YouVersion Logo
Search Icon

1 SAMWEL 8

8
Kapitlu 8
L-Iżraelin jitolbu sultan
1Ġara li, meta Samwel kien xjieħ, qiegħed lil uliedu mħallfin fuq Iżrael. 2Il-kbir kien jismu Ġoel u ta’ warajh Abija. U kienu jagħmlu l-ħaqq f’Birsaba. 3Uliedu ma mxewx bħalu; ħsiebhom kien li jagħmlu kull xorta ta’ qligħ, jieħdu r-rigali, u jgħawġu l-ġustizzja.#Eż 23,8; Dt 16,19; Prov 17,23.
4Ix-xjuħ kollha ta’ Iżrael inġemgħu u marru għand Samwel f’Rama, 5u qalulu: “Ara, inti xjeħt, u wliedek ma qabdux triqtek. Issa agħmlilna sultan biex imexxina bħall-ġnus kollha.”#Dt 17,14-15; Hos 13,10; Atti 13,21. 6Dan li qalu: “Agħtina sultan biex imexxina,” ma għoġbux lil Samwel, u mar jitlob quddiem il-Mulej. 7Il-Mulej wieġeb lil Samwel: “Isma’ minn leħen il-poplu f’kulma jgħidulek. Għax mhux lilek warrbu, iżda lili warrbu, biex ma nsaltanx fuqhom.#Mħ 8,22-23; 10,13; 1 Sam 12,12-13; 1 Slat 9,9. 8Kulma għamlu lili minn meta tellajthom mill-Eġittu sal-lum - telquni biex qabdu allat oħra - issa qegħdin jagħmluh lilek. 9Issa isma’ minn kliemhom. Biss għidilhom u wrihom sewwa d-dritt tas-sultan li jsaltan fuqhom.”
10Samwel qal kulma qallu l-Mulej lill-poplu li kien talbu sultan. 11U qalilhom: “Dan hu d-dritt tas-sultan li għad isaltan fuqkom; jeħdilkom is-subien tagħkom, u jqegħedhom mal-karrijiet u maż-żwiemel, u jiġru quddiem il-karru tiegħu.#Dt 17,14-20; 1 Sam 10,25; 1 Slat 12. 12U jagħmel minnhom kaptani ta’ elf u ta’ ħamsin raġel, biex jaħartu l-ħrit tiegħu, u jaħsdu l-ħsad tiegħu, u jaħdmu l-għodod għall-gwerra u t-tagħmir għall-karrijiet tiegħu.#2 Sam 15,1; 1 Slat 1,5.
13“U jieħu l-bniet tagħkom biex jaħdmu l-fwieħa, isajru u jagħġnu. 14U mir-raba’ tagħkom, mill-oqsma tad-dwieli tagħkom, u taż-żebbuġ tagħkom jieħu l-aħjar, u jagħtihom lill-qaddejja tiegħu.#1 Sam 22,7; 1 Slat 21,1-24; Eżek 46,18. 15Jieħu mill-għaxra waħda tal-miżirgħa u tal-oqsma tad-dwieli tagħkom, u jagħtihom lill-kortiġjani u ’l-uffiċjali tiegħu. 16U jeħdilkom l-aħjar minn fost l-ilsiera, irġiel u nisa, u l-aħjar mill-baqar u l-ħmir tagħkom, u jqabbadhom jaħdmu fix-xogħol tiegħu. 17Jieħu mill-għaxra waħda tal-imrieħel tagħkom u intom tkunu lsiera tiegħu.#1 Slat 12,4; Prov 1,25-33; Mik 3,4. 18U dakinhar tgħajtu minħabba s-sultan li tkunu ħtartu, imma l-Mulej dakinhar ma jismagħkomx.”
19Imma l-poplu ma riedx jisma’ minn kliem Samwel, u qalulu: “Le! ħa jkollna sultan fuqna,#1 Sam 10,19. 20ħa nkunu aħna wkoll bħall-ġnus kollha; ħa jaħkem fuqna sultan tagħna, u jimxi quddiemna u jmexxi t-taqbid tagħna.” 21U Samwel sama’ l-kliem kollu tal-poplu u tenniehom f’widnejn il-Mulej. 22U l-Mulej qal lil Samwel: “Isma’ minn kliemhom, u agħmlilhom sultan.” U Samwel qal lill-irġiel ta’ Iżrael: “Kulħadd imur lejn beltu.”

Currently Selected:

1 SAMWEL 8: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in