YouVersion Logo
Search Icon

1 SAMWEL 9

9
Kapitlu 9
Samwel u Sawl
1Kien hemm raġel mit-tribù ta’ Benjamin li kien jismu Kis bin Abijel, bin Serur, bin Bekorat, bin Afijaħ, bin wieħed mit-tribù ta’ Benjamin, bniedem qalbieni u għani.#1 Sam 14,51; 1 Kron 8,3. 2U kellu iben jismu Sawl, żagħżugħ sabiħ, fl-aħjar tiegħu, u ma kienx hemm ieħor fost ulied Iżrael aħjar minnu; kien jgħaddi lil kulħadd minn spallejh ’il fuq.#1 Sam 10,3; 16,12.
3Darba waħda Kis, missier Sawl, intilfulu xi ħmariet, u Kis qal lil Sawl ibnu: “Ħu miegħek wieħed mill-qaddejja, u aqbad u mur fittex il-ħmariet.” 4Daru l-muntanji ta’ Efrajm u l-art ta’ Salisa, u ma sabu xejn; għaddew mill-art ta’ Sagħlim, xejn; u mill-art ta’ Benjamin, u ma sabu xejn. 5Daħlu fl-art ta’ Suf, u Sawl qal lill-qaddej li kellu miegħu: “Ejja nerġgħu lura; għandu mnejn missieri ma għadux jaħseb fil-ħmariet, u qiegħed jitħasseb fuqna.” 6U l-qaddej wieġbu: “Ara, f’din il-belt hawn raġel, bniedem ta’ Alla, raġel stmat; kulma jgħid, iseħħ. Issa mmorru hemm; għandu mnejn jgħidilna xi ħaġa fuq l-iskop li għalih qbadna t-triq.”#Dt 33,1; Mħ 13,6; 1 Slat 13,1. 7U Sawl wieġeb lill-qaddej: “Immorru, imma x’neħdulu lil dan ir-raġel? Il-ħobż għab mill-ħoroġ tagħna, u ma għandniex x’noffrulu lir-raġel ta’ Alla. X’nistgħu nagħtuh?”#Num 22,7; 1 Slat 14,3; 2 Slat 4,42; 5,15; 8,8-9. 8U l-qaddej raġa’ wieġeb lil Sawl u qallu: “Ara, għandi f’idi r-raba’ waħda ta’ xekel tal-fidda#9,8: Ir-raba’ waħda ta’ xekel tal-fidda: ix-xekel kien jiżen 11.4 grammi.; int agħtiha lir-raġel ta’ Alla u hu jurina triqtna.” - 9Dari f’Iżrael hekk kien jgħid xi ħadd meta kien imur jistaqsi lil Alla: “Ejja mmorru għand il-veġġent#9,9: Il-veġġent: bil-Lhudi ro‘e, wieħed jara ħwejjeġ moħbija ta’ issa jew ta’ li ġej; aktar ’il quddiem imsejjaħ nabi, profeta. Dan il-vers jiġi wara l-vers 11 f’xi verżjonijiet moderni., dak li jara,” għax dak li llum isejħulu profeta, dari kienu jsejħulu veġġent. - 10U Sawl qal lill-qaddej tiegħu: “Sewwa qiegħed tgħid. Ejja mmorru.” U marru lejn il-belt fejn kien hemm ir-raġel ta’ Alla.
11Huma u telgħin it-telgħa tal-belt iltaqgħu ma’ xi xbejbiet ħierġa jimlew l-ilma u qalulhom: “Hawn joqgħod il-veġġent, dak li jara?”#Ġen 24,11-13; Eż 2,16; Sir 46,15. 12U x-xbejbiet weġbuhom u qalulhom: “Hawn joqgħod. Hemm hu quddiemek, għadu kif daħal issa fil-belt, għaliex illum joffri s-sagrifiċċju tal-poplu fuq l-għolja#9,12: Sagrifiċċju tal-poplu fuq l-għolja: barra kull belt kien ikun hemm xi għolja li fuqha kienu joffru s-sagrifiċċji qabel inbena t-tempju ta’ Ġerusalemm. Dawn is-santwarji baqgħu wkoll wara l-bini tat-tempju; ipprova jeqridhom is-sultan Ġosija fis-sena 621 QK, imma kien kollu ta’ xejn..#Dt 12,13; 1 Sam 7,17; 16,5; 20,6; 1 Slat 3,2. 13Kif tidħlu l-belt għandkom issibuh hemm, qabel ma jitla’ fuq l-għolja jiekol, għaliex il-poplu ma jikolx qabel ma jasal hu; hu jbierek il-vittma, imbagħad jieklu l-mistednin. Itilgħu mela, għax bħalissa ssibuh.” 14U telgħu l-belt. Huma u deħlin mill-bieb jaraw lil Samwel ħiereġ u riesaq lejhom biex jitla’ l-għolja.
15Il-jum ta’ qabel ma ġie Sawl, il-Mulej kien tarraf xi ħaġa f’widnejn Samwel, u qallu:#Atti 9,10-16; 13,21. 16“Għada bħalissa nibgħatlek raġel mill-art ta’ Benjamin, u int idilku prinċep tal-poplu tiegħi Iżrael, u hu jeħles il-poplu tiegħi minn id il-Filistin, għax rajt l-hemm tal-poplu tiegħi, u l-għajta tagħhom waslet sa għandi.”#Eż 3,7-10; 1 Sam 10,1. 17Malli Samwel ra lil Sawl, il-Mulej qallu: “Hawn hu r-raġel li għedtlek: ‘Dan jaħkem fuq il-poplu tiegħi.’ ”#1 Sam 16,12.
18U Sawl resaq fuq Samwel f’nofs il-bieb u staqsieh: “Għidli, jekk jogħġbok, fejn hi d-dar tal-veġġent.” 19Samwel wieġbu: “Jiena hu l-veġġent. Itla’ qabli fuq l-għolja. Illum tieklu miegħi. Inħallik tmur għada filgħodu kmieni u nurik kulma għandek f’qalbek. 20Għall-ħmariet imbagħad li ntilfulek tlitt ijiem ilu, tħabbilx rasek, għax sabuhom. U ta’ min se jkun l-egħżeż ġid ta’ Iżrael? Mhux tiegħek u tad-dar kollha ta’ missierek?” 21U Sawl wieġeb u qallu: “M’iniex jien Benjamini mill-iżgħar fost it-tribù ta’ Iżrael, u l-familja tiegħi mhijiex l-iżgħar fost il-familji tat-tribù ta’ Benjamin? Għaliex qiegħed tkellimni hekk?”#1 Sam 15,17.
22Samwel ħa lil Sawl u l-qaddej tiegħu, u daħħalhom fl-għorfa, u tahom post f’ras il-mistednin, li kienu xi tletin ruħ. 23U Samwel qal lill-kok: “Newwel is-sehem li tajtek u li għedtlek: żommu għandek.” 24U l-kok ħa l-koxxa u s-sieq, u qegħedhom quddiem Sawl, u Samwel qallu: “Ara, dak li rfajtlek qiegħed quddiemek. Kul, għaliex kien merfugħ għalik għal din il-festa li għaliha stedint il-poplu.” Dakinhar Sawl kiel ma’ Samwel.
25Imbagħad niżlu mill-għolja lejn il-belt, firxu mitraħ lil Sawl fuq is-setaħ, u raqad hemm.
Sawl ikkonsagrat sultan
26Malli beda jbexbex Samwel sejjaħ lil Sawl fuq is-setaħ u qallu: “Qum ħa nibagħtek lura.” U Sawl qam u ħarġu t-tnejn barra, hu u Samwel. 27Huma u neżlin f’tarf il-belt Samwel qal lil Sawl: “Għid lill-qaddej jgħaddi qabilna, u inti oqgħod hawn illum, biex insemmgħek il-kelma ta’ Alla.”

Currently Selected:

1 SAMWEL 9: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in