YouVersion Logo
Search Icon

1 SAMWEL 27

27
Kapitlu 27
David għand il-Filistin
1U David qal f’qalbu: “Għad jasal jum meta ninqered b’idejn Sawl. M’hemmx aħjar milli naħrab f’art il-Filistin, u Sawl jaqta’ qalbu minni, u ma jfittixnix iżjed f’art Iżrael, u hekk neħles minn idejh.” 2U David qam u għadda, hu u s-sitt mitt raġel li kellu miegħu, għal għand Akis bin Magħok, sultan ta’ Gatt.#1 Sam 21,11-16. 3U David qagħad għand Akis f’Gatt, hu u n-nies tiegħu, kull wieħed bil-familja tiegħu; David u ż-żewġ nisa tiegħu, Aħinogħam il-Ġeżragħelija, u Abigajl, il-mara ta’ Nabal mill-Karmel.#1 Sam 25,3; 30,3-5; 2 Sam 2,3. 4U lil Sawl ħabbrulu li David ħarab lejn Gatt; u ma baqax ifittxu aktar.
5U David qal lil Akis: “Jekk jien sibt ħniena f’għajnejk, agħtini post f’waħda mill-ibliet fir-raba’ u ngħammar hemm. Għaliex għandu l-qaddej tiegħek jgħammar f’belt is-sultan miegħek?” 6U Akis tah dakinhar Siklag. Għalhekk Siklag saret ta’ David#27,6: Siklag saret ta’ David: proprjetà personali ta’ David u s-suċċessuri tiegħu; hekk ukoll kienet Ġerusalemm: ara 2 Sam 5,7-9. u baqgħet tas-slaten ta’ Ġuda sa llum.#1 Sam 30,1. 7Iż-żmien li David għadda f’art il-Filistin laħaq sena u erba’ xhur.#1 Sam 29,3. 8David u n-nies tiegħu kienu jitilgħu u jaħbtu għall-Gesurin, għall-Girżin u għall-Għamalekin, għax dawn in-nies kienu jgħammru minn dejjem fl-art int u sejjer Sur, sal-art tal-Eġittu.#Eż 17,8; Ġoż 13,2; 1 Sam 15,3. 9U David kien jaħbat għalihom u ma kienx iħalli ħaj raġel jew mara; u kien jieħu u jaqbad f’idejh imrieħel u baqar, ħmir u iġmla u lbies, u kien jerġa’ lura għand Akis. 10U Akis kien jistaqsih: “Fejn mortu taħbtu llum?” U David kien iwieġeb: “Lejn in-Negeb ta’ Ġuda, lejn in-Negeb ta’ Ġeraħmelin, u lejn in-Negeb tal-Kenin.”#1 Sam 30,14; 1 Kron 2,9. 11U David ma kien iħalli ’l ħadd ħaj, la raġel u anqas mara, biex iġibhom f’Gatt għax kien jgħid: “Li ma jmorrux jixluna u jgħidu: ‘Hekk kien jagħmlilna David.’ ” U din kienet id-drawwa tiegħu sakemm dam jgħammar fir-raba’ tal-Filistin. 12U Akis kien jemmen f’David u jgħid: “Niesu umbrawh f’Iżrael; u issa jibqa’ qaddej tiegħi għal dejjem.”

Currently Selected:

1 SAMWEL 27: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in