YouVersion Logo
Search Icon

2 SAMWEL 1

1
Kapitlu 1
L-aħbar tal-mewt ta’ Sawl
1Ġara li wara l-mewt ta’ Sawl, David raġa’ lura mit-taqtigħa mal-Għamalekin, u kien ilu jumejn f’Siklag.#1 Sam 30,17-20; 31,1-13. 2Fit-tielet jum ġie raġel mill-kamp minn ħdejn Sawl bi ħwejġu mċarrta u t-trab fuq rasu. Kif wasal quddiem David, intafa’ wiċċu fl-art u sellimlu.#1 Sam 4,12-17.
3U David staqsieh: “Mnejn ġej?” u dak wieġbu: “Ħrabt mill-kamp ta’ Iżrael.” 4U David qallu: “X’aħbarijiet għandek minn hemm? Għidli, isa!” U wieġbu: “Il-poplu ħarab mit-taqbida, ħafna minnhom waqgħu u mietu; u mietu wkoll Sawl u Ġonatan, ibnu.” 5U David qal liż-żagħżugħ li tah l-aħbar: “Kif taf li mietu Sawl u ibnu Ġonatan?” 6U wieġbu ż-żagħżugħ li wassallu l-aħbar: “Inzertajt kont fuq l-għolja ta’ Gilbogħa, u nara lil Sawl jitwieżen fuq il-lanza, u l-karrijiet u r-rikkieba jrossu fuqu;#1 Sam 4,10; 1 Sam 31,1-4; 1 Kron 10,1-12. 7u hu ħares lura, lemaħni u sejjaħli; u jien weġibtu: ‘Hawn jien.’ 8U qalli: ‘Min int?’ u jien għedtlu: ‘Jien minn Għamalek.’ 9U hu qalli: ‘Ersaq lejja u oqtolni. Għadni ħaj; imma qabadni l-biża’ tal-mewt.’ 10U jien ersaqt lejh u qtiltu. Għax rajt li ma kienx se jgħix wara dik it-telfa tiegħu. U qbadt il-kuruna minn fuq rasu u d-dwawar minn fuq driegħu, u ġibthom lilek, Sidi.”#2 Slat 11,12.
11Iżda David qabad u ċarrat ħwejġu, u hekk għamlu wkoll in-nies li kellu miegħu.#2 Sam 13,31. 12U bdew inewħu u jibku, u samu sa filgħaxija għal Sawl, u għal ibnu Ġonatan, u għall-poplu tal-Mulej, u għad-dar ta’ Iżrael, għax kienu nqerdu bix-xabla.#1 Sam 31,13.
13U David imbagħad qal liż-żagħżugħ li kien tah l-aħbar: “Mnejn int?” u wieġbu: “Jien bin raġel barrani, minn Għamalek.” 14U qallu David: “Ma bżajtx tmidd idek biex toqtol il-midluk tal-Mulej?”#1 Sam 10,1; 24,7; 26,9; S 105,15. 15U David sejjaħ lil wieħed miż-żgħażagħ u qallu: “Ersaq u ntafa’ fuqu.” U mbagħad darbu u miet. 16U David qallu: “Demmek fuq rasek, għaliex fommok stess xehed kontrik meta għedt: ‘Qtilt il-midluk tal-Mulej.’ ”#Lev 20,9; Ġoż 2,19.
Il-lamentazzjoni ta’ David
17U David beka u għanna din il-lamentazzjoni għal Sawl u għal Ġonatan, ibnu, 18u ordna li jgħallmuha lil ulied Ġuda; u tinsab miktuba fi Ktieb il-Ġust#1,18: Ktieb il-Ġust: ara nota Ġoż 10,13.:#Ġoż 10,13.
19“Kif intemm ġmielek, Iżrael, fuq l-għoljiet!
Kif waqgħu l-qalbenin!#1 Mak 9,21.
20La tħabbru xejn f’Gatt,
la xxandruhiex fl-imsieraħ ta’ Askalon;
li ma jimtlewx bil-ferħ it-tfajliet tal-Filistin,
li ma jaqbżux bil-ferħ ix-xbejbiet tan-nies bla ħtin.#Mħ 16,23-24; 1 Sam 31,9; Mik 1,10.
21Ja għoljiet ta’ Gilbogħa,
la nida u la xita ma jinżlu fuqkom,
la raba’ għammiel ma jkun fikom.
Hemm ġiet fil-għajb it-tarka tal-qalbenin,
it-tarka ta’ Sawl, li ma ndilkitx biż-żejt.#Ġen 27,28; Dt 33,13.
22Mid-demm tal-maqtulin,
mix-xaħam tal-qalbenin,
il-qaws ta’ Ġonatan
qatt lura ma raġa’;
ix-xabla ta’ Sawl qatt ma reġgħet fiergħa.#1 Sam 14,47; Is 21,5.
23Sawl u Ġonatan, dħulin u maħbubin,
ma nfirdux la f’ħajjithom, la f’mewthom.
Eħfef mill-ajkli,
aqwa mill-iljuni!
24Xbejbiet ta’ Iżrael, ibku lil Sawl;
libbiskom bil-kreżmi u l-brukkat,
żejnilkom ilbieskom bid-deheb!#Mħ 5,30.
25Kif waqgħu l-qalbenin, waqgħu fil-ġlied!
Ġonatan fuq għoljietek maqtul.
26Jien imgħolli għalik, Ġonatan ħija,
l-għożża tiegħi u l-għaxqa għalija!
Imħabbtek għalija egħżeż
minn imħabbet in-nisa!#1 Sam 18,1.
27Kif waqgħu l-qalbenin;
u ntilef tagħmir il-ħarb!”#1 Mak 9,21.

Currently Selected:

2 SAMWEL 1: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in