl, u tnax mill-qaddejja ta’ David. 16Kull wieħed qabad ras sieħbu u nifdu f’ġenbu b’sejfu, u waqgħu lkoll f’waqt wieħed. U semmew dak il-post Ħelkat-ħassurim#2,16: Ħelkat-ħassurim: l-għalqa tax-xfafar. li tinsab f’Gibgħon.
17U kien hemm taqtigħa qalila sewwa dakinhar, u Abner u n-nies ta’ Iżrael kienu megħluba minn David u n-nies tiegħu. 18Kienu hemm it-tliet ulied ta’ Seruja: Ġowab, Abisaj u Għaxajel; u Għaxajel kien ħafif f’riġlejh daqs għażżiela tax-xagħri.#2 Sam 23,24; 1 Kron 2,16.
19U Għaxajel baqa’ jiġri dritt wara Abner, bla ma jikser lejn ix-xellug jew lejn il-lemin.#1 Kron 27,7. 20U Abner dar lejh u qallu: “Huwa int, Għaxajel?” U dak wieġbu: “Jien.” 21U Abner qallu: “Dur lejn ix-xellug jew lejn il-lemin, aqbad f’wieħed miż-żgħażagħ, u ħudlu ħżiemu.” U Għaxajel ma riedx iwarrab minn warajh. 22U Abner issokta jgħid lil Għaxajel: “Żul minn warajja, li ma nonxrokx fl-art, u mbagħad kif inkun nista’ nerfa’ wiċċi quddiem ħuk Ġowab?”#2 Sam 3,27-28. 23U hu ma riedx iwarrab, u Abner darbu b’tarf il-lanza f’żaqqu, u l-lanza ħarġet minn dahru u baqa’ mejjet fl-art. U kull min kien jgħaddi minn fejn kien waqa’ Għaxajel u miet, kien jibqa’ ċċassat. 24Imma Ġowab u Abisaj telqulha għal wara Abner, u għall-ħabta ta’ nżul ix-xemx waslu ħdejn l-għolja ta’ Amma, li tinsab biswit Ġijaħ fuq it-triq li tieħu għad-deżert ta’ Gibgħon. 25U n-nies ta’ Benjamin inġemgħu madwar Abner, u ngħaqdu bejniethom, u ħadu posthom fuq il-quċċata tal-għolja.
26U Abner sejjaħ lil Ġowab u qallu: “Se tibqa’ x-xabla sejra bil-qerda għal dejjem? Jaqaw ma tafx li fl-aħħar ikun hemm l-imrar? Kemm se ddum ma tgħid lill-poplu li ma jibqgħux jiġru wara ħuthom?”
27U Ġowab qal: “Daqs kemm hu ħaj Alla, li kieku ma tkellimtx int, il-poplu kollu kien jibqa’ sejjer wara ħuthom sa għada filgħodu.” 28U Ġowab daqq il-kornu u l-poplu waqaf, u ma baqax jiġri wara Iżrael, u ma ssuktawx aktar jitqabdu bejniethom.
29Abner u n-nies tiegħu baqgħu sejrin lejn l-Għaraba l-lejl kollu, qasmu l-Ġordan, u baqgħu miexja filgħodu kollu sa ma waslu Maħanajm.
30Ġowab imbagħad raġa’ lura minn wara Abner u ġama’ n-nies kollha; u nqerdu min-nies ta’ David dsatax-il raġel u Għaxajel. 31U n-nies ta’ David qatlu mit-tribù ta’ Benjamin u min-nies ta’ Abner tliet mija u sittin ruħ. 32U ġarrew lil Għaxajel u difnuh f’qabar missieru f’Betlehem. U Ġowab u n-nies tiegħu baqgħu jterrqu l-lejl kollu, u mas-sebħ waslu Ħebron.

Currently Selected:

2 SAMWEL 2: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in