YouVersion Logo
Search Icon

2 SAMWEL 3

3
Kapitlu 3
David f’Ħebron
1Il-ġlied bejn dar Sawl u dar David dam sejjer żmien twil. David baqa’ jissaħħaħ dejjem, u dar Sawl baqgħet sejra dejjem għall-agħar.
2U ’l David tweldulu dawn is-subien f’Ħebron: Amnon, il-kbir tiegħu, minn Aħinogħam il-Ġeżragħelija;#1 Kron 3,1-4; 2 Sam 5,13-16. 3it-tieni Kilab minn Abigajl, mart Nabal mill-Karmel; it-tielet Absalom bin Magħka, bint Tolmaj, sultan ta’ Gesur;#2 Sam 13,37; 15,8. 4ir-raba’ Adonija bin Ħaggit; il-ħames Sefatija bin Abital;#1 Slat 1,5. 5is-sitt wieħed Itrigħam minn Għegla, mart David. Dawn twieldu lkoll f’Ħebron lil David.
Abner u David
6Il-gwerra bejn id-dar ta’ Sawl u d-dar ta’ David ħadet fit-tul; u Abner baqa’ jissaħħaħ fuq dar Sawl. 7Sawl kellu konkubina jisimha Risfa bint Ajja. U Isboset qal lil Abner: “Għaliex ersaqt lejn il-konkubina ta’ missieri?”#2 Sam 21,8-10. 8Abner inkorla bis-sħiħ għal li qallu Isboset, u qallu: “Jaqaw ħsibtni ras ta’ xi kelb ta’ Ġuda? Sal-lum kont fidil lejn id-dar ta’ Sawl missierek, lejn ħutu u ħbiebu, u ma tlaqtekx f’idejn David. U issa tiġi tgħajjarni b’din il-mara! 9Hekk jagħmel Alla lil Abner u aktar, jekk ma nagħmilx lil David dak li ħaliflu l-Mulej:#Rt 1,17. 10jiġifieri li nneħħi s-saltna minn dar Sawl, u li nsaħħaħ it-tron ta’ David fuq Iżrael u Ġuda minn Dan sa Birsaba.”#1 Sam 25,30; 2 Sam 3,18; 5,2. 11U dak ma setax iwieġeb kelma waħda lil Abner, għax kien jibża’ minnu.
12U Abner bagħat malajr messaġġiera għand David jgħidulu: “Ta’ min hi l-art? Agħmel patt miegħi u, ara, jiena ngħinek, biex indawwar lejk lil Iżrael kollu.” 13U David wieġbu: “Tajjeb! Jien nagħmel patt miegħek. Ħaġa waħda nitolbok u ngħidlek: tidhirx quddiem wiċċi jekk qabel ma ġġiblix quddiemi lil Mikal bint Sawl, meta tiġi tarani.”#1 Sam 18,20-27.
14U David bagħat messaġġiera għand Isboset bin Sawl, jgħidulu: “Agħtini ’l marti Mikal li jiena kont tgħarrast magħha bil-prezz ta’ mitt ħliefa tal-Filistin.” 15U Isboset ħadha mingħand żewġha, Paltijel bin Lajs, u bagħatha lil David.#1 Sam 25,44. 16U żewġha wassalha sa Baħurim, jimxi u jibki warajha. U Abner qallu: “Mur u erġa’ lura!” U dak raġa’ lura.
17Abner imbagħad kellem lix-xjuħ ta’ Iżrael u qalilhom: “Issa ilkom żmien tfittxu li David isaltan fuqkom. 18Mela qumu, agħmlu li għandkom tagħmlu, la darba l-Mulej kellem lil David, u qallu: ‘Bis-saħħa ta’ David, qaddej tiegħi, jien nifdi l-poplu tiegħi ta’ Iżrael minn id il-Filistin u minn id l-għedewwa kollha tagħhom.’ ”
19U Abner issokta jkellem ukoll lid-dar ta’ Benjamin, u mar ikellem ukoll lil David f’Ħebron, u jgħidlu kulma kien jogħġob lil Iżrael u d-dar ta’ Benjamin.
20U Abner mar għand David f’Ħebron u miegħu kellu għoxrin raġel. U lil Abner u n-nies li kellu miegħu David tahom ikla kbira. 21U Abner qal lil David: “Se nqum u mmur niġbor quddiemek, sidi s-sultan, lil Iżrael kollu biex jagħmlu patt miegħek u int issaltan fuq kollox skont ma tixtieq qalbek!” U David ħallieh imur bis-sliem.
22Dak il-ħin waslu n-nies ta’ David u Ġowab minn assalt, u ġiebu magħhom priża kbira. Abner ma kienx f’Ħebron ma’ David, għax dan kien ħallieh imur bis-sliem. 23Malli Ġowab u l-qtajja’ kollha li kellu miegħu waslu, in-nies ħabbru lil Ġowab u qalulu: “Ġie Abner bin Ner għand is-sultan, u s-sultan ħallieh imur bis-sliem.” 24U Ġowab mar għand is-sultan u qallu: “X’għamilt? Ara, Abner ġie għandek. Għax ħallejtu jmur bis-sliem? 25Ma tafux lil Abner bin Ner? Li dak ġie biex iqarraq bik? Biex jitkixxef dħulek u ħruġek, u x’tagħmel u x’ma tagħmilx?” 26U Ġowab ħareġ minn quddiem David u bagħat messaġġiera wara Abner, u ġagħluh jerġa’ lura mill-bir ta’ Sira, bla ma kien jaf David. 27Malli Abner raġa’ lura f’Ħebron, Ġowab warrbu f’nofs ta’ bieb biex ikellmu bil-kwiet waħdu, u hemm darbu f’żaqqu, u miet. U hekk Ġowab tħallas tad-demm ta’ ħuh Għaxajel.#1 Slat 2,5.
28Imbagħad sama’ David b’dan u qal: “Bla ħtija jien u saltnati mid-demm ta’ Abner bin Ner quddiem il-Mulej għal dejjem. 29Jalla jaqa’ dan id-demm fuq Ġowab u d-dar kollha ta’ missieru! Jalla ma jonqos qatt minn daru l-mard bl-inxija tad-demm jew bil-ġdiem, min jistrieħ fuq il-ħatar#3,29: Min jistrieħ fuq il-ħatar: jew min iħaddem biss il-marden tan-newl; traduzzjoni possibbli., min imut bix-xabla, jew jittallab il-ħobż.” 30Ġowab u ħuh Abisaj qatlu lil Abner, talli kien qatel lil ħuhom Għaxajel f’Gibgħon waqt it-taqtigħa.#2 Sam 2,22-23.
31U David qal lil Ġowab u lin-nies li kienu miegħu: “ċarrtu lbieskom, u ilbsu x-xkejjer, u ixhru għal Abner.” U s-sultan David mexa wara t-tebut.#2 Sam 21,10. 32U difnu lil Abner f’Ħebron; u s-sultan għolla leħnu u beka fuq il-qabar ta’ Abner; u miegħu beka l-poplu kollu.
33U s-sultan għanna din il-lamentazzjoni għal Abner:
“Hekk kellu jmut Abner bħalma jmut l-iblah?
34Idejk ma kinux marbutin;
anqas riġlejk bil-qajd!
Bħalma jaqa’ wieħed quddiem il-ħżiena,
hekk int waqajt.”
U ssokta jibkih il-poplu kollu. 35U kulħadd ġie jħajjar lil David biex jiekol meta kien għadu binhar; imma David ħalef u qal: “Dan jagħmilli Alla u iżjed, jekk induq il-ħobż jew xi ħaġa oħra qabel ma tgħib ix-xemx.”#Rt 1,17; 1 Sam 31,13. 36U l-poplu kollu sar jaf b’dan, u kien jogħġbu kulma kien jagħmel is-sultan. 37U l-poplu kollu, saħansitra Iżrael kollu, intebaħ dakinhar li ma kienx is-sultan li qatel lil Abner bin Ner. 38U s-sultan qal lill-qaddejja tiegħu: “Ma tafux li prinċep u raġel kbir waqa’ llum f’Iżrael? 39Għad li jien midluk sultan iddgħajjift illum: dawn in-nies, ulied Seruja, huma eqlel minni. U jħallas il-Mulej id-deni lil min jagħmel id-deni, skont il-ħsara li jkun għamel.”#S 28,4; Is 3,11.

Currently Selected:

2 SAMWEL 3: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in