YouVersion Logo
Search Icon

1 SAMWEL 7

7
Kapitlu 7
1U n-nies ta’ Kirjat-ġegħarim ġew u tellgħu l-arka tal-Mulej, u daħħluha f’dar Abinadab, li kienet fuq għolja, u kkonsagraw lil ibnu Elgħażar biex iħares l-arka tal-Mulej.
Samwel imħallef f’Iżrael
2Kien għadda ħafna żmien - għoxrin sena - mindu l-arka kienet waqfet f’Kirjat-ġegħarim, u d-dar kollha ta’ Iżrael bkew u daru lejn il-Mulej.#Mħ 6,6-10; 10,10-16. 3U Samwel kellem lid-dar kollha ta’ Iżrael: “Jekk intom terġgħu lura b’qalbkom kollha għand il-Mulej, neħħu minn nofskom l-allat barranin u lil Għastarot, orbtu qalbkom mal-Mulej, u aqdu lilu biss, biex hu jeħliskom minn id il-Filistin.”#Ġoż 24,23; Mħ 6,10; 10,10-16; 1 Sam 12,10-24. 4U wlied Iżrael warrbu minn nofshom lill-allat Bagħlim u Għastarot, u bdew jaqdu l-Mulej waħdu.#Mħ 2,13.
5Samwel qalilhom: “Ħa jinġabar Iżrael kollu f’Misfa, biex nitlob lill-Mulej għalikom.” 6U huma ltaqgħu f’Misfa, imlew l-ilma u sawbuh quddiem il-Mulej#7,6: Imlew l-ilma u sawbuh quddiem il-Mulej: dan ir-rit ma jissemmiex fil-bqija tal-Bibbja. Jista’ jkun li t-tifsira simbolika hi li l-poplu jiftaħ qalbu quddiem il-Mulej u jistqarr ħtijietu; ara S 62,9; Lam 2,19.; u dak in-nhar samu u qalu: “Dnibna quddiem il-Mulej.” U f’Misfa Samwel sar imħallef fuq Iżrael.#Mħ 20,1; 1 Sam 10,17; Lam 2,19.
7Il-Filistin semgħu li wlied Iżrael kienu nġemgħu f’Misfa; u l-kbarat tal-Filistin telgħu kontra Iżrael. Malli wlied Iżrael semgħu, beżgħu mill-Filistin. 8Ulied Iżrael qalu lil Samwel: “La tiqafx tgħajjat quddiem il-Mulej, Alla tagħna, għalina, ħalli jeħlisna minn idejn il-Filistin.”#Eż 17,9-13. 9Samwel ħa ħaruf tal-ħalib u offrieh b’sagrifiċċju tal-ħruq lill-Mulej; u għajjat Samwel quddiem il-Mulej għal Iżrael, u l-Mulej semgħu.#2 Sam 22,14-15; Sir 46,16-18.
10Ġara li meta Samwel kien qiegħed joffri s-sagrifiċċju tal-ħruq, il-Filistin resqu biex jaħbtu għal Iżrael. Dak in-nhar il-Mulej riegħed ragħda kbira kontra l-Filistin u ħarbathom; u huma tfarrku quddiem Iżrael. 11U n-nies ta’ Iżrael ħarġu minn Misfa, u ħabtu għall-Filistin u għamlu ħerba minnhom sa Bet-kar. 12U Samwel ħa ġebla u waqqafha bejn Misfa u bejn Sen u semmieha: Eben-għeżer, u qal: “Sa hawn għenna l-Mulej.”
13U hekk trażżnu l-Filistin u ma baqgħux jidħlu f’art Iżrael, għax id il-Mulej kienet iżżomm il-Filistin il-jiem kollha ta’ Samwel.#Mħ 3,10; 8,28; 11,33. 14U l-ibliet kollha li kienu ħatfu l-Filistin mingħand Iżrael, reġgħu għal għand Iżrael; u l-art minn Għekron sa Gatt bl-inħawi tagħhom ħadha Iżrael minn id il-Filistin; u kien hemm il-paċi bejn Iżrael u bejn l-Amurrin.
15U Samwel kien imħallef ta’ Iżrael il-jiem kollha ta’ ħajtu; 16u minn sena għal sena kien imur u jdur Betel, Gilgal u Misfa u jagħmel il-ħaqq lil Iżrael f’dawn l-inħawi kollha. 17Imbagħad kien jerġa’ lura f’Rama, fejn kellu daru, u hemm kien jagħmel ħaqq lil Iżrael u hemm ukoll bena artal lill-Mulej.#1 Sam 9,12; 14,35.

Currently Selected:

1 SAMWEL 7: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in